35 persuna misjuba f'kontejner f'Essex

    Fil-port ta' Tilbury f'Essex, l-Ingilterra, dalgħodu nstabu 35 persuna moħbijin f'kontejner. Huma kienu qegħdin isofru minn nixfa kbira u minn hypothermia u wieħed minnhom miet.

    Il-kontejner kien fuq vapur tal-merkanzija tal-P&O bl-isem ta' Norstream u tgħabba fuqu lbieraħ filgħaxija f'Zeebrugge fil-Belġju.

    Għadha mhix magħrufa n-nazzjonalità ta' dawk li nstabu fil-kontejner iżda hu magħruf li fosthom kien hemm ukoll nisa u tfal. Raġel kien iċċertifikat mejjet fuq il-post filwaqt li l-oħrajn ittieħdu għall-kura fi sptarijiet fil-qrib.