Arti minn żewġ ġenerazzjonijiet esibiti ħdejn xulxin

    Żewġ ġenerazzjonijiet ta' artisti Maltin se jkunu qed jesibixxu x-xogħolijiet tagħhom ħdejn xulxin fit-tieni esibizzjoni mtella' mill-Bank APS, bit-tema "Żewġ Ġenerazzjonijiet ta' Familji Artistiċi Maltin", parti minn proġett ta' tliet snin.

    Ix-xogħolijiet tal-artisti veterani distinti George Fenech u Joseph L. Mallia se jkunu esibiti ħdejn ix-xogħolijiet ta' wliedhom, Gilbert Fenech u Henriette Mallia.

    Il-Bank qed jippubblika wkoll it-tieni minn sensiela ta' kotba, li jinkludi l-bijografiji tal-erba' artisti, kitba ta' analiżi u żewġ kummentarji oħra ta' kritika dwar ħajjet u x-xogħolijiet tal-artisti. Akkumpanjati minn ritratti, portraits u, ovvjament, ix-xogħolijiet tal-artisti, il-ktieb jieħu lill-qarrejja fuq vjaġġ ta' skoperti f'ħajjet l-artisti u x-xogħolijiet tagħhom, li diġà ilhom jeżistu kważi għal mitt sena.

    L-Editur Dr Luis Laganà, dwar l-artisti u x-xogħolijiet tagħhom, jgħid li: "Dawn l-erba' artisti Maltin jipprovdu 'realtà' perċepita b'mod ottiku u x-xogħolijiet tagħhom jesprimu rappreżentanza varja tal-identità Maltija espressa fil-pajsaġġi, oġġetti familjari u arti astratta".

    George Fenech studja fl-Iskola Pubblika tal-Arti u fl-Akkademja tal-Arti f'Ruma. Hu magħruf l-aktar għall-pitturi dwar il-pajsaġġi Maltin u l-mod kromatiku kif joħloq id-dawl ikkulurit u l-atmosfera fil-pitturi.

    L-influwenza ta' George fuq ibnu Gilbert hi evidenti fir-rappreżentazzjoni artistika tal-pajsaġġi Maltin.Gilbert ukoll jesplora sferi differenti fil-pittura, bħall-ħajja wieqfa, in-nudità u arti astratta.

    Filwaqt li l-ilwien rotob tal-pajsaġġ Mellieħi huma nnutati bħala protagonisti fix-xogħol ta' Fenech, id-dellijiet aktar vivaċi tal-Isla u l-madwar jidhru aktar fix-xogħolijiet ta' Mallia. Joseph L. Mallia studja fl-Iskola Pubblika tal-Arti u fl-Ingilterra. Fl-aħħar snin, hu biddel minn pitturi ta' pajsaġġi għall-arti astratta. Hu ħoloq b'suċċess stil li jgħaqqad il-passat, il-preżent u l-futur.

    Bint Mallia, Henriette, tiġi bi sfond artistiku arrikkit b'diżinn industrijali u l-esperjenza fit-tagħlim tal-arti. Ix-xogħolijiet artistiċi tagħha jinkludu pitturi ta' pajsaġġi, diżinji ta' settijiet għal palks, xogħolijiet murali u l-użu ta' mezzi differenti minn pittura fuq l-injam għal skultura fuq il-kartun u anke xogħolijiet fuq it-tafal.

    Il-pubbliku hu mistieden iżur l-esibizzjoni bejn is-Sibt, 17 ta' Ottubru u l-Ħamis, 3 ta' Diċembru bejn it-8.30am u s-1pm (mit-Tnejn sal-Ġimgħa), u bejn it-8.30am u l-11am (is-Sibt),. Il-ktieb li jikkumplimenta l-esibizzjoni, ukoll editjat minn Dr Laganà, se jkun disponibbli mill-APS Centre fis-Swatar u minn apsbank.trolleymania.com.