Ferris jgħid li John Dalli kien iddeskriva lil Caruana Galizia bħala “terrorista ċibernetika”

  • Jan 29, 2020 14:17
  • Miktub minn iNews

    Jonathan Ferris, eks-Spettur tal-Pulizija u eks-investigatur għall-FIAU, illum se jkun qed jagħti x-xhieda tiegħu fl-inkjesta marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

    Ferris kien allega li huwa kien safa mkeċċi minn investigatur fi ħdan l-FIAU minħabba li beda jinvestiga rapporti ta’ ġurnalisti li kienu jgħidu li l-kumpanija Egrant Inc kienet ta’ mart l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat, Michelle.

    Għamel refresh tal-paġna biex tara l-aħħar aġġornamenti

    4.05 pm: Ix-xhieda ta' Ferris tiġi fi tmiemha. Is-seduta li jmiss se tiżvolġi nhar it-tnejn li ġej fis-2.30 pm.

    4.04 pm: L-Imħallef Emeritus Michael Mallia jistaqsi lil Ferris jekk qatt issuspetta li Daphne Caruana Galizia kinitx f’periklu. Ferris qal li qatt ma ħaseb dwar din il-kwistjoni. Qal li dak iż-żmien kien spettur tal-Pulizija u probabbilment anke hu kien f’riskju.

    3.59 pm: Qal li l-Maġistrat Aaron Bugeja li kien qed imexxi l-inkjesta Egrant, kien talbu jixhed dwar it-tanker tal-LNG. Qal li huwa ntalab minn uffiċjal ieħor biex jippreżenta biss l-aħħar erba’ dokumenti tar-rapport.

    Qal li kien qabbel il-kontenuti tar-rapport tiegħu ma’ dak li kellu disponibbli l-Maġistrat Bugeja u sab ħafna diskrepanzi.

    Qal li meta tkeċċa mill-FIAU kien għadu qed jaħdem fuq ir-rapport tal-LNG. Qal li kien hemm ukoll rapporti oħrajn, bħal tas-Satabank, iżda qal li l-uniku wieħed li kien jinvolvi persuni esposti politikament (PEPs) kien dak tal-LNG.

    L-Avukat Andrew Borg Cardona staqsa lil Ferris jekk John Dalli qattx tkellem miegħu dwar Daphne Caruana Galizia. Ferris qal li Dalli kien iddeskriva lil Caruana Galizia bħala “terrorista ċibernetika”.

    3.51 pm: Ferris jgħid li kien beda jiġi segwit minn karozzi tal-Pulizija.

    3.47 pm: L-Avukat Borg Cardona beda jistaqsi lil Ferris dwar Ian Abdilla, li llum jokkupa l-kariga ta’ Assistent Kummissarju u li dak iż-żmien kien il-liaison officer tal-Korp mal-FIAU.

    Ferris qal li beda jiġih is-suspett li kienu l-uffiċċju tiegħu kien qed ikun suġġett għal tiftix. Qal li kien l-uniku uffiċċju mingħajr CCTV.

    3.41 pm: Qal li meta Konrad Mizzi kien fi żjara l-Montenegro, jumejn wara l-iffirmar ta’ ftehim, huwa kien għamel transazzjoni mill-card personali tiegħu ta’ 1ċ, liema transazzjoni normalment issir biex tiġi verifikata l-card.

    Ferris qal li Mizzi kien ta prokura lil diversi persuni biex jipprovaw jiftħu kontijiet bankarji f’Miami, fil-Panama, fil-Bahamas, u Dubaj. Qal li t-tentattivi kollha ġew rifjutati.

    Qal li Mizzi kien offra €4,000 lill-banek biex jiftħu kontijiet bankarji f’dawn il-ġurisdizzjonijiet.

    Ferris qal li dan kollu kien qabel faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers.

    3.37 pm: Ferris qal li r-rapport kien jinkludi l-€5,000 li kull xahar il-kumpanija ta’ Mizzi fil-Panama kellha tirċievi. Apparti dan issemmiet ukoll id-dar li Mizzi kellu fir-Renju Unit. Ferris żied jgħid li din id-dar qatt ma messha tpoġġiet fi trust minħabba li d-dejn fuqha ma kienx għadu tħallas.

    Qal li Egrant ma kinitx issemmiet fir-rapport.

    Qal li kienu ssemmew Willerby Trust, Torbridge, Karl Cini, Brian Tonna u Mossack Fonseca.

    Ferris jgħid li r-rapport tal-analist kien għamel ukoll referenza għal transazzjoni ta’ 1ċ.

    3.33 pm: Qal li r-rapport kien twil aktar minn 130 paġna u kien preparat minn analist. Qal li kien rapport kumpless.

    L-Avukat Andrew Borg Cardona jistaqsih dwar is-suġġett ewlieni tar-rapport. Ferries iwieġeb li s-suġġet kien Konrad Mizzi u l-involviment ta’ Karl Cini.

    Qal li isem Brian Tonna ta’ Nexia BT deher ukoll fir-rapport minħabba li kien qed joħloq strutturi finanzjarji simili.

    3.27 pm: Qal li s-Sibt, 29 ta’ April tal-2017, huwa rċieva messaġġ biex ma jmurx l-uffiċċju bħalma soltu kien iħobb jagħmel minħabba li kien hemm laqgħa sensittiva li mhux suppost kellu jkun preżenti għaliha.

    Qal li aktar tard huwa rċieva telefonata mingħand Caruana Galizia. “Qalet, ‘hi jien Daphne’, u jien weġibtha, ‘skużani ninsab il-quddies’.

    Qal li huwa kien ċemplilha lura u għamel tliet kwarti jargumentaw dwar it-trattament ta’ Efimova. Qal li kienet ċemplitlu lura tapoloġizza, u emfasizza li hija qatt ma talbitu għal informazzjoni.

    Ferris qal li meta kien imkeċċi mill-FIAU f’Ġunju tal-2017 ma kienx ingħata raġuni għaliex kien tkeċċa.

    Qal li f’dak iż-żmien kien qed jaħdem fuq l-istrutturi finanzjarji ta’ Konrad Mizzi.

    3.20 pm: Ferris żied jgħid li l-pulizija mid-distrett tal-Imsida kienu ħadu r-rapport kontra l-eks impjegata ta’ Pilatus Bank, Maria Efimova. Qal li l-każ kien ta’ allegat miżapproprijazzjoni ta’ ftit eluf ta’ ewro.

    Qal li kien irċieva l-compliance report dwar Pilatus Bank fil-21 ta’ April tal-2017 meta kien diġà jaħdem l-FIAU. Qal li r-rapport ngħatalu wara li blog kien irrapporta li kienu ġew trasferiti aktar minn $1 miljun.

    Żied jgħid li f’Marzu tal-2017 analist tal-FIAU kien iffinalizza r-rapport dwar Konrad Mizzi u l-kumpaniji li kienu twaqqfu fil-Panama.

    Qal li wara li Galdes kien telaq mill-FIAU fl-2016, id-deputat tiegħu kien iffirma ‘clean bill of health’ għall-Bank Pilatus wara audit li kien sar minn KPMG.

    Ferris jgħid li l-FIAU kellu problemi biex jopera kif suppost minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani. Qal li huwa qatt ma kien mistoqsi mill-bord tal-FIAU dwar investigazzjonijiet jew rapporti li kien jaħdem fuqhom.

    Tenna li huwa qatt ma ltaqa’ ma’ Daphne Caruana Galizia.

    3.03 pm: Ferris qal li l-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit kien f’sitwazzjoni “taħraq” minħabba li ma kienx aġixxa dwar il-każ Dalli.

    L-Avukat Jason Azzopardi rrimarka li mart Zammit kienet kuġina ta’ mart Dalli.

    Ferris qal li kien beda jaħdem l-FIA f’Novembru tal-2016.

    Qal li l-FIAU kellha rapporti nodfa dwar il-Bank Pilatus, minkejja lista twila ta’ irregolaritajiet.

    Qal li l-compliance report tal-FIAU kien iffirmat minn Martina Scalpello, Manfred Galdes, u persuna oħra.

    2.58 pm: “Lanqas ittra ta’ applikazzjoni ma kienet meħtieġa,” qal Ferris, filwaqt li qal li Galdes kien jinħtieġ investigatur tal-kalibru tiegħu.

    Qal li waqt li kien qed jattendi konferenza f’ruma, kien iltaqa’ ma’ Giovanni Kessler – il-kap tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra d-Droga (OLAF) – li kien qallu li kien bagħatlu imejl. Kessler kien qed jinvestiga l-każ tas-snun li fih kien implikat John Dalli.

    Żied jgħid li meta rritorna lura Malta kien staqsa lil Grech jekk kienx irċieva ittra mingħand Kessler. L-ittrea kienet instabet magħluqa u ssiġillata. Ferris qal li kien issuġġerixxa lill-Avukat Ġenerali biex jgħaddiha ssiġillata lill-Pulizija, xi ħaġa li saret.

    Ferris jirreferi għal każ ieħor – Red 126 – li kien jinvolvi lill-bniet ta’ Dalli. L-akkużi kienui ta’ frodi, falsifikar ta’ dokumenti, ħasil ta’ flus.

    2.55 pm: Mistoqsi jekk kien telaq minn jeddu mill-Korp jew kienx imkeċċi, Ferris qal li wara r-riżenja tal-Kummissarju Michael Cassar, il-Korp kien qisu merħla nagħaġ mingħajr ragħaj.

    Qal li kien tkellem mal-kap tal-FIAU, Manfred Galdes, fejn wara li qallu li mhux kuntent fil-Korp, dan tal-aħħar kien offrielu impjieg mal-FIAU.

    2.48 pm: Qal li jiftakar r-rapporti tal-midja dwar it-tkeċċija tiegħu. Tenna li kien irċieva imejl mill-Ministeru għall-Affarijiet Interni fejn intalab jagħti brief tal-investigazzjonijiet, xi ħaġa li huwa m’għamilx minħabba li qal li ma setax jagħti informazzjoni dwar investigazzjonijiet.

    Ferris qal li kien irrifjuta talba oħra simili.

    Jgħid li f’imejl oħra, miktuba f’ittri kapitali, huwa kien qed jintalab jagħti l-informazzjoni mill-Ministru u mhux minn persuna kwalunkwe. Żied jgħid li irċieva imejl mill-uffiċjal tal-pulizija Ian Abdilla, li qallu biex jgħaddi l-informazzjoni. Ferris irrisponda għal din it-talba billi qal li d-data protection act kienet tipprojbilu li jagħmel dan, inkluż lill-ministru.

    2.43 pm: Jgħid li huwa kien ġie mistoqsi dwar l-investigazzjoni fil-konfront tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Qal li kien spjega li kien ressaq il-Qorti lil Silvio Zammit, canvasser ta’ Dalli. Qal li kien bagħat għal Dalli diversi drabi, u darba minnhom Dalli kien qal li Egrant hija tal-Malta Labour Party.

    2.40 pm: Il-bord tal-inkjesta niżżel ix-xhieda li Ferris kien ta fl-investigazzjoni dwar il-kumpanija Egrant u ordna lix-xhud biex jirrispondi d-domandi anke jekk dawn ikollhom x’jaqsmu mal-eks impjieg tiegħu bħala pulizija u mal-FIAU.

    Ferris qal li minn nhar it-8 ta’ Awwissu 2018 ’l hawn, il-Pulizija ma bagħtitx għalih. Qal li kienet kellmitu l-Ispetturi Yvonne u Matthew Vella fejn iċċaraw l-affarijiet rigward transazzjonijiet datati il-21 ta' April 2017.

    Qal li kienet telgħet blog post ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn issemma li t-transazzjonijijiet  kienu jammontaw għal madwar €1.071 miljun. Qal li jiftakar li kien talab lill-FIAU biex iġib il-compliacnce report li kienu għamlu f’Marzu tat-2016. Il-Bord qal lix-xhud li jekk għandu xi informazzjoni oħra lest li jisimgħu.

    Mistoqsi minn Jason Azzopardi, Ferris qal li kien daħal fir-rank ta’ Spettur fl-2011. Qal li fl-2013, John Rizzo kien spiċċa minn Kummissarju u mifloku kien laħaq Peter Paul Zammit. Ftit wara, l-Assistent Kummissarju Michael Cassar kien trasferit mas-servizzi sigrieti u miegħu ħa xi uffiċjali mill-economic crime.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0