Żjara mill-Kunsill ta' Misurata f'Malta

    Illum mistenni jiġi Malta l-Kunsill ta’ Misurata, bħala apprezzament għar-rwol li kellha Malta waqt il-kriżi tal-Libja.

    Dan ħareġ minn ittra li l-Prim Ministru bagħat lill-Brigadier Martin Xuereb bid-data tat-3 ta’ Lulju.

    F’din l-ittra Lawrence Gonzi qal li “għal din l-okkażjoni f’isem il-Kunsill ta’ Misurata nixtieq nieħu din l-opportunità biex nerġa' nirringrazzja lill-Forzi Armati ta’ Malta għall-ko-operazzjoni u l-ħidma tagħkom biex għajnuna tasal lejn Misurata, belt simbolu tat-taqbida għal-libertà.”

    Dr Gonzi kompla jgħid li s-sehem tal-Armata u ta’ ħafna oħrajn kien ta’ siewi kbir waqt dan il-mument diffiċli. Huwa qal li Malta hija waħda mill-pajjiżi li l-iktar li offriet is-servizzi tagħha lin-nies ta’ Misurata. Il-Prim Ministru qal li pajjiżna wettaq l-obbligi tiegħu kemm dawk internazzjonali kif ukoll dawk morali u għaldaqstant aħna meqjusin bħala pajjiż kapaċi u affidabbli.

    Fl-aħħarnett Gonzi talab lill-Brigadier Xuereb li jkun grat lejh jekk jgħaddi dan il-messaġġ lill-membri kollha tal-FAM. Xi ħaġa li għamel il-Kulunell Martin Bondin b’ċirkolari li ħareġ nhar il-Ħamis li għadda.