€7.5 miljun f'boroż ta' studju għal aktar minn 500 applikant ġdid

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza 2017 u għall-Fondi Ewropej, Ian Borg, ħabbar it-tieni sejħa taħt l-iskema Endeavour li permezz tagħha aktar boroż ta’ studju se jkunu possibbli għall-istudenti li jixtiequ jkomplu jispeċjalizzaw. L-investiment totali taħt din l-iskema jammonta għal madwar €7.5 miljun li se jkunu ġejjin kollha mill-Fondi Soċjali Ewropej.

    Permezz ta’ din l-iskema aktar studenti se jkollhom l-opportunità li jkomplu jitħarrġu fuq livell akkademiku aħjar. Is-Segretarju Parlamentari qal li din l-iskema se tissapportja bosta oqsma b’mod partikulari r-riċerka fix-xjenza u t-teknoloġija. Huwa żied jgħid li oqsma speċifiċi bħal creative industries, life sciences, it-turiżmu kif ukoll studji f’servizzi finanzjarji u oħrajn ġew identifikati u jingħataw prijorità fuq oqsma oħrajn.

    Borg saħaq li permezz ta’ dan l-investiment huwa mistenni li - bejn Skema A u Skema B - se jkun hemm mal-500 applikant ġdid li se jibbenefika minn din it-tieni sejħa. L-iskema se tkompli ma’ dak li diġà sar f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, investiment bla preċedent fl-istudenti tagħna. Fil-fatt taħt l-ewwel sejħa li kienet ħarġet taħt din l-iskema  rriżulta li 247 student ġew mogħtija boroż ta’ studju li ammontaw għal aktar minn €2.1 miljun taħt Skema A waqt li 57 student ieħor kienu bbenefikaw minn madwar €600,000 taħt Skema B. 

    Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius li aċċenna għas-suċċess li kellha din l-iskema s-sena li għaddiet, fejn appuntu ngħataw ftit aktar minn 300 borża ta’ studju li varjaw f’livelli diversi tal-edukazzjoni terzjarja. 

    Agius qal li l-Gvern diġà qed jaħdem qatigħ biex inaqqas ir-rata tal-qgħad u inċentivi bħal dawn ikomplu jħarrġu aktar persuni b’ħiliet li huma essenzjali għal karigi speċifiċi.  Huwa semma kif fis-snin mgħoddija kien hawn nuqqas ta’ ċerti ħiliet u allura uħud mill-pożizzjonijiet kienu jimtlew b’persuni barranin.  Il-Gvern qiegħed jara li bi skemi bħal Endeavour timtela l-iskills gap li teżisti.

    L-applikazzjoni għal dawn il-boroż ta’ studju tista’ tinkiseb onlajn tu trid tintbagħat sas-6 ta’ Lulju.  Ir-riżultati jkunu kkomunikati wara li jintemm il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ kull applikazzjoni aktar tard fix-xhur li ġejjin.