L-esperjenza missjunarja tagħna f’Jhansi, L-Indja

  • Jan 28, 2020 10:02
  • Miktub minn Hector u Georgiana

    Kien għall-ħabta ta’ Lulju 2019, li jiena u r-raġel tiegħi, Hector, iltqajna għall-ewwel darba ma’ Anselmo, il-fundatur tal-Mission4Changes, sabiex niddiskutu, u nibdew nippreparaw għall-esperjenza missjunarja tagħna, fl-Indja.

    Aħna minn dejjem urejna x-xewqa li mmorru għall-missjoni, u b’hekk inkunu nistgħu nużaw il-ħiliet professjonali tagħna biex ngħinu lil min hu fil-bżonn, lil hinn minn art twelidna. Għalhekk, din il-missjoni ġiet bħax-xoqqa f’moxta, sabiex bħala koppja miżżewġa, ngħaqdu ż-żewġ professjonijiet tagħna f’daqqa, u naħdmu fuq proġett ieħor, mal-Mission4Changes. Xogħolna kien li mmorru ngħixu f’orfanatrofju tat-tfal abbandunati, flimkien mas-sorijiet ġewwa Jhansi, l-Indja, u jiena bħala tabiba, neżamina lit-tfal kollha reżidenti hemmhekk, u nagħmel rapporti mediċi dwarhom, flimkien ma’ pjan għall-immaniġjar tal-kundizzjonijiet tagħhom. Filwaqt li r-raġel tiegħi, Hector, xogħlu kien li bħala inġinier, jagħmel evalwazzjoni tal-binjiet ta’ l-orfanatrofju, u jagħti s-suġġerimenti professjonali tiegħu, fuq kif jistgħu jiġu mtejbin il-kundizzjonijiet tal-bini, dawl, ilma, u potenzjalment jekk hemmx lok fejn wieħed jista’ jimraħ fuq proġetti sostenibbli oħrajn, bħall-installazzjoni tal-panelli solari, li jistgħu jiżdiedu mas-sistemi ta’ ‘solar water heaters’ li kienu diġa’ ġew installati fil-passat, f’xi wħud mill-kumplessi.

    Fil-mawra tagħna f’Jhansi, konna akkumpanjati minn tlitt persuni oħra; Simon, Thomas u Christopher, illi xogħolhom kien fuq il-manutenzjoni u t-tibjid ta’ binja ġdida, li kienet se sservi ta’ dormitorju ġdid għat-tfal. Din il-binja tikkonsisti minn sitt ikmamar tas-sodda, mifruxa fuq żewġ sulari. Aħna b’kollox qattajna madwar għoxrin ġurnata, fl-Indja, u f’dan l-artiklu ser nkunu qed naqsmu diversi esperjenzi li għaddejna minnhom hemmhekk; kif wkoll, inħeġġu lil qarrejja biex huma wkoll jmorru jesperjenzaw il-ħajja tal-missjoni, barra minn xtutna. 

    Il-vjaġġ biex naslu l-Indja bl-ajru kien wieħed twil, pero’ niftakru sewwa sew, l-ewwel ġurnata li rfisna fuq l-art Indjana, għaliex f’temp immedjat, ilkoll ġejna esposti għall-faqar, u d-diversi kundizzjonijiet ta’ ħajja bażika li kellna nadattaw rwieħna biex ngħixu fiha. Fatt interessanti li wieħed żgur ma jistax ma jikkumentax dwaru, huwa t-tbissima li n-nies tal-lokal jilqgħuk biha, minkejja s-sitwazzjonijiet diffiċli li jinsabu fiha. Ma jonqsux ukoll, l-baqar fit-toroq, li għal dawk li jħaddnu r-reliġjon Hindu, huma sagri. Kull fejn tħares, kont tilmaħ xi ‘Tuk Tuk’, li huwa l-mezz ewlieni tat-transport Indjan. Dan jieqaf jistenna sa ma’ l-baqar kollha jkunu warrbu minn quddiemu qabel ikompli jdur il-belt. La qed insemmu t-toroq u t-traffiku Indjan, nażżardaw ngħidu illi qatt iktar f’ħajjitna ma smajna daqshekk ammont qawwi ta’ ħornijiet idoqqu, f’kull ħin u mument, saħansitra bil-lejl. U ta’ min insemmi x-xengil tar-ras, li għall-Indjani, jfisser approvazzjoni għal dak li wieħed ikun qed jagħmel, jew jgħid.

    Wara vjaġġ ta’ sitt siegħat, bil-ferrovija minn Delhi għall-Jhansi, ma nistawx ninsew l-ospitalita’ ġenwina li tawna s-sorijiet u t-tfal li jgħixu fl-orfanatrofju li konna se nservu fih fil-ġimgħat li kienu ġejjin. Malli ħabbatna fuq l-għatba ta’ l-orfanatrofju, madwar ħamsin tifel u tifla, u għaxar sorijiet, ġew jilqgħuna b’atmosfera ta’ ferħ u paċi kbira, b’kant ta’ merħba, ċapċip u żfin tipiku Indjan, filwaqt li libsuna ġiżirana tfuħ kull wieħed, magħmula minn fjuri friski. Wara li għaddha ftit tal-ħin lkoll morna nittrejqu b’xi ftit ikel ġenwin magħmul mis-sorijiet, li kien jikkonsisti minn ross, tiġieġ mħawwar bil-‘curry’ u ‘ċapatti’ - ħobż ażmu tal-lokal. Wara erġajna ingħaqadna flimkien biex nqassmu d-donazzjonijiet ta’ ħwejjeg, kotba, gugarelli u bżonnijiet bażiċi oħrajn, li l-Maltin kienu offrewlna biex intellgħu magħna, biex nippreżentaw lit-tfal orfni. Kien preċiżament f’dan il-mument, illi bdejna nirrejalizzaw kemm dawn it-tfal verament japprezzaw il-gest nobbli tal-missjunarji; minħabba li jiddependu ħafna mill-providenza tan-nies għall-bżonnijiet fundamentali tagħhom. L-ammont ta’ ferħ u tbissim li rajna fosthom, waqt it-tqassim tad-donazzjonijiet, huwa indeskrivibbli.

    It-tieni ġurnata fl-orfanatrofju sebħet, u minn hawnhekk bdiet wkoll il-ħidma missjunarja tal-grupp tagħna. Minn qabel ma’ ġejt għall-missjoni kont irrassenjajt ruħi, li rrid naddatta għas-sitwazzjoniijiet anomali li nista’ niltaqa’ magħhom, u kif wkoll, li se nkun qed nipprattika l-professjoni medika, f’ambjent limitat u bażiku. Bħala tabiba, kont mistennija li nuża’ biss idejja u għajnejja sabiex neżamina lit-tfal, minħabba li t-testijiet u l-investigazzjonijiet avanzati, m’humiex aċċessibli. Din it-tranżizzjoni professjonali, kienet pjuttost ta’ sfida għalija, wara li kont imdorrija fil-livell għoli ta’ kura tas-saħħa Maltija, pero’ għinitni wkoll biex insaħħaħ il-ħiliet dijagnostici tiegħi, filwaqt li b’qalb kbira, għint ħafna tfal fil-bżonn.  Minkejja kollox, ħadd u xejn ma’ seta’ jippreparani għas-sejba ta’ tarbija, li ġiet ppreżentata lili fil-klinika, wara li s-sorijiet kienu sabuha mormija barra, f’tank taż-żibel. Din it-tarbija kienet għadha ta’ ftit jiem biss, minħabba li biċċiet mill-kurdun kienu għadhom ma nixfux kompletament. Dak il-ħin infxilt, għaliex il-ħajja umana hija wisq prezzjuża biex tarbija tat-twelid tiġi abbandunata b’dan il-mod. Iżda minn kif qaluli s-sorijiet, sfortunatament daċ-ċirkostanzi diffiċli u ta’ qsim il-qalb bħal dawn, huma pjuttost frekwenti għalihom. Wara li nvistajt lit-tarbija ġiet mittieħda ġo’ l-eqreb sptar, għall-aktar osservazzjoni u kura. Għall-grazzja t’Alla, wara ftit jiem, huwa reġa’ ntbat lura fl-orfanatrofju, qawwi u sħiħ, fejn gie msemmi Louis Akhil, mis-sorijiet. Permezz tal-grazzja t’Alla, u l-imħabba tas-sorijiet, din it-tarbija ġiet salvata minn ħalq il-mewt u issa ingħatat futur.

    Waqt id-diversi ġranet li għamilt naħdem fuq l-eżamijiet mediċi ta’ madwar ħamsin orfni, iltqajt ukoll ma’ diversi tfal oħrajn, bi stejjer interessanti. Fosthom insibu lil Prince, tifel ta’ ghaxar snin, li kien verament ħerqan sabiex ninvistah, għax jinteressa ruħu fix-xjenza u għandu x-xewqa li jsir tabib. Kien hemm ukoll Kalpana, tfajla li malli daħlet fil-klinika ma waqfitx titbissem, għaliex ftit li xejn kellha esperjenzi mat-tobba, u għaliha din kienet xi ħaga ġdida; apparti li naħseb li titgħarrax malajr, għax kull darba li middejt idi fuqha kienet tinfex tidħak daħk liema bħalu. Naħseb qatt f’għomri ma għamilt eżami mediku b’daqshekk tbissim bħal dan. Iltqajt wkoll ma’ Ananiya, tarbija li sfortunatment il-bhejjem tat-triq laħqu kielulha partijiet minn riġlejha, qabel ma’ ġiet misjuba mis-sorijiet. Tarbija vulnerabli oħra kienet Akansha, li minkejja li kellha partijiet sostanzjali minn moħħa neqsin, rnexxielha tgħix sa’ sentejn. U xi ngħidu għal Rohit, li twieled b’kundizzjoni li tillimitalu l-funzjon t’idejh, iżda xorta waħda ssibu minn ta’ l-ewwel biex jivvinta’ xi praspura, flimkien ma’ oħtu Karishma, li hija tfajla ħelwa ta’ erba’ snin, li l-karattru tagħha serqilna qalbna. Infatti, jiena u Hector, ddeċidejna li nisporsjawlha l-edukazzjoni u l-kura medika tagħha. Flimkien ma’ oħthom il-kbira, Anju, dawn it-tliet orfni kienu nstabu abbandunati, ġo stazzjon tal-ferrovija. Imma llum il-ġurnata, għall-grazzja t’Alla, jinstabu f’saħħithom u f’post sikur, jgħixu mas-sorijiet. Tispikka wkoll kien hemm Jyothi, tfajla ta’ ħmistax il-sena, li tgħalmet tagħmel x-xemgħat, li permezz tal-bejgħ tagħhom, tista’ tgħin lis-sorijiet b’introjtu għall-orfanatrofju.

    Ninstabu grati ħafna li din is-sena, għeluq sninnha, qattajnihom flimkien ġewwa l-Indja, fil-kumpanija ta’ dawn it-tfal verament ħelwin u minn tagħna. Infatti, waqt li konna qed nieħdu l-kolazzjon fil-ġranet speċjali tagħna, ħafna minn dawn it-tfal ġew fil-kamra tal-pranzu, qabel ma marru l-iskola, sabiex ikantawlna l-awgurji għall-għeluq sninnha. Iktar tard fil-ġurnata, s-sorijiet ppreżentawlna rigal, u bħala grupp missjunarju, lkoll ħassejna li konna verament apprezzati għax-xogħol siewi li konna qegħdin nagħmlu. Fix-xhar ta’ Diċembru, kien hemm wkoll żewġt itfal oħrajn, Karishma u Nandini, li kienu ser jgħalqu sninhom, u għalhekk ddeċidejna li nagħmluhom festin żgħir ta’ l-okkażjoni. Dik il-lejla, qattajna ammont sew ta’ ħin fil-kċina, insajru fuq il-faħam, nagħmlu il-‘crepes’, u niddekoraw il-kejkijiet. Fl-aħħar mill-aħħar, dan kien jisħoqq għas-sodisfazzjon kbir li tawna t-tfal, meta qassamnilom biċċa kejk u ‘crepe’ kull wieħed.  Ħloqna brijju u atmosfera sabiħa bil-mużika, bżieżaq u gugarelli, li qanqlet emozzjonijiet speċjali li wieħed jħaddan ma’ qalbu, u żgur qatt ma’ jista jinsa. F’din l-art tal-missjoni, s-sempliċita’ hija kollox. 

    Iż-żmien baqa’ għaddej, sa ma’ xogħolna fl-orfanatrofju kien kollu lest, u għaldaqstant waslet ukoll l-aħħar ġurnata tagħna fil-missjoni. Dan kien mument diffiċli; kemm għalina u kemm għat-tfal ta’ l-orfanatrofju, għax issa tant konna drajna lil xulxin, li lkoll xtaqna li din il-ġurnata ma tasal qatt. Xi demgħa l’hawn u l’hemm ma’ naqsitx. Kull bidu fih it-tmiem tiegħu, u għall-darbohra’, kemm it-tfal u anke s-sorijiet, reġgħu aċċertaw ruħhom li aħna nitilqu f’atmosfera ta’ serenita’. Għalhekk, ppreżentawlna kull wieħed kartolina magħmulha bl-idejn mit-tfal stess, b’messaġġ ta’ ringrazzjament, Ii m’għandix dubju li se nibqgħu ngħożżuh tul ħajjitna kollha.

    Wara dawn ir-rakkonti dwar l-esperjenza tal-grupp missjunarju tagħna fl-Indja, nixtiequ wkoll niddedikaw sezzjoni minn dan l-artiklu biex nitħaddu dwar l-hekk imsejħa bidliet, li l-missjoni ġġib magħha fuq livell individwali. Ċertament, il-missjoni ġġegħelek tara’ d-dinja u l-ħajja inġenerali, minn lenti ferm differenti, u tibda wkoll tapprezza iktar kulturi differenti minn tiegħek. Nixtiequ nibdew primarjament, billi ngħidu, li wara li tkun esperjenzajt il-faqar ġo art missjunarja, il-materjaliżmu, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum jibda jonqos. Wieħed faċilment jibda jfittex li jevalwa l-prijoritajiet li huma verament importanti f’ħajtu, speċjalment meta jkun ra b’għajnejh u miss b’idejh, it-tbatija li sfortunatament għadt teżisti madwar id-dinja. Tasal wkoll f’punt, li tibda tapprezza ħafna iktar dak li diġa’ ksibt, u kif wkoll, tgħozz ċerti valuri li għandek f’ħajtek, meta tqis li ħaddiehor li jgħix ħajja ħafna inqas komda minnek, f’art remota, wkoll jara kif jagħmel, biex iżomm tbissima fuq wiċċu u fuq dawk ta’ madwaru. Għaldaqstant, il-missjoni, hija esperjenza umanitarja li nirrakomandaw lill-dawk kollha li jħossu s-sejħa sabiex ikunu ta’ għajnuna, u jservu ta’ ġid għan-nies, ferm inqas ixxurtjati minnha. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0