“Il-problemi finanzjarji qegħdin iħallu n-nies bla saqaf fuq rashom”

  • Fra 22, 2020 16:26
  • Miktub minn Carmen Cachia

    Fl-2019 kien hemm 886 każijiet riferut lill-YMCA… 16% minnhom kienu tfal

    Hija sensazzjoni sabiħa li nidħlu f’darna, nagħlqu l-bieb warajna u npoġġu bilqiegħda fil-kenn, komdi fuq is-sufan. Barra s-saħħa u ‘l-ħobża ta’ kuljum’, li wieħed ikollu akkomodazzjoni adegwata/xierqa hija waħda mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Ma nistgħux napprezzaw biżżejjed din il-kumdità jekk ma nesperjenzawx ir-realtà iebsa u kerha li jgħixu l-persuni barra t-triq li m’għandhomx post fejn jgħixu. In-numru tal-persuni li huma homeless f’pajjiżna qiegħed dejjem jiżdied tant li f’sena waħda biss, fl-2019, il-YMCA waħidha kienet riferuta 886 każ li minnhom, 142 kienu tfal.

    Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv u s-Segretarju Ġenerali Nazzjonali tal-YMCA, Anthony Camilleri, fejn qalilna li l-aktar li qegħdin jispiċċaw bla saqaf fuq rashom huma l-irġiel, segwiti mill-ġeneru femminili. Iżda, mill-każi riferuti lilhom mill-FSWS, hemm ukoll tfal, jew aħjar minuri għax dawn ikunu għadhom m’għalqux it-18-il sena. 

    “Il-persuni li jfittxu l-għajnuna tagħna jiffaċċjaw realtajiet differenti li jwassluhom biex jispiċċaw bla dar fosthom faqar, vjolenza domestika, abbuż fiżiku, sesswali jew emozzjonali, problemi legali u finanzjarji, problemi ta’ saħħa mentali u fiżika, immigrazzjoni, vizzji, problemi familjari, traffikar uman u tqala mhux ippjanata,” spjega Camilleri. Fost il-każijiet hemm dawk ta’ persuni li kienu diġà ngħataw kenn f’dar oħra u għalqilhom iż-żmien stipulat u għalhekk ikollhom bżonn ta’ post alternattiv.

    Fl-2019 l-aktar fattur li wassal biex persuna tispiċċa bla saqaf fuq rasha, kien minħabba problemi finanzjarji bi 34% tal-każijiet, warajh irriżultaw il-problemi familjari (19%) u 13% kienu konsegwenza ta’ problema fil-kirjiet.

    Il-maġġoranza tal-każijiet riferuti lil din l-organizzazzjoni, jiġifieri 55% tagħhom, kienu ta’ persuni barranin, mentri 45% kienu Maltin. Mill-każijiet ta’ barranin, l-aktar li kien hemm kienu ta’ immigranti (67%) mentri l-bqija kienu ġejjin minn pajjiżi mill-Unjoni Ewropea. 

    27% tal-każijiet riferuti kienu ta’ persuni bl-etajiet ta’ bejn 29 u 39 sena, 22% bejn 40 u 59 sena u 16% tal-każijiet kienu ta’ età taħt it-18-il sena. Wara dawn, kien hemm 15% tal-każijiet ta’ persuni bejn it-18 u l-24 sena mentri 7% oħra kienu ta’ persuni li għandhom minn 60 sena ‘l fuq. 

    Mistoqsi x’tip ta’ għajnuna u sa kemm, jingħataw il-persuni li jmorru għandhom, Camilleri qal li, “kull persuna hija trattata b’mod individwali, bi programm ta’ kura addattat għaliha. L-għan tagħna huwa li tul it-18-il xahar magħna, dawn jiksbu l-ħiliet kollha neċessarji biex jibdew jgħixu ħajja indipendenti fis-soċjetà tagħna”. Fil-fatt, 78% tar-residenti fl-2019 irnexxielhom jibdew ħajja indipendenti fis-soċjetà mentri 27% għadhom għaddejjin bil-programm tagħhom mal-YMCA.

    Il-YMCA hija l-ewwel organizzazzjoni mhux governattiva li qajmet għarfien dwar il-pjaga tal-persuni bla dar u dan fi żmien li din ir-realtà f’Malta kienet għadha moħbija. Għal aktar minn 20 sena din l-organizzazzjoni offriet servizzi ta’ għajnuna lil dawk bla saqaf fuq rashom. Fil-bidu n-nies kienu jingħataw kenn f’appartamenti fil-Belt Valletta u wara f’faċilità oħra li ngħatat b’donazzjoni lill-YMCA għal 10 snin.

    Fl-2016, grazzi għall-għajnuna mill-Awtorità tad-Djar, il-YMCA imxiet għal faċilità aktar moderna mentri l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jgħin finanzjarjament biex ikun possibbli s-servizz għal dawk vulnerabbli fil-komunità.

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook