Bidliet fil-liġi mhux biżżejjed

    Id-deputat Laburista Marie Louise Coleire Preca qalet fil-parlament li mhux biżżejjed li l-gvern jemenda l-liġi, iżda jrid ikollok ir-rieda li timplimenta l-miżuri li tkun adottajt.

    Meta kienet qieħda titkellem waqt it-tieni qari tal-abbozz ta' liġi li jemenda l-Liġi tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industirjali hija semmiet każ ta’ raġel tal-familja li ilu 15-il sena mal-istess 'employer' u qalulu li qiegħed bis-sensja. Coleiro Preca żiedet li meta tkellem magħha dwar din is-sitwazzjoni qalilha li għandu inkwiet kbir għax se jispiċċa bla impjieg wara 15-il sena. “Dan lanqas tmien ġimghat m’għandu notice għax fil-15-il sena li ilu jaħdem, l-employer bidillu l-kumpanija sitt darbiet,” qalet Coleiro Preca li staqsiet kif l-emendi li se jiddaħħlu fil-liġi se jindirizzaw abbużi bħal dawk li qed jiffaċċja dan il-ħaddiem.

    Staqsiet ukoll kif se jkunu mħarsa ħaddiema b’kuntratti definiti. Qalet li hekk kif jibdew iqarrbu l-erba’ snin, jagħtuhom is-sensja biex ma jiġux tal-post.

    Tkellmet ukoll dwar il-kwistjoni tax-xogħol prekarju u dwar dak li qal il-bord ta’ inkjesta f’Settembru li għadda, dwar il-każ tal-care workers. Fosthom li dawn huma regolati b’liġi ta’ 34 sena ilu u l-paga tagħhom f'dawn is-snin kollha żdiedet biss bl-għoli tal-hajja.

    “Qed nemendaw din il-liġi, imbagħad id-dipartiment tar-relazzjonijiet industrijali li huwa responsabbli għal dawk l-ammont qawwi ta’ ħaddiema li mhumiex f’unjin, kien hu li rabathom mal-inqas grad tal-wages council order,” qalet Coleiro Preca. Hija żiedet tistaqsi fuq liema bażi dan id-dipartiment iddeċieda li jorbothom mal-inqas grad.

    Irreferiet ukoll għall-kaz tal-infermieri studenti u kif il-Gvern mhux se jħallashom kif suppost. Qalet li l-Gvern qiegħed jabbuża mill-kundizzjonijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ. Hi semmiet ukoll iż-żgħażagħ impjegati mal-Paying Agency tal- UE. Qalet li dawn kienu impjegati bħala self employed u għalhekk qed ikun il-Gvern stess li qed iħeġġeġ il-prekarjat.

    Waqt l-għeluq tad-diskuzzjoni, il-Ministru Chris Said ikkonferma li hemm employers li qegħdin jabbużaw mill-ħaddiema u mis-sistema preżenti.Qal li l-abbużi jkunu kreati minn żmien għal żmien. Huwa ammetta li Malta għadha tinsab l-aħħar fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol iżda qal li fl-aħħar snin rajna progress qawwi bis-saħħa tal-inċentivi li ta l-Gvern biex in-nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.