Telfa ta’ pilastru ieħor deskritt bħala l-“ħabib tal-fqar”

  • Fra 25, 2020 10:39
  • Miktub minn iNews

    Bniedem li dejjem iġġieled għad-drittijiet tal-emarġinati u prova jaħdem biex ikompli fejn ħalla l-mibki Charles Miceli. Hekk ġie deskritt l-attivist tal-ġustizzja soċjali Joseph Bartolo, magħruf bħala "is-Sloopy", li miet nhar il-Ħadd, 23 ta' Frar. Telfa kbira li ġiet sentejn wara telfa kbira oħra, dik ta’ Charles Miceli.

    Bartolo kien magħruf għall-valuri soċjalisti u umanistiċi tiegħu, wara li kien attivist kontra l-faqar li kkontribwixxa attivament għall-housing policies, inkluża l-leġislazzjoni riċenti li tirregola s-suq tal-kera, u li kien involut ukoll fl-ippjanar ta' proġetti ta' akkomodazzjoni ġodda. Uħud minn nies osservaw ukoll li Bartolo kien ħadem ħafna fi ħdan l-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti fil-bidu tas-snin 80 flimkien ma’ Ronnie Pellegrini.

    Bartolo, li kien attivist u jifforma parti mill-Alleanza kontra l-Faqar, kien vuċi soda għall-batut u dejjem ħadem biex itejjeb il-kwalità ta' ħajja ta' kull individwu. It-telfa tiegħu hija telfa għas-settur kollu tal-akkomodazzjoni soċjali. Ir-reazzjoni ta' bosta għal din l-aħbar ta' niket hija l-akbar xhieda ta' dan.

    Huwa se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima għada fis-2.00p.m. ġewwa l-Knisja Parrokkjali tal-Gżira.

    “Unur li kien parti mit-tim tiegħi”

    Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista sellmu il-memorja ta’ Bartolo u ddeskrivewh bħala bniedem li ta kontribut kbir fil-ġlieda kontra l-faqar u fil-qasam tal-housing soċjali.

    Wara Charles Miceli, Bartolo kien wieħed mill-aktar persuni li kien jitkellem favur il-batut u dejjem ra li dawn jiġu mgħejuna bl-aħjar mod possibbli. Dan l-aħħar huwa kien involut fil-leġislazzjoni li tirregola s-suq tal-kera. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li kien ixxukjat meta sar jaf bl-aħbar tal-mewt tiegħu u sostna li l-valuri ta’ ġustizzja soċjali li ħaddan Bartolo se jibqgħu ħajjin fihom. Filwaqt li Galdes qal li mhux se jinsewh qatt, huwa sostna li kien ta’ unur għalih li kien parti mit-tim tiegħu.

    Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne sellem il-memorja ta’ Bartolo bil-kliem, “Sieħbi Sloopy - tlaqt kmieni wisq”. Intant l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba ddeskriva lil Bartolo bħala wieħed mill-ilħna li tul iż-żmien dejjem kien hemm biex jitkellem favur il-fqir, l-emarġinat u l-batut. Huwa rringrazzjah tax-xogħol li għamel anke fl-aħħar snin fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali filwaqt li nnota li tlifna ruħ li dejjem ġabet fuq quddiem tal-ħidma il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali.

    Il-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li l-mewt ta’ xi ħadd bħal Bartolo tnikket lil kull min jaħdem fil-Moviment Laburista għax Joe kien vuċi ta’ kuxjenza u li fuq kollox kien bniedem ta’ prinċipju li filwaqt li fehem il-bidliet li pajjiżna għaddej minnhom, dejjem fakkar lin-nies f’wieħed mill-għanijiet li 100 sena ilu l-Partit Laburista twaqqaf għalih: il-ġustizzja soċjali.

     “Papà tlaqtni wisq kmieni”

    It-tifla ta’ Bartolo, Vida Mamo, tellgħet ritratt ta’ missierha fuq il-paġna tagħha tal-midja soċjali filwaqt li qalet li dan huwa l-aħjar mod kif tista’ tibqa tiftakru. “Papà ħallejtni wisq kmieni.”

    L-opinjonist Philip Borg iddeskriva lil Bartolo bħala soċjalist konvint, dedikat għall-prinċipji u l-ħidma tal-ġustizzja soċjali, dejjem b’risq il-persuni vulnerabbli. Borg qal li jiftakru sew il-Freedom Press fl-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti ma' Dennis, Salvu Seychell, Maria Sciberras, Ronnie Pellegrini, Pawlu Caligari u tant oħrajn, fosthom Tony Ellul, Alfred Grixti, Karmenu Vella l-Guy u Alex SceberrasTrigona. Borg żied jgħid li iktar tard ħadmu ħafna flimkien Dar il-Mediterran fi żmien il-Black & White Minstrels, il-Ballet 'Giselle' u fuq kollox fuq l-ewwel preżentazzjonijiet tal-opra immortali 'Ġensna'. 

    Fuq kollox, Borg iddeskriva lil Bartolo bħala l-“ħabib tal-fqar” li dan l-aħħar rah iħabrek biex ikompli fejn ħalla l-mibki Charles Miceli.

    “Dejjem jirrepeti dwar ‘il-ħolma ta’ Miceli’”

    Bartolo kellu sehem attiv fl-Alleanza kontra l-Faqar fejn kompla bil-ħidma ta’ Charles Miceli. L-Alleanza Kontra l-Faqar esprimiet d-dispjaċir kbir tagħha għat-telfa ta' pilastru ieħor tal-grupp. “Qishom ftiehmu hu u Miceli...” kitbu fuq il-grupp.

    Matthew Borg spjega kif fl-aħħar sentejn Joe kien ħa r-riedni tal-grupp f'idejh biex jibdew kampanja favur pagi ogħla. “Iltqajna spiss, iddiskutejna, mexxejna l-ideat ma' ħaddieħor, u dħakna wkoll għax Joe ma kienx nieqes minn xi ċajta jew bużullotta ta' żmienu. Imma kien għalliem, kien għalliem li jibqa' jħeġġek u fl-istess ħin kont tħoss li għandu xi missjoni biex jgħaddi dak li jaf lilek. Jien u Joe tkellimna s-Sibt filgħaxija, dan l-aħħar fuq it-telefown stajna nitkellmu. Dejjem jirrepeti dwar 'il-ħolma ta' Miceli, il-ħolma ta' Miceli...' Għandna aktar għal xiex niġġieldu issa.”

    “Vojt kbir fl-attiviżmu soċjali”

    Joe Bartolo kien parti mill-għaqda mhux governattiva Graffitti. Fuq dan ir-rigward, Andre Callus mill-Moviment Graffitti, spjega li Bartolo kien ħadem bla waqfien favur dawk l-aktar batuti fis-soċjetà u dejjem spjegalhom kif il-problema mhijiex il-batut imma s-sistema ekonomika inġusta li toħolqu.

    Callus qal li dan l-aħħar kienu qed jikkollaboraw mill-qrib ħafna dwar il-kwistjoni tal-Living Income. Qabel ħalliena, żied jgħid Callus, Joe rnexxielu jara proġett li kien għal qalbu ferm u li ħadem ħafna għalih jieħu l-ħajja - il-proġett tal-housing affordabbli.

    “Din hija telfa kbira, li ġiet sentejn wara telfa kbira oħra, dik ta’ Charles Miceli. Dan kollu jħalli vojt kbir għalina, mhux biss fuq livell personali, imma wkoll vojt kbir fl-attiviżmu soċjali. Ċert li l-ideat tiegħu u l-enerġija li baqa’ juri sal-aħħar nett fil-ġlieta għal soċjetà ġusta se jibqgħu magħna u se jagħtuna s-saħħa nkompli fil-ħidma tagħna għall-ġustizzja soċjali.”

    “Attivist imma fuq kollox persuna sabiħa mmens minn ġewwa”

    Bosta ħbieb esprimew ix-xokk kbir għat-telfa ta’ Bartolo filwaqt li ddeskrivewh bħala raġel sew ħafna b’ideal ta’ ġustizzja.

    Ħabiba ta’ Bartolo ddeskrivietu bħala attivist imma fuq kollox persuna sabiħa mmens minn ġewwa, “minn dawk in-nies li titbissem li jeżistu nies bħalhom fid-dinja. Dik il-ġentilezza lejn in-nies u lejn il-ħajja huma rari ħafna li ssib f’dinja li xi kultant kattiva wisq.”

    L-aħħar li rajtek kont qiegħed tieħu kafe tas-Sliema u meta staqsejtek kif inti, għidtli nsomma u minnufih dawwart id-diskors bi tbissima. Ma kontx naf li qiegħed daqshekk ħażin u dalgħodu ninsab verament imnikkta u xxukjata b'din l-aħbar. Grazzi tal-kontribut tiegħek lis-soċjeta. Imma fuq kollox grazzi talli kont persuna tal-ġenn.”

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook