Luis Suarez se jibqa’ sospiż għal erba’ xhur iżda …..

    Il-qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport ma laqgħetx l-appell tas-sospensjoni ta’ disa’ partiti internazzjonali u erba’ xhur minn kull attività tal-FIFA tal-attakkant internazzjonali Urugwajan, Luis Suarez.

    Dan wara li huwa nstab ħati li gidem lid-difensur Taljan, Giorgio Chiellini, waqt il-partita tal-Fażi tal-Gruppi tal-Fażi Finali tat-Tazza tad-Dinja, li ntlagħbet fil-Brażil, bejn ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju.

    Fl-imsemmija partita, l-Urugwaj ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 biex ikkwalifikaw għat-Tieni Round.

    Dak in-nhar huwa kien player ta’ Liverpool iżda f’nofs ix-xahar li għadda huwa ingħaqad ma’ Barcelona għal £75 miljun.

    Mil-lat pożittiv, Suarez ingħata permess biex ikun jista’ jinżel għat-taħriġ mal-iskwadra Katalana.

    Dan kien it-tielet każ ta’ Suarez wara li meta kien jilgħab ma’ Ajax Amsterdam kien gidem lil Otman Bakkal ta’ PSV Eindhoven, f’Novembru 2010, u ġie sospiż seba’ partiti … filwaqt li f’April 2013, bil-flokk ta’ Liverpool huwa kien gidem lil Branislav Ivanovic ta’ Chelsea bil-konsegwenza li ġie sospiż 10 logħbiet.