INTERVISTA: Fost l-aktar kardinali importanti u rikonoxxuti fil-Vatikan … b'ċans tajjeb li jkun l-ewwel Papa mill-Afrika

  • Fra 22, 2020 11:30
  • Miktub minn Cristian Muscat

    L-Eminenza Kardinal Peter Kodwo Appiah Turkson twieled f’Wassaw Nsuta fil-Ghana nhar il-11 ta’ Ottubru 1948 u llum il-ġurnata għandu 71 sena. Hu jokkupa l-kariga ta’ kardinal tal-knisja kattolika fil-Vatikan. Kien president tal-kunsill pontifikali għall-ġustizzja u l-paċi mill-24 ta’ Ottubru 2009 sal-1 ta’ Jannar 2017. Il-Papa Franġisku innominah bħala l-ewwel prefett fid-dekasteru għall-promozzjoni tal-iżvilupp uman li beda jaħdem sa  mill-ewwel ġurnata tas-sena 2017. 

    Turkson serva bħala isqof ta’ Cape Coast filwaqt li l-Papa leġġendarju Ġwanni Pawlu t-tieni għamlu kardinal fis-sena 2003. Ħafna jqisuh bħala papabile, jiġifieri kandidat naturali sabiex jikkontesta l-elezzjoni għall-papa. 

    F’Ottubru 2009 meta Barack Obama laħaq president tal-Istati Uniti, il-Kardinal Turkson qal li jekk Alla jrid jara papa iswed, din għandha tkun ir-rieda tiegħu. 

    Ir-rivista The Tablet iddeskriviet lil Turkson bħala wieħed mill-iktar mexxejja Afrikani enerġetiċi. Hu kapaċi jitkellem seba’ lingwi fosthom l-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan, il-Ġermaniż, il-Latin, il-Grieg u l-Ebrajk. 

    Anke l-opinjonista għall-Vatikan Rocco Palmo jemmen li Turkson għandu l-kredenzjali kollha meħtieġa sabiex ikun il-papa li jmiss. Hu jħaddan umilta’ kbira filwaqt li għandu opinjoni partikolari fuq suġġetti li llum il-ġurnata saru ferm sensittivi.

    Ftit tal-ġranet ilu l-Kardinal Turkson kien f’Malta sabiex ikun parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-200 anniversarju tal-knisja ta’ San Lawrenz bħala kolleġġjata fil-Birgu. Ħafna tawh merħba għal din l-okkażjoni tant importanti filwaqt li mexxa purċissjoni u aktar tard qaddes quddiesa pontifikali.

    Aħna ltqajna miegħu fejn kellimna dwar diversi affarijiet ferm interessanti b’mod partikolari s-saċerdozju tiegħu u l-opinjoni li hu jista’ jkun il-papa li jmiss. 

    Kif kienet it-tfulija tiegħek?

    Kienet tfulija sempliċi għall-aħħar li rabbewni fiha ommi u missieri. Jien ġej minn familja kattolika fejn kemm ommi kif ukoll missieri kienu joħduna l-quddies kuljum. Konna għaxar aħwa. Kont immur fi skola tal-knisja fejn hemmhekk bdejt nieħu l-ewwel formazzjoni akkademika tiegħi u nsir inħobb dejjem aktar lil Kristu. Anke fl-iskola sekondarja kont komplejt bil-ħajra tiegħi li nsegwi lil Kristu apparti li nitgħallem is-suġġetti bażiċi tiegħi. Kont nitlob ħafna u nitkellem miegħu f’kull ħin tal-ġurnata. 

    Wasal mument importanti f’ħajti. Kelli niddeċiedi li nkun servitur ta’ Kristu u għażilt li nilħaq saċerdot. Kien mument sabiħ ukoll għall-ġenituri tiegħi li ferħu ħafna x’ħin semgħu b’din l-għażla. Kien għad kelli biss 13-il sena. 

    Ħafna kienu saqsewni għala ma ppruvajtx niżżewweġ milli nsir saċerdot. Jien weġibthom li mhux aħna nagħmlu d-deċiżjonijiet iżda tkun l-id t’Alla li flimkien mal-Ispirtu s-Santu jnebbħuna b’dak li rridu.

    U kif kienet iż-żgħożija tiegħek?

    Kienet waħda normali għall-aħħar. Kelli fija x-xewqa li nsir saċerdot u għalhekk wara l-iskola sekondarja u post-sekondarja, mort l-Università fejn studjajt it-teoloġija. Dħalt is-seminarju fejn hemmhekk beda l-proċess sabiex jien inħejji ruħi għall-ħajja saċerdotali li għoġbitni sa minn dejjem. Dak iż-żmien kien hemm ħafna persuni ta’ etajiet differenti fis-seminarju għalkemm kollha kellna għan wieħed. Li nsiru saċerdoti. 

    X’inhi s-sitwazzjoni tal-vokazzjonijiet saċerdotali fl-Afrika?

    Nemmen li kuntrarju għas-sitwazzjoni li qed jesperjenzaw il-pajjiżi Ewropej, fil-kontinent Afrikan għad hemm entużjażmu li wieħed jilħaq saċerdot. Hu fatt li hawn iktar saċerdoti Afrikani minn dawk Ewropej. Iżda minkejja kollox, jien dejjem ngħid li għandna nħallu kollox f’idejn Alla. 

    F’din id-dinja kollha ġenn u għaġġla, nemmen li Alla għandu n-nies li jagħżilhom apposta sabiex jagħtu direzzjoni lin-nies l-oħra li jfittxu qassis sabiex jitkellmu miegħu u jiftħu qalbhom. 

    Aħna għandna barka kbira li bħala kontinent għad hemm mexxejja spiritwali li qed imexxu ‘l quddiem il-kelma t’Alla. Nittama li fil-kontinent Ewropew ikun hemm aktar minn dawn il-mexxejja sabiex inkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna. 

    Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala isqof tal-Afrika?

    Kienet esperjenza eċċellenti. Li tilħaq isqof tal-Afrika fl-età ta’ 45 sena hi xi ħaġa ferm sabiħa. Kelli ċ-ċans inżur diversi pajjiżi fejn wassalt il-messaġġ evanġeliku tiegħi. Jien bniedem kreattiv u ppruvajt ngħaddi dan l-istess messaġġ bil-mod kif naf jien. Ridt fuq kollox li ngħin lin-nies jifhmu aħjar il-kelma t’Alla. Trid tkun ukoll kapaċi tiġbed lill-poplu b’modi ħelwin mingħajr ma tkun stramb jew inkella dejjem serju. Żort l-isptarijiet fejn rajt il-morda, il-faċilitajiet korrettivi fejn rajt diversi residenti hemmhekk kif ukoll diversi istituzzjonijiet li għallmuni ħafna affarijiet. 

    Kif wieħed jaf, fl-Afrika l-ħajja xejn m’hi faċli iżda jien ippruvajt inwassal dik il-kelma ta’ kuraġġ sabiex in-nies ma jaqtgħux qalbhom u jafdaw f’Alla. 

    Mill-uffiċju tiegħi ta’ Ruma xorta għadni nipprova nagħti l-kontribut tiegħi sabiex isqfijiet Afrikani jagħtu dik il-kelma ta’ kuraġġ u ta’ tama lil diversi fidili lejn il-knisja ta’ Kristu. 

    Kif kienet l-esperjenza tiegħek fil-konferenza episkopali li saret fl-Afrika?

    Kienet esperjenza mill-aqwa fejn kellna mill-inqas 25 isqof minn diversi pajjiżi Afrikani li ħadu sehem. Nemmen li hemm grupp ta’ isqfijiet mill-aqwa f’dan il-kontinent li kollha jiftiehmu u fuq kollox jaqsmu l-esperjenza tagħhom dwar pajjiżhom. Aħna bħala kardinali nippruvaw inżommu newtrali. Iddiskutejna diversi temi importanti fost l-oħrajn anke t-tibdiliet li jagħmlu ċerti gvernijiet tal-pajjiż . 

    Bħala pajjiż Afrikan, Ghana hu relattivament żgħir ħdejn in-Niġerja. Fil-fatt jekk aħna għandna 15-il isqof, in-Niġerja għandhom madwar sittin. Bħala pajjiż, il-Ghana għamlu wkoll xi tibdiliet evanġeliċi li fil-verita’ huma xi ftit minimi. 

    Nemmen li konferenzi episkopali bħal dawn huma ferm importanti sabiex naraw żvilupp fil-fidi kattolika ta’ dawn il-pajjiż. 

    X’inhi l-opinjoni li għandek fuq Papa Franġisku?

    Hu papa ferm umli u jien personalment inħobbu bħala persuna għax hu miftuħ għal kulħadd. Tneżża’ mill-ħafna xinxilli u litteralment qed juri l-lat umli tiegħu. Dan qed jurih bil-fatti bil-mod ta’ kif qed jgħix dan il-papat.

    Kif taraha din l-esperjenza li għandek bħala kardinal?

    Bħalissa nista’ ngħid li minkejja li għandi l-uffiċju fil-Vatikan, ġej u sejjer il-Ghana. Jien nissejjaħ bħala qassis u kardinali u għalhekk naqdi rwol doppju. Jien kont wieħed mill-aħħar grupp ta’ kardinali li kien ħatar il-papa tant maħbub Ġwanni Pawlu t-tieni. Il-Ghana qatt ma kellha Kardinal qabel. Ara n-Niġerja kellha tlieta. Tista’ taħseb kemm jien kburi u onorat b’din il-kariga. Kellna kardinal li seta’ laħaq minfloki iżda b’xorti ħażina miet. 

    Ħafna qed iqisuk li tista’ tkun bħala l-papa li jmiss. X’taħseb dwar dan kollu? 

    Ħa nkun qed niċċajta miegħek u fl-istess ħin nistqarr li xi kultant nitlob li dan kollu ma jseħħx. Madankollu jien noqgħod għar-rieda tal-kardinali li jivvutaw u fuq kollox nimxi wara r-rieda tal-Ispirtu s-Santu. 

    Nemmen li kull qassis kapaċi jkun papa potenzjali. Kulħadd jista’ jilħaq. La laħaq San Girgor kapaċi jilħaq kulħadd. 

    Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk li qed jaqraw din l-intervista dwar l-importanza t’Alla f’ħajjitna. 

    L-ewwel u qabel kollox mingħajr Alla ma tagħmel xejn. Aċċetta r-rieda t’Alla u pprova imxi mal-Evanġelju ta’ Kristu. Int bħala bniedem xbieha ta’ Kristu li ġejt fid-dinja sabiex tagħmel u twettaq il-ġid. 

    Alla hu dejjem miegħek u int trid tkun kapaċi tfittxu u Hu jtik l-għajnuna tiegħu. 

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook