Ir-riforma fil-mod kif jinħatru l-ġudikanti fil-ġimgħat li ġejjin

  • Jan 26, 2020 09:17
  • Miktub minn Melvin Farrugia

    Fi ftit tal-ġimgħat oħra, il-Gvern se jkun qed jippreżenta quddiem il-Parlament ir-riforma fil-mod ta’ kif jinħatru l-ġudikanti. Din hi waħda mill-prijoritajiet tal-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis. 

    F’intervista li għamilnielu, il-Ministru qal li fuq nett tal-aġenda tiegħu għandu din ir-riforma. Sostna li diġà sar xogħol tajjeb ħafna fuqha, filwaqt li fakkar li kien dan il-Gvern f’din il-leġiżlatura beda jbiddel il-mod kif jinħatru l-ġudikanti wara snin sħaħ ta’ status quo taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti. 

    Zammit Lewis qal li din il-proċedura bdiet tiġi mbiddla taħt dan il-Gvern wara li ma ntmesset qatt minn żmien l-Indipendenza ‘l hawn. Għalhekk qal li issa se jkun pass importanti, mhux għax is-sistema ma ħadmitx, iżda għax iż-żmien jitlob u jpoġġi r-responsabbiltà li din tiġġedded. 

    Madankollu, il-Ministru qal li l-Gvern mhux se jaqa’ għar-retorika tal-Oppożizzjoni li tipprova tagħti l-impressjoni u tpinġi lill-Gvern bħallikieku jagħmel kollox ħażin. Sostna li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu, fosthom il-Qrati li mill-2013 lil hawn saru aktar effiċjenti. Qal li dan mhux b’kumbinazzjoni, għax il-Gvern saħħaħ ir-riżorsi tal-ġudikatura u mmodernizza s-sistemi biex ikun hemm aċċess aħjar għall-ġustizzja. 

    Il-Ministru kompla jsostni li għall-ewwel darba fl-istorja għandha ugwaljanza fil-membri tal-ġudikatura u b’hekk intbagħat sinjal ċar ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet. Filwaqt li rrikonoxxa li għadna ma wasalniex f’dan il-qasam, il-Ministru qal li s-soluzzjoni xorta jibqa’ l-Partit Laburista li fil-Gvern ma jibżax mill-bidla. 

    Mistoqsi dwar il-prijoritajiet l-oħra tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis qal li bħalma fisser il-Prim Ministru Robert Abela, il-governanza u l-ġustizzja huma l-akbar prijoritajiet għal dan il-Gvern fl-immedjat. Spjega li dan ma jfissirx li sal-lum ma kinux, iżda issa s-sitwazzjoni titlob li l-governanza tajba, bħall-ġustizzja, mhux biss isssir, iżda tidher li qiegħda ssir. 

    Zammit Lewis qal li bħalma deher fl-ewwel ġimgħa tal-Prim Ministru Abela, bid-deċiżjonijiet tiegħu ta xhieda tar-rettezza li biha jrid jimxi l-Gvern. Qal li l-Gvern irid ikun rett, deċiżiv u effiċjenti ħalli r-riformi li jeħtieġ li jsiru jitwettqu malajr kemm jista’ jkun. 

    Riforma ta’ kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija

    Barra r-riforma tal-mod kif tinħatar il-ġudikatura, Zammit Lewis ħadem ukoll fuq ir-riforma fil-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija. Qal li din se titressaq għall-iskrutinu Parlamentari fil-jiem li ġejjin u se twassal għal metodu aktar miftuħ u trasparenti li jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. 

    Il-Ministru qal li tajjeb infakkru li sa issa l-Prim Ministru dejjem kellu l-poter li jaħtar lill-Kummissarju tal-Pulizija direttament, b’sistema li ilha tintuża għal ħafna snin taħt numru ta’ amministrazzjonijiet. 

    Permezz tal-bidliet proposti, hu qal li l-ewwel se ssir sejħa pubblika maħruġa mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li hi organu tal-istat imwaqqfa mill-Kostituzzjoni, bil-membri tagħha maqbula bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

    Wara li tagħlaq is-sejħa, il-Kummissjoni se tirrevedi l-applikazzjonijiet u wara proċess ta’ verifika, tagħmel lista tal-aqwa żewġ kandidati li tgħaddi għand il-Kabinett biex jintgħażel l-aqwa kandidat fosthom. 

    Dan il-proċess jintemm bl-iskrutinju tal-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi, segwit bil-konferma formali tal-Prim Ministru li diġà tenna li se jirrinunzja mid-dritt li jirrifjuta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. 

    Il-Ministu qal li b’hekk għal darb’oħra se jerġa’ jkun Gvern Laburista li jwettaq bidla favur ir-Rule of Law. Sostna wkoll li hemm deċiżjonijiet li jridu jittieħdu. Għalhekk qal li l-Gvern se jiddiskuti, jikkonsulta u mbagħad jiddeċiedi wkoll. Għamilha ċara li l-Gvern mhux se jkaxkar saqajh, iżda min-naħa l-oħra lanqas mhu se jittollera lil min jekk ma jilgħabx joqgħod iħassar. Saħaq li dan hu Gvern b’saħħtu, elett b’mandat b’saħħtu biex imexxi u hekk se jagħmel. 

    Zammit Lewis qal li l-Prim Ministru diġà wera li lest jiddeċiedi u għalhekk qal li hu persważ li id f’id mal-Ministru Byron Camilleri jindirizzaw l-isfidi kollha li għandu quddiemu l-Gvern biex ikattar il-fiduċja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha fil-Korpi Dixxiplinati. 

    Il-Ministru qal li dan il-Gvern għandu l-kredenzjali u r-rieda politika biex jasal u hekk bi ħsiebu jagħmel. Fakkar ukoll kif ir-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO ma bdewx ilbieraħ. Qal li bħala pajjiż għamilna snin twal nirċievu rapport wara l-ieħor kontra Gvernijiet Nazzjonalisti li qatt ma riedu jdaħħlu l-liġi tal-whistleblower. Qal li kien Gvern Laburista li fl-ewwel ġimgħat wara l-bidla fil-Gvern fl-2013 daħħal din il-liġi fundamentali f’demokrazija Ewropea. Qal li l-istess sar fir-rigward tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti li wara li daħħalha dan il-Gvern, il-Partit Nazzjonalista ra kif għamel biex dar magħha bl-iskema taċ-ċedoli. Barra hekk semma t-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq reati mwettqin mill-politiċi u t-twaqqif tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. 

    “Biex tmexxi pajjiżek trid tkun tħobbu”

    Mistoqsi dwar kif se jagħmel il-Gvern biex inaddaf ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, il-Ministru Zammit Lewis wieġeb li biex tmexxi lil pajjiżek trid tkun tħobb lil pajjiżek. Qal li dan hu dak li jiddistingwi lil dan il-Gvern minn ħaddieħor. Sostna li Malta kienet u tibqa’ l-ewwel u qabel kollox. 

    Zammit Lewis qal li l-Gvern mhu se jħalli lil ħadd iħammarlu wiċċu jew inkella jitfa’ dell fuq pajjiżna. Qal li sfortunatament kien hemm uħud li ma ddejqux jisparaw lejn pajjiżhom għax ħasbu li bl-istess tiri setgħu jolqtu lill-avversarju politiku tagħhom. 

    Għalhekk il-Ministru qal li l-Gvern hu kommess li mhux biss ikun hemm governanza tajba, iżda wkoll li jassigura li din tidher li qiegħda ssir. Qal li l-Gvern hu kommess li jiddjaloga mal-Unjoni Ewropea u anke lil hinn biex jispjega dak li qed isir. Fil-fatt, hu qal li din il-ġimgħa stess diġà kellu laqgħat fuq livell Ewropew ma’ Ministri differenti u mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Reynders. 

    Saħaq li bħalma pajjiżna rnexxielu jikseb suċċess u reputazzjoni eċċellenti fl-ugwaljanza, hekk ukoll jinsab determinat u konvint li se jasal biex Malta tiġi meqjusa bħala demokrazija Ewropea b’saħħitha, kif jixraq lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. 

    “Tolleranza żero għal nuqqas ta’ governanza xierqa”

    Rigward il-governanza, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li l-messaġġ hu wieħed ċar fejn mhix se jiġi ttollerat in-nuqqas ta’ governanza xierqa. Għamilha ċara li dan il-kejl se jkun japplika għal kulħadd l-istess. Għalhekk, hu qal li jistenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni jibda minnu nnifsu u jkompli b’ta’ madwaru. Sostna li żmien id-diskorsi minn fuq il-pulptu tal-korrettezza issa spiċċaw u għalhekk talab lil Adrian Delia biex jagħmel ġieħ lilu nnifsu u lill-Partit Nazzjonalista billi jitlob inkjesta maġisterjali dwart l-allegazzjonijiet serjissimi li għandu mdendlin fuq rasu. 

    Politika ċara u konsistenti fl-ugwaljanza

    Fil-qasam tal-ugwaljanza, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-politika ta’ pajjiżna se tibqa’ ċara u konsistenti, fejn l-ugwaljanza tkun għal kulħadd u prijorità assoluta f’kull aspett. 

    Zammit Lewis qal li sar ħafna xogħol, iżda baqa’ ħafna xi jsir. Qal li mhux biżżejjed li nkunu l-ewwel fl-Ewropa fid-drittijiet tal-bniedem għall-persuni LGBTIQ, iżda għal kulħadd. 

    Fost l-oħrajn semma l-bżonn li jkollna iżjed nisa fil-Parlament u għalhekk qal li se ssir riforma Kostituzzjonali favur rappreżentanza ugwali fil-Parlament u tiġi implimentata mingħajr wisq dewmien. 

    Barra hekk, semma li l-ugwaljanza trid tiġi indirizzata wkoll fis-settur privat u f’pożizzjonijiet fejn jittieħdu deċiżjonijiet. Sostna li diġà saret konsultazzjoni dwar l-ewwel Gender Mainstreaming Strategy u din mistennija tiġi varata fil-ġimgħat li ġejjin. 

    Il-Ministru Zammit Lewis qal li trid tkun eliminata wkoll kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol biex vera jkun żgurat li l-ħaddiema jitħallsu ndaqs għal xogħol tal-istess valur. Spjega li diġà beda jsir xogħol fuq mekkaniżmu li jiżgura livell ta’ trasparenza fil-pagi u li bih jiġu eliminati l-abbużi. Saħaq li fil-ġimgħat li ġejjin se tiġi intensifikata l-ħidma fuqu u fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru taħditiet mal-imsieħba soċjali fir-rigward. 

    F’dan il-qasam, il-Ministru qal li trid ukoll tiġi trasposta malajr id-Direttiva Ewropea dwar il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol. Qal li din trid issir b’konsistenza mal-politika ta’ dan il-Gvern li jkun hemm ugwaljanza fir-responsabbiltajiet tal-familja u biex il-familji jkollhom aktar ħin ta’ kwalità flimkien. Dwar dan hu qal li l-Gvern diġà ta tlett ijiem ta’ leave għal festi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa. 

    Filwaqt li sostna li huma miri ambizzjużi, il-Ministru Zammit Lewis qal li flimkien mas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar jinsab determinat li jilħqu fejn iridu jaslu. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook