Inċertezza kbira kemm l-avvenimenti sportivi se jkomplu minħabba l-coronavirus

  • Mar 26, 2020 00:00
  • Miktub minn iNews

    F’dawn l-aħħar ġimagħtejn kien hemm żieda ġmielha ta’ problemi li kkawża l-coronavirus madwar id-dinja partikolarment fil-kontinent Ew­ropew. Diversi persuni sfaw vittmi u oħrajn infettati kienu l-fatturi ewlenin li ħallew ħerba kbira speċjalment fl-Ital­ja bl-emerġenza tkompli tiżdied.

    Din hi xi ħaġa li ħadd qatt ma kien qed jistenna. Diversi attivitajiet sportivi ġew effettwati sew partikolarment avvenimenti tant mistennija fosthom il-Euro 2020, il-kompetizzjonijiet Ewropej u ... issa anke l-Logħob Olimpiku ġie pospost.

    Jekk nitkellmu dwar il-football hemm diversi għaj­dut u xnigħat li l-kampjonati ewlenin Ewropej jistgħu jitkomplew lejn l-aħħar parti ta’ Mejju jew il-bidu ta’ Ġunju. Għal ħafna osservaturi u kritiċi ta’ din il-logħba, dawn huma biss kastelli fl-arja minħabba li l-inċertezza tant hi kbira li diffiċli tippjana xi affarijiet.

    Esperti fil-qasam mediku u dawk sportivi qed jgħidu li diversi wegħdiet li qed isiru minn xi presidenti tal-assoċjazzjonijiet tal-pajjiżi li mistennija jkomplu bl-istaġun attwali huma kollha paroli u xejn iżjed. Fil-fatt il-coronavirus mistenni jieħu ħafna aktar żmien sakemm inaqqas mill-intensitá tiegħu. Ħafna qed isostnu li hemm involuti xhur u jista’ wkoll toqrob is-sena l-ġdida qabel ma kul­ħadd jerġa’ jieħu r-ruħ.

    Kritiċi tal-football Ew­ro­pew sejħu lil dawn il-presi­denti bħala ċarlatani minħabba li huma iktar moħħhom fil-flus li se jitilfu milli minn saħħet il-players.

    Esperti fil-qasam mediku qalu li fil-pajjiżi kollha partikolarment dawk Ewropej, qed isibuha diffiċli jiġġieldu kontra dan il-virus bl-isptarijiet u l-kliniċi miżgħuda b’paz­jenti ta’ kull etá.

    Dan qed iwassal għall-konklużjoni li għad fadal ħafna u ħafna żmien qabel ma nibdew naraw attivitajiet tal- massa bħall-Kampjonat Ewropew, il-UEFA Champions League u l-Logħob Olimpiku.

    Hekk kif bħalissa, ix-xjentisti qed jagħmlu r-riċerki tagħhom kontra dan il-virus, l-appell baqa’ dak li l-popli madwar id-dinja jżommu dik li hi msejħa distanza soċjali biex ma jkomplix jinxtered dejjem aktar.

    L-istess xjentisti qed jgħidu li l-vaċċin li jista’ jikkumbatti din l-epidemija kapaċi jieħu madwar 18-il xahar biex ikun disponibbli u dan jagħ­mel l-affarijiet iktar kompli­kati u xi ftit ukoll realistiċi dwar kemm huwa importanti li ċerti avvenimenti tal-massa jiġu evitati għalissa.

    L-istess kritiċi qed jgħidu li hu importanti li għalissa ma ssir l-ebda wegħda fiergħa li tista’ tagħti indikazzjoni ta’ xi bidu ta’ sport minħabba li l-każijiet huma tant gravi li wieħed ma jistax jippjana.

    Anke jekk il-football jirritorna bil-bibien magħluqa hemm sitwazzjonijiet oħra li jridu jiġu meħuda in konsi­derazzjoni. Jekk player wie­ħed f’team partikolari jinstab pożittiv għal dan il-virus l-iskwadra kollha trid tmur f’iżolament għall-15-il ġurnata bil-konsegwenza li l-is­taġun ikollu jitwal aktar. Jekk ikun hemm numru konsi­derevoli ta’ ambulanzi f’post partikolari, se jkompli jiżdied ix-xogħol fis-servizzi tas-saħħa Ingliżi li jaraw dan kollu bħala żejjed iktar u iktar meta l-problemi qed jimmultiplikaw.

    Xjenzat partikolari li hu wkoll dilettant tal-football qal li ċerti presidenti għadhom ma ndunawx li apparti l-problemi mediċi li jeżistu minħabba dan il-virus, hemm kwistjonijiet oħra importanti u dawn huma l-impatt fuq l-ekonomija.

    Fil-fatt tidher evidenti li n-nies mhux se jkollhom flus fil-but u għalhekk mhux se jaffordjaw imorru jaraw xi logħba football hekk kif se jsibu problema kbira biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar.

    Osservazzjoni oħra li saret għandha x’taqsam mal-budget tat-timijiet rinomati Ew­ropej b’kuntrast ma’ dawk li m’għandhomx ir-riżorsi eko­nomiċi li jkampaw jekk mhux b’xi sponsors.

    Dawn tal-aħħar ħadu daqqa ‘l isfel minħabba li l-problemi ekonomiċi se jkunu kbar u b’hekk mhux se jkun hemm introjtu dieħel.

    Għal dan il-għan saret proposta biex clubs kbar u sinjuri jagħtu xi ħaġa milli għandhom lil dawk iż-żgħar jekk ma jridux li fi żmien ftit xhur jisparixxu mid-dinja tal-football.

    Intqal ukoll li players ta’ fama mondjali bħal Mohamed Salah, Lionel Messi u Cristiano Ronaldo fost oħ- rajn, jikkontribwixxu finanzjarjament biex iżommu l-football ħaj minħabba li għand­hom muntanja ta’ flus li ma jafux x’se jagħmlu bihom.

    Wara kollox dawn il-players m’huma xejn mingħajr il-partitarji u l-abbonati tal- istazzjonijiet sportivi ewlenin li jħallsu somom kbar ta’ flus biex jaraw l-aqwa logħob possibbli.

    Players li jitħallsu salarji kbar huma magħrufa li għandhom vilel kbar filwaqt li jgħumu f’oċeani ta’ flus. Huwa għalhekk li qed jiġi propost biex dawn il-players jagħtu xi ftit mill-ħafna li għandhom biex jgħinu aktar lil din il-logħba.

    L-istess kritiċi qalu li ma jagħmilx sens li players rinomati jibqgħu jaqilgħu flus bl-addoċċ filwaqt li ħaddieħor isibha diffiċli biex jitħallas. Skond riċerka li saret mill- kumpanija Global Salary Survey, membru fi skwadra tal-football ta’ team Ewropew jaqla’ madwar £61,024 fil-ġimgħa.

    Dan kollu ma jagħmilx sens meta qed nitkellmu fuq logħba li suppost hija ta’ kulħadd u mhux tas-sinjuri biss.

    Sadanittant, players miż-żewġ clubs ta’ Manchester ġabru s-somma ta’ £100,000 biex jgħinu nies fil-bżonn partikolarment dawk li jsibuha diffiċli jixtru l-bżonnijiet ta’ kuljum. Kulħadd faħħar dan il-ġest għalkemm din kienet fula f’qargħa.

    Minkejja kollox mhux il- football biss qed jiġi milqut mill-firxa tal-coronavirus hekk kif anke l-Logħob Olim­piku ġie pospost meta l-bie­raħ stess ħarġet l-aħbar li se jiċċaqlaq għas-sena d-dieħla, jiġifieri għal Lulju 2021.

    Fil-veritá, saret pressjoni minn diversi federaz­zjonijiet biex il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali kellu jikkonsidra li jmexxi d-dati tal-Logħob li jsir kull erba’ snin.

    Dan minħabba li l-atleti urew l-għadab tagħhom li ma setgħux jitħarrġu sewwa fi djarhom u għaldaqstant ma kienux se jkunu ppreparati fiżikament tajjeb.

    L-organizzaturi wrew xettiċiżmu għal dan il-posponiment iżda l-mistoqsija kienet ... kemm kien se jkun għaqli li madwar 10,000 atleta kienu se jitħallew jivjaġġaw minn pajjiżhom għal Tokjo meta l-virus huwa mxerred madwar id-dinja kollha?

    Fil-fatt, il-pariri tal-esperti mediċi kienu li f’każ li l-Logħob kellu jsir, il-virus kien se jinxtered aktar.

    Finalment, esperti fil-qasam sportiv isostnu li fil-mument ma tistax tippjana dak li trid tagħmel minħabba li dan il-virus inviżibbli ġab lil kulħadd għarkupptejh u għalhekk il-parir huwa li wieħed għandu jħalli biex jara x’se jiżviluppa fil-ġranet, fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin.

     

     

     

     

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook