Thamsanqa Jantjie jiddaħħal l-isptar

    L-interpretu li qajjem tant kontroversja waqt il-jum ta' tifkira lil Nelson Mandela, akkużat li beda jivvinta l-mossi, iddaħħal fi sptar psikjatriku.

    “Thamsanqa Jantjie jista' jkun li għadda minn ‘breakdown’,” saħqet il-mara tiegħu Siziwe.

    Esperti fil-lingwaġġ tas-sinjali akkużawh li rrefera għall-suġġetti “li ma jagħmlux sens” hekk kif kien qed jinterpreta l-eloġiji waqt il-jum ta' tifkira lil Mandela l-ġimgħa li għaddiet.

    Is-Sur Jantjie saħaq li sofra minn attakk qawwi ta' skizzofrenija. Min-naħa l-oħra huwa jibqa' jinsisti li huwa interpretu kwalifikat.

    Id-Deputat Ministru għad-Diżabbiltà Hendrietta Bagopane-Zulu saħaq li l-kumpanija li ħadmu lil dan l-interpretu “sparixxew”. Il-mara ta' Jantjie ħadet lir-raġel tagħha fi sptar psikjatriku viċin Johannesburg għal ‘check-up’ nhar it-Tlieta li għadda u ssuġġerewlha li jiddaħħal għal kura immedjatament.