Ċentru mediku ta' simulazzjoni ġdid f'Mater Dei

    Il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa issa għandhom ċentru mediku ta' simulazzjoni ġdid fl-isptar Mater Dei biex jitħarrġu fih.

    Meta inawgura dan iċ-ċentru, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li t-taħriġ permezz tas-simulazzjoni ġie żviluppat fl-industrija tal-avjazzjoni u llum dan il-kunċett ġie adottat ukoll fil-qasam tas-saħħa.

    Fearne żied jgħid li grazzi għal investiment ta' aktar minn €450,000, il-gvern qed joffri ċentru ta' eċċellenza li jipprovdi opportunitajiet uniċi ta' tagħlim.

    Ray Galea, Kap tal-Post Graduate Medical Training, qal li ċ-ċentru hu maqsum f'żewġ spazji kbar li b'kollox ikopru 250 metru kwadru u fih bħalissa qed jitħarrġu madwar 460 persuna, f'oqsma bħad-dermatoloġija, l-ortopedija, l-oftalmoloġija u l-pedjatrija.

    Iċ-ċentru hu maħsub biex joffri ambjent u sitwazzjonijiet li kemm jista' jkun jixbhu lil dawk li l-professjonisti mediċi jsibu ruħhom fihom fil-ħajja reali. It-tagħmir jinkludi wkoll żewġ mudelli ta' pazjenti li jteptpu għajnejhom, għandhom taħbit tal-qalb u jagħmlu ħsejjes respiratorji.