Azzjoni mill-MFSA minħabba 'nuqqasijiet serji' fin-Nemea Bank

    L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) dalgħodu qalet li wara li saret spezzjoni fin-Nemea Bank plc, li jopera minn Portomaso, San Ġiljan, ħader għadd ta' miżuri minħabba nuqqasijiet regolatorji serji li nstabu.

    L-MFSA qalet li biex tiżgura l-protezzjoni tal-klijenti tal-bank, hija appuntat lil PricewaterhouseCoopers Malta bħala 'persuna kompetenti' skont l-Artiklu 29 tal-Liġi dwar il-Banek u Artiklu 15A tal-Liġi dwar is-Servizzi tal-Investiment.

    Barra minn hekk, il-bank ingħata direzzjoni dwar l-aċċettazzjoni ta' depożiti u ġbid ta' flus sakemm jinħareġ avviż ieħor.

    Dawn il-miżuri ttieħdu wara li saret spezzjoni fil-bank minn membri tad-DGMSIII tal-Bank Ċentrali Ewropew. F'din l-ispezzjoni nstabu għadd ta' nuqqasijiet regolatorji serji u għalhekk l-MFSA ddeċidiet li tieħu azzjoni biex tissalvagwardja l-interessi tal-kredituri tal-bank.

    Dawn il-miżuri ta' prekawzjoni se jibqgħu fis-seħħ sakemm l-MFSA jidhrilha li jkun xieraq. Dawk li jixtiequ jikkomunikaw mal-bank għandhom iċemplu fuq 25708100.