Il-karnival ta' Venezja: Elf sena ta' maskri elaborati u kostumi eleganti

    Iċ-ċentru ta’ Venezja f'dawn il-jiem huwa ppakkjat bin-nies, b’bosta minnhom lebsin maskri u kostumi elaborati u tradizzjonali.

    Fi Pjazza San Marku, il-qalba fejn isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival ta’ Venezja, jinġabru eluf ta’ turisti u nies lokali, b’uħud jipparteċipaw fi sfilati u kompetizzjonijiet.

    L-oriġini ta’ dan il-karnival tmur lura sas-seklu 11. Fis-snin tletin tas-seklu 20 din il-festa ħadet daqqa ta’ ħarta hekk kif Benito Mussolini, Prim Ministru tal-Italja bejn l-1922 u l-1943, ma ppermettiex li jibqgħu jintlibsu l-maskri. Fl-1979, grupp ta’ persuni minn Venezja reġgħu introduċew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival f’Venezja li baqgħu jikbru tul is-snin.

    Ritratti: Melvic Zammit