Aġġornat (3): Weġġgħu tmien Franċiżi, waħda fil-periklu tal-mewt

    06:46: Il-Pulizija kmieni dalgħodu kkonfermaw li n-numru ta’ feruti huwa tmienja u kollha huma Franċiżi u jinsabu l-isptar għall-kura.

    Minnhom, raġel ta’ 46 sena ġie ċċerifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li mara ta’ 46 sena tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha. Il-bqija tal-persuni sofrew ġrieħi ħfief.

    21:42 Il-Pulizija kkonfermat li għall-ħabta tat-tmienja u għaxra ta’ filgħaxija kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’wieħed mir-ristoranti li hemm fi Triq il-Kbira, San Ġiljan (Il-Balluta).

    Il-Pulizija tad-Distrett u dawk mir-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post u rriżulta li għal xi raġuni kienet ċediet gallarija li fiha kien hemm numru ta’ persuni. Jidher li meta ċediet, din ġiet fuq gallarija oħra li hemm taħtha bil-konsegwenza li n-nies waqgħu u tlieta minnhom spiċċaw fuq il-blat.

    Fil-gallarija ta’ taħt dik li sfrondat ma kienx hemm nies. S’issa jidher li minn tal-inqas tmien persuni weġġgħu f’dan l-inċident iżda għadha mhux magħrufa n-natura tal-ġrieħi li sofrew. Dettalji dwar dan ser jingħataw iktar ‘il quddiem.

    Fuq il-post issejħu l-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta u diversi ambulanzi sabiex jagħtu l-assistenza tagħhom.

    Mistennija wkoll issir inkjesta mill-Maġistrat Inkwirenti. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

    20:57 Informazzjoni mhux uffiċjali tindika li hemm madwar seba' persuni midruba, imma skont dawn is-sorsi ħadd ma hu midrub b'mod gravi jew fil-periklu tal-mewt. Din l-informazzjoni għadha qed tiġi kkonfermata ma' sorsi uffiċjali li bħalissa għaddejjin bil-ħidma fuq il-post.

    Aktar qabel: Għadd ta' nies li llejla kienu f'gallarija ta' restorant f'San Ġiljan ħelsuha ħafif meta l-gallarija ċediet u spiċċaw fil-baħar. Jidher li għalkemm dawn in-nies sofrew xi ġrieħi, ħadd minnhom ma jinsab f'qagħda kritika.

    L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja tal-lejla fir-restorant bl-isem Barracuda li jagħti għal fuq il-baħar. Hu mifhum li meta ċediet, il-gallarija mielet għal fuq oħra li hemm taħtha u n-nies iżżerżqu għal ġol-ilma. Il-gallarija ta' taħt hija tar-restorant Piccolo Padre, li hu tal-istess sidien tal-Barracuda.

    Fuq il-post hemm il-Pulizija u membri tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta' Malta.

    Aktar tagħrif malli jaslilna.

    Ritratt: Facebook