Tkompli l-ħidma biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku... jista' jerġa' jkun hemm qtugħ f'xi nħawi

    Filwaqt li qalet li qed taħdem biex tipprovdi konnessjonijiet alternattivi għall-inħawi ta’ madwar iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Marsa u tiżgura s-sigurtà tal-provvista lill-klijenti f’dan ir-reġjun, l-Enemalta avżat li fil-jiem li ġejjin jista' jerġa' jkun hemm qtugħ ta' dawl f'xi nħawi.

    Il-korporazzjoni qalet fi stqarrija li l-inħawi li kienu mqabbda mal-cables u l-apparat li sofrew ħsarat bin-nirien ta’ nhar it-Tlieta kellhom jingħataw il-provvista b’mod temporanju permezz ta’ konnessjonijiet oħrajn. Dan sar biex il-klijenti f’dawn l-inħawi jerġa’ jkollhom l-elettriku fl-inqas ħin possibbli.

    Madankollu, dan l-intervent ta’ emerġenza qed iżid il-pressjoni fuq partijiet oħra tal-grid fl-istess reġjun. Għalhekk, l-Enemalta tixtieq tavża lill-klijenti tagħha li fil-jiem li ġejjin jista’ jkun hemm qtugħ ta’ dawl f’xi nħawi li jieħdu l-provvista tagħhom mill-istess ċentru ta’ distribuzzjoni.

    Il-ħsarat estensivi f’dan iċ-ċentru affettwaw uħud mill-modi alternattivi ta’ kif l-elettriku jitwassal għand il-klijenti f’dawn l-inħawi. L-Enemalta għalhekk qed taħdem biex ikollha konnessjonijiet alternattivi oħrajn ħalli tkun f’qagħda aħjar li tilqa’ għal ħsarat oħra li jistgħu jinqalgħu, mingħajr ma taffettwa l-provvista. Din il-ħidma qed tgħin ukoll biex treġġa’ lura l-flessibilità u l-istabilità tal-grid u tnaqqas il-pressjoni minn fuq konnessjonijiet li qed jintużaw bħalissa. L-Enemalta qed talloka riżorsi addizzjonali biex tappoġġja din il-ħidma u twettaqha kemm jista’ jkun malajr.

    L-Enemalta tixtieq ukoll tagħraf u tfaħħar il-ħidma tal-impjegati tagħha li mill-ewwel irrispondew għall-emerġenza ta’ nhar it-Tlieta filgħaxija u għadhom qed jistinkaw il-ħin kollu biex iwettqu l-ħidma meħtieġa u jagħtu lura l-provvista lill-klijenti.

    Waqt li terġa' tiskuża ruħha għal kull inkonvenjent, l-Enemalta ttenni l-impenn tagħha li tkompli tinvesti fis-sistemi ta’ ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-elettriku tagħha biex iżżid il-flessibilità u tnaqqas ir-riskju ta’ diffikultajiet fil-provvista.

    Għal aktar għajnuna l-klijenti tal-Enemalta huma mħeġġa jikkuntattjaw lit-tim tal-Customer Care tal-Enemalta fuq 8007 2224 jew customercare.emc@enemalta.com.mt. Aktar tagħrif dwar l-Enemalta jinsab fuq is-sit www.enemalta.com.mt.