Pierre J Mejlak mogħti l-Premju Ewropew għal-Letteratura

    Ilbieraħ, il-kittieb Għawdxi Pierre J Mejlak ingħata l-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura f'ċerimonja fi Brussell wara li x-xahar li għadda tħabbar bħala rebbieħ bil-ktieb tiegħu intitolat ‘Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid'.

    Il-premju kien ippreżentat lilu mill-Kummissarju Ewropew Tibor Navracsics li reċentement ħa r-responsabilità għall-Edukazzjoni, Kultura Żgħażagħ u Sport fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici li attenda għall-premjazzjoni.

    Din hija t-tieni darba li Malta rebħet il-premju tal-Unjoni Ewropea għall-Letteratura wara li l-kittieb Immanuel Mifsud kiseb dan is-suċċess fl-2011 bix-xogħol tiegħu ‘Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben),’.

    Pierre J Mejlak kiteb diversi xogħlijiet għat-tfal, novelli għall-adolexxenti u żewġ kollezzjonijiet ta’ setjjer qosra. Rebaħ darbtejn il-premju Malti għall-Ġurnaliżmu u kien ukoll, fost oħrajn, korrispondent mal-BBC.

    Din is-sena kienu tlettax l-awturi Ewropej li ġew ippremjati.

    Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Letteratura huwa l-uniku premju internazzjonali ta’ din ix-xorta.

    L-Unjoni Ewropea hija wkoll determinata li tgħin fit-traduzzjoni ta’ xogħolijiet letterarji ġodda permezz tal-programm “Creative Europe.”