Solidarjetà mal-Qrendin fuq Facebook

    Mat-telfa taż-żagħżugħ Joseph Mifsud, li kien ilu jiġġieled għal ħajtu mid-29 ta’ Mejju meta kien involut f’inċident fil-kamra tan-nar ta’ Santa Marija tal-Qrendi, bosta kienu dawk li wrew in-niket tagħhom għal din il-ġrajja kerha li dallmet il-ħajja tal-Qrendin kif ukoll ta’ bosta dilettanti oħrajn tal-piroteknika madwar Malta.

    Fil-fatt, bosta għaqdiet tal-piroteknika u anke baned u każini tal-festi ngħaqdu f’leħen wieħed ta’ solidarjetà fuq il-grupp “Dilettanti tan-Nar” fuq Facebook u wrew id-dispjaċir u l-qsim il-qalb għal dak li ġara.

    Barra minn hekk, b’turija ta’ rispett huma ħafna dawk li qegħdin jitfgħu diski bħall-Ave Marija u joffruha għal Mifsud. Hemm ukoll bosta oħrajn li qegħdin jissuġġerixxu li għada l-grupp itella’ biss affarijiet relatati ma’ Joseph u mal-festa tiegħu biex ifakkru kemm dan iż-żagħżugħ kien jgħożż il-festa u kemm kien jagħti ħin għaliha.