L-armata tan-Nofsinhar tas-Sudan tipprepara biex tokkupa lil Bor

    It-truppi tan-Nofsinhar tas-Sudan qegħdin jippreparaw biex jidħlu fil-belt okkupata mir-ribelli ta' Bor. Dan saħqu l-President Salva Kiir.

    Kiir saħaq fil-Parlament li l-armata kienet lesta biex tibda bil-manuvri tagħha, fejn żied li l-kontra-attakk safa pospost biex ċittadini Amerikani jingħataw iċ-ċans kollu biex joħorġu miż-żona. Bor, li jinsab fl-istat ta' Jonglei, waqa' taħt idejn ir-ribelli nhar l-Erbgħa li għadda hekk kif ġimgħa sħiħa ta' vjolenza etnika qajmet biża' kbira ta' gwerra ċivili. Staff umanitarji tal-Ġnus Magħquda ddeskrivew xeni mdemmijin, inkluż eżekuzzjonijiet fil-pubbliku.

    Aktar kmieni, l-armata tan-Nofsinhar tas-Sudan ikkonfermaw li Bentiu, il-belt kapitali ta' Unity State, fejn jinsab iż-żejt mhux maħdum, waqgħet taħt idejn ġellieda li jissapportjaw lill-eks-Viċi-President Riek Machar. Il-President attwali Kiir, membru tal-grupp etniku Dinka, keċċa mill-kariga lil Machar f'Lulju li għadda. Ta' min wieħed isemmi li Machar huwa membru tal-komunita Nuer.

    Il-President attwali akkuża lil Machar li prova jwettaq kolp ta' stat, li l-istess Machar jiċħad bis-saħħa kollha.