Tsipras jirreżenja... elezzjoni fil-Greċja aktarx f'Settembru

    Il-Prim Ministru tal-Greċja, Alexis Tsipras, ħabbar ir-reżenja tiegħu u qal li se jsejjaħ elezzjoni ġenerali. Din aktarx li se ssir fl-20 ta' Settembru li ġej iżda d-data għadha ma ġietx ikkonfermata.

    Tsipras, li ġie elett Prim Ministru seba' xhur ilu biss, ħabbar ir-reżenja f'xandira televiżiva. Huwa qal li għandu obbligu morali li jsejjaħ elezzjoni issa li ġie miftiehem it-tielet bailout mal-kredituri Ewropej. Minħabba l-ftehim mal-kredituri internazzjonali, Tsipras qed jaffaċċja kritika qawwija fi ħdan il-partit tiegħu Syriza.

    Skont il-BBC, madwar 43 mill-149 membru parlamentari tas-Syriza opponew il-ftehim tal-bailout jew inkella astjenew fil-vot li ttieħed fil-Parlament Grieg il-Ġimgħa li għaddiet.