FILMAT: “Il-qalb tixtieq tkompli … iżda saħħti battiet”

  • Jan 26, 2020 11:59
  • Miktub minn Brian Gatt

    “Bil-frieħ ma sieqi u l-moħriet f’idejja ninsa l-uġigħ kollu”…

    “Għandi 71 sena u nħossni kburi li aħna minn dejjem ħdimna b’dawn il-biċċiet tal-għodda li llum sfortunatament qegħdin jinqatgħu.” Hekk beda biex jgħid ma’ din il-gazzetta Joseph Buhagiar magħruf bħala ż-Żigli.

    L-anzjan, bit-tbissima fuq wiċċu daħal biex jarma l-bhima kuntent li kien se jkun qiegħed jagħti dimostrazzjoni ta’ dak li llum naqas biex ma ngħidux inqata’ għalkollox. Kif dħalna mix-xatba laqgħetna martu. Anzjana simpatika li qalb il-“frieħ tat-tfal”, għajnejha kienu jitkellmu waħedhom. Ersaqna qrib u minkejja li t-toqol tat-tbatija tal-ħidma tagħha tal-passat biex tgħin lil żewġha kien għamel tiegħu, kienet hemm bilqiegħda tapprezza l-ġmiel ta’ razzett u l-familja li kienu rnexxielhom jibnu hi u ż-Żigli mal-medda tas-snin.

    “Il-bagħal nieħu ħsiebu ħalli hu jieħu ħsiebi”

    Iż-Żigli qalilna li l-ħidma tibda minn kmieni filgħodu, jagħlef il-bagħal u jara li jinsab tajjeb biex jaħdem bih. Iħalli dik in-nofs siegħa tgħaddi u safrattant jilħaq jieħu dik il-belgħa te bil-kwiet. Wara jmur jaqbad il-kappestru u jmur jaqbad il-bagħal. Jixħetlu l-kawora u l-berda li kif spjegalna Joe dawn iservu biex il-bhima tkun komda minkejja l-piż tal-moħriet. Spjegalna li minkejja li jkun diġà kiel, is-sarima hija importanti fil-ħidma tal-bidwi għax il-bagħal hu u jaħdem malajr ixomm xi ftit aħdar u taqagħlu żaqqu. Kif jipprova jieqaf biex jiekol, bis-sarima jinduna li ma jistax u għalhekk ikompli jaħdem għax jaf li biex imissu xi ħaġa oħra jkun jeħtieġ li l-ewwel jillestu mix-xogħol tar-raba’ skedat għal dik il-ġurnata. Hekk kif kompla jirrakkontalna, iz-Zigli qabad il-moħriet tal-injam fuq dahru u mexxa l-bagħal lejn il-ħamrija ħalli jurina kif jaħdem bih. 

    “Saħħti m’għadhiex tagħtini… bil-frieħ ma saqajja niftakar f’meta kont niġri man-nannu”

    L-anzjan milwi minn nofsu żamm il-moħriet u kompla jidderiġi l-bagħal biex jagħmel ir-raddi dritti fil-ħamrija. Interessanti l-fatt li waqt li kompla jkellimna ma naqasx milli jikkomunika mal-bhima biex ikomplu bil-ħidma bi kliem bħal “Dur, dur” u “Ejja ħa. Ejja ħa”, fost kelmiet oħra. It-tfal tat-tfal għalkemm xi ftit mistħijin ma naqsux milli jesprimu l-imħabba tagħhom lejn in-nannu u juruh kemm ikunu kuntenti meta jqattgħu xi nofstanhar miegħu jsegwuh ta’ tfal li huma. Iż-Żigli qalilna li minkejja li qalbu tixtieq tkompli, saħħtu battiet ħafna u li rkopptejh naqqsu wkoll. Minkejja dan, meta jkollu miegħu lin-neputijiet “ma ttinix kemm ittini minflok narahom hawn jiġru ma saqajna.”

    “Praspar? Għamilna kemm trid iżda ma ninsa qatt meta konna niżgħiru t-tewm ponn ponn”

    Wara li qalilna li f’dawn iż-żgħar hu kien jara lilu nnifsu meta kien għadu jarmi s-saħħa man-nanniet, staqsejnieh jekk jiftakarx li kien jagħmel xi praspura ta’ tifel li kien. Daħak waħda u filwaqt li qabad il-ħatar biex minn ħin għall-ieħor inaddaf il-moħriet mill-ħamrija biex ir-raddi jiġu tajbin qalilna li praspar kien jagħmel kuljum. Tlabnieh jirrakkuntalna dwar dik li żgur mhu se jinsa qatt u bit-tbissima fuq fommu qalilna li ma jinsa qatt meta kienu jiżgħiru t-tewm man-nannu u biex ma joqogħdux ibatu u fl-istess ħin jgħaġġlu, minflok waħda waħda kienu jixħtu ż-żerriegħa ponn ponn u kif in-nannu jistaqsi kif seta’ jkun li ż-żerriegħa kienet diġà spiċċat kienu juruh l-ixkora battala. Iżda kif jgħidu l-ħalliel għomru qasir u wara ftit żmien kif jibda jinbet it-tewm kien jitla’ kollu f’xulxin u n-nannu minkejja li kont tilmaħ fih ċertu rabja malajr kien ikompli magħhom u jidħku flimkien bil-biċċa xogħol tat-tfal.

    “Ma naħsibx li dawn it-tradizzjonijiet se jkomplu”

    Mistoqsi jekk fil-fond ta’ qalbu jemminx li dawn it-tradizzjonijiet jistgħu jkomplu fost iż-żgħażagħ, iż-Żigli xejn ma laqlaq biex jgħidilna li ma jemminx li se jkun hawn min ikompli. Iddispjaċut qalilna li sa ċertu punt ma jagħtihomx tort għax illum il-ħin flus. Qalilna li llum il-bdiewa żgħażagħ qegħdin jinvestu f’makkinarju kbir u tal-aħħar teknoloġija li minkejja li jiswew ħafna flus, inaqqsu t-tbatija u jgħinu fil-produzzjoni. Qalilna li fl-opinjoni tiegħu hu ma jasal qatt iħallat il-mutur tal-ħart mal-bagħal li anke snienu jikxfuh li żmienu qalb ir-raba’ ta’ sidu kien għamlu u li issa hu u l-anzjan kienu jagħmlu tnejn. Infatti l-bagħal taż-Żigli li llum jaħdem bih biss ftit raba’ biex jiżvoga, jgħodd mal-għoxrin sena u l-bidwi ammetta magħna li hu ma jistenniex minnu aktar milli jiflaħ. Żied jgħidilna li fejn qabel kont tara xi erba’ bhejjem fl-għelieqi madwar il-pajjiż, issa saret xi ħaġa rari li tilmaħ din ix-xena. Għamel erba’ raddi ġmielhom aħna u nitħaddtu u qabad dieħel ħalli jżarma l-bagħal u jixħetlu landa għalf oħra. 

    Il-bidwi temm jgħidilna li dan ix-xogħol jinfired minnu biss mal-mewt u jiddispjċih biss li saħħtu m’għadhiex tippermettilu u hekk kif ġie jwassalna lejn il-bieb ma stajniex ma nilmħux ix-xattaba li tintuża l-aktar wara li jinqalgħu l-prodotti biex tkun tista’ tixxattab (titwitta) il-ħamrija.

    RITRATTI u FIMAT: ALAN SALIBA

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0