Aġġornat (2), : Charlò Bonnici jistenna azzjoni “kbira”

    Ftit jiem qabel jiltaqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista d-deputat Nazzjonalista, Charlò Bonnici, ddikjara mal-blog ta’ Andrew Azzopardi li l-azzjoni li trid tittieħed mill-partit fil-konfront tad-deputati li vvotaw kontra l-linja tal-istess partit, trid tkun kbira.

    “Naqbel li kulħadd irid iġorr il-konsegwenzi ta’ għemilu. L-azzjoni li trid tittieħed mill-Partit trid tkun a proporzjon tal-ħsara li saret. U kif diġà ktibt, il-ħsara li saret lill-pajjiż u lill-partit kienet kbira,” stqarr Bonnici, li flimkien ma’ Beppe Fenech Adami kien fost l-ikbar kritiċi ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, Jesmond Mugliett u Franco Debono.

    Intant, filwaqt li qal li bħala back bencher hu ma jħossux imwarrab stqarr ukoll li fil-voti ta’ dawn it-tliet deputati “l-issues personali lagħbu logħba importanti.”

    Reazzjoni ta' JPO u Mugliett

    Intant, meta mitlub għal reazzjoni minn inewsmalta.com id-deputat Jeffrey Pullicino Orlando qal: "Jien nistenna azzjoni a proporzjon tal-ħsara li għamel is-Sur Richard Cachia Caruana."

    Id-deputat Jesmond Mugliett qal li dak li qiegħed jgħid Charlò Bonnici ma jirriflettix dak li n-nies jippretendu minn deputat elett f'pajjiż demokratiku.