Illum lura fil-Parlament

    Illejla se jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament wara l-waqfa tal-vaganzi tas-sajf, inewsmalta.com kellem liż-żewġ whip’s Parlamentari Carmelo Abela u David Agius, dwar dak li se jkunu qegħdin jistennew u jantiċipaw matul din is-sena Parlamentari.

    Il-whip tal-gvern, Carmelo Abela qal li hemm numru ta’ abbozzi fuq l-aġenda tal-Parlament u dawk li se jingħataw prijorità fix-xahar t’Ottubru huma dawk dwar it-tielet pilastru marbut mal-pensjonijiet, fejn se jiġu emendati żewġ liġijiet dwar is-Sigurtà Soċjali u dwar it-taxxa fuq l-income. “Żewġ abbozzi li jinsabu anke fil-programm elettorali tal-partit tal-gvern ukoll se jkun fuq quddiem tal-aġenda. Dawn huma l-abbozz ta’ liġi dwar il-finanzjament tal-partiti u dwar li forzi dixxiplinati jissieħbu f’union. Wara dawn ikun imiss il-baġit u wara li jgħaddi l-baġit hemm numru ta’ liġijiet oħra li qed jiġu mħejjija. Wara diskussjoni li kien hemm fuq il-white paper dwar id-dikriminalizzazzjoni tad-droga issa jmiss li jitħejjew l-emendi għal-liġi biex dawn jiġu diskussi fil-Parlament aktar tard matul din is-sena,” qal Abela.

    Min-naħa tiegħu David Agius qal li waħda mill-affarijiet ewlenin f’din is-sena tal-Parlament mistennija tkun il-liġi biex tistabilixxi Kummissarju u Kumitat għall-Istandards fil-ħajja pubblika. “Djalogu ġenwin għandu wkoll iwassal għall-emendi kostituzzjonali, kif għamlu l-predeċessuri tagħna numru ta’ drabi fl-aħħar 50 sena bl-aktar importanti jkunu dawk tal-1974 u tal-1987,” kompla Agius.

    Mistoqsi jekk ibassarx li tkun sena easy going, jew waħda ta’ kwistjonijiet jaħarqu, Carmelo Abela qal li mhux faċli biex wieħed ibassar jew jantiċipa x’se jiġri. “Iżda kif dejjem ġara l-Oppożizzjoni mhux se toqgħod lura milli toħloq kwistjonijiet li taħseb li għandha titkellem dwarhom jew inkella li jkun hemm liġijiet li ma jkunx hemm qbil fuqhom. Sakemm dan isir kif għandu jsir huwa parti mid-demokrazija li pajjiżna jħaddan. Naħseb li se jkun hemm kwistjonijiet li se jkunu jaħarqu u se jkun hemm dibattitu mqanqal dwarhom. Kif jgħidu l-Ingliżi pleasure yet to come. Nantiċipa li d-diskussjoni dwar il-baġit se tkun qawwija u wara jista’ jkun hemm liġijiet li se joħolqu dibattitu jaħraq ukoll. Għadu ftit kmieni biex ngħid liema huma dawn l-abbozzi minħabba li l-ħidma fuqhom għadha għaddejja,” kompla Abela.

    Agius qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun waħda b’saħħitha u kostruttiva. Żied jgħid li l-Oppożizzjoni qiegħda tipprepara numru ta’ abbozzi u mozzjonijiet għal governanza aħjar. “Se nkunu qed nisħqu wkoll li l-abbozzi u mozzjonijiet tagħna, li jinkludu emendi Kostituzzjonali, jkunu diskussi f’ħin raġunat,” qal Agius.

    Huwa tkellem ukoll dwar il-Parlament il-ġdid u ddeskrieva dan bħala mument storiku għall-pajjiżna, hekk kif qatt qabel il-Parlament ma kellu binja għalih biss. “Simbolu ta’ kemm aħna kburin bil-passat tagħna u x-xewqat għall-futur. Dan il-futur nisperaw li jġib miegħu mentalità ġdida li tirriżulta f’emendi dwar ir-regoli tal-Parlament, li jkun hemm aktar awtonomija lejn il-Parlament, aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ gruppi parlamentari u assistenza prattika għall-membri li jkunu qegħdin jagħmlu riċerka u analiżi,” qal il-whip tal-Oppożizzjoni, David Agius.