Ixgħel fann jew AC… dejjem jekk għandek dawl

    Diversi postijiet madwar il-pajjiż reġgħu kienu milquta minn qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Fl-uffiċċju ta’ inewsmalta.com huma diversi l-persuni li ċemplu jilmentaw dwar dan.

    Fost il-postijiet li kienu mingħajr dawl fl-aħħar sigħat hemm is-Siġġiewi, Raħal Ġdid u Ħal-Tarxien. Iżda, bil-mod kif b’mod sistematiku qiegħed jinqata’ d-dawl ta’ postijiet differenti nistgħu ngħidu li fl-aħħar jiem kienu għexieren il-postijiet milquta minn din ir-realtà.

    Realtà iebsa ħafna hekk kif f’pajjiżna għaddejja mewġa ta’ sħana bit-temperatura mistennija tlaħħaq anke l-40 grad.

    “Basta jgħidulek ixgħel il-fan jew l-AC,” qalilna anzjan li ċempel irrabjat fl-uffiċju tagħna. “X’se nagħmlu għada meta t-temperatura titla’ għal 40 grad?” temm jgħidilna.

    Illum it-temperatura se tilħaq l-40 grad imma s-sħana se tkun qed tinħass aktar minn 43 grad f’dak magħruf bħala ‘heat stress’. Għada t-temperatura mistennija tkun 36 grad bil-‘heat stress’ ta’ 39 grad u r-raġġi UV ta’ 11, is-Sibt se tkun ukoll 36 grad bil-‘heat stress’ ta’ 40 grad u r-raġġi UV ta’ 10 filwaqt li l-Ħadd it-temperatura se tibqa’ l-istess, dik ta’ 36 grad bil-‘heat stress’ ta’ 38 grad u r-raġġi UV ta’ 11.

    F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, Mario Galea, tkellem dwar kemm fiċ-ċirkostanzi huwa importanti li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha.