Julian Galea jgħid li ċċajta goff

    L-eks kunsillier ta’ Tas-Sliema Julian Galea qal mat-Times of Malta li meta qal li l-laburisti jħallashom inqas kien qiegħed jiċċajta goff.

    “Jiena persuna li niċċajta u iva, xi kultant, niċċajta goff,” Galea kien ikkwotat jgħid.

    “Qat ma ridt infisser dak li ntqal… lanqas kont nistenna lil xi ħadd jirrekordjani,” żied jgħid Galea.

    Intant, it-TOM irrapportat ukoll li minn investigazzjoni tad-diretturi tal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali ma kien hemm l-ebda bażi għall-kummenti ta’ Galea. Fir-recordings li kienu xxandru Galea kien qal ukoll li kieku tfajla kellha tgħidlu li hi laburista ma kienx jibqa’ joħroġ magħha. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Galea kienu ġibdu kritika qawwija tant li eventwalment kellu jirriżenja mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema. Ħafna stqarru kif fis-soċjetà tal-lum dikjarazzjonijiet ta' mibgħeda ta' dan it-tip m'humiex aċċetabbli.