Nhar il-Ħadd il-kunċert annwali mill-Banda Kristu Re

    Fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ Kristu Re u l-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet li se jfakkru l-25 anniversarju mit-twaqqif tas-Sezzjoni Partitarji De Paule, il-Banda Kristu Re tas-Soċjetà Filarmonika de Paule ta’ Raħal Ġdid ser ittella’ l-kunċert annwali tagħha nhar il-Ħadd li ġej, 15 ta’ Novembru, fis-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta.

    Il-Banda Kristu Re ser tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha Mro Chev. David Sammut, bi programm imżewwaq b’mużika mill-aqwa u popolari. Programm li għandu jinżel tajjeb ma’ dawk kollha li fi ħsiebhom jattendu.

    Fost ix-xogħlijiet mużikali li ser jindaqqu nsibu l-marcia sinfonika Shoulder to Shoulder tal-eks surmast tal-Banda Kristu Re Mro Joseph Stivala. Din il-mużika għandha tema nazzjonali bl-insiġ tal-Innu Malti u l-God Save The Queen u ser tindaqq fl-okkazzjoni taż-żara tar-Reġina Eliżabetta f’Malta.

    Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn u dawk li ser jattendu huma mitluba jkunu f’posthom fis-6.45pm għax il-kunċert jibda fis-7.00pm. It-trasport ser jitlaq minn ħdejn il-Każin De Paule fis-6.15pm. Kulħadd mistieden jattendi.