“Qatt ma smajna li meta tgħajjar mara qaħba tkun qed tagħmlilha pjaċir” - Dr Edward Gatt

  • Jan 24, 2020 08:58
  • Miktub minn iNews

    “Din hi l-unika darba fl-istorja li xi ħadd qed jgħid li meta mara tgħajjarha qaħba tkun qed tagħmlilha pjaċir.” Qal dan l-Avukat Edward Gatt fi tmiem it-trattazzjoni tiegħu fil-kawża ta’ libell li fetħet l-Onor. Rosianne Cutajar kontra Godfrey Leone Ganado u Rachel Williams. F’din il-kawża, Cutajar ħassitha malafamata wara li ntuża kliem bħal “qaħba” fost kliem oħrajn fil-konfront tagħha. 

    Meta kien qed jitkellem dwar il-libell li sar fil-konfront ta’ Leone Ganado, Dr Edward Gatt, li qed jidher għal Cutajar, qal li kollox idur mal-kelma qaħba, li qal li l-istess Ganado għamilha tiegħu fil-Qorti u ma ċaħadx dan.

    “Dan il-fatt ġie ammess minnu stess. L-eċċezzjoni hi l-fair comment. Ladarba qed jgħid li dan hu kumment ġust, il-ġurisprudenza tagħna tgħid li l-konsegwenza ta’ dik irid jipprova l-verità tal-fatti tagħha,” tenna Dr Gatt.

    Huwa qal li l-linja difensjonali tal-parti l-oħra qiegħda turi element avventuruż fejn Leone Ganado mhux talli ma ddejjaqx jgħajjarha qaħba, talli ġie l-Qorti u bl-ardir kollu jippretendi li jeċċepexxi li dan hu kumment ġust. 

    Huwa qal li r-reazzjoni tal-Qorti dakinhar tax-xhieda tiegħu kienet tidher evidenti għax qal li l-ġudikanti mhumiex robots imma umani. Qal li l-Qorti kienet kważi perplessa b’dak li kien qal Leone Ganado meta kien qal li l-prostituti għandhom dritt ta’ rappreżentanza fil-Parlament.

    “Dan ġie hawn u pprova jipperswadi lill-Qorti li r-raġuni tiegħu hi li l-prostituti wkoll għandhom dritt ta’ rappreżentanza fil-Parlament. Dan mhux talli qalielha biex jimmalafamaha, imma elevaha għal sens ta’ degradazzjoni… bħala r-rappreżentant tal-prostituti f’Malta,” qal Dr Gatt.

    Huwa rrikonoxxa li peress li l-klijent tagħha hi politikanta, ir-riga ta’ dak li hu aċċettabbli hi aktar wiesgħa, pero’ nsista li l-kwistjoni hi li: “dan ma qalx Rosianne Cutajar għandha ħbieb antipatiċi jew pereżempju meta titkellem tgħajjat jew għamlet xi ħaġa li politikament hi ġennata… dan qalilha l-iktar ħaġa li mara tiddejjaq li xi ħadd jgħidilha.” 

    “L-intimat, min jaf kieku wieħed isaqsih jaqbad membru tal-familja tiegħu u jmur u jgħidlu l-aġġettiv li qal lilha. Imur filgħodu u jgħidilha ‘aw qaħba’. Dan hekk qed jipprova jgħid lill-Qorti, li talli qal hekk ma ġara xejn ta’ barra minn hawn.”

    “Din il-konsegwenza tagħha ġġib il-kawża ta’ Williams. Hi l-persuna responsabbli ta’ dak is-sit tal-Facebook li hi xehdet dwaru. Hi ma kkontestatx dan. Dan id-diskors għamlitu tagħha. Wieħed jara li mhux biss ippermettiet u kienet responsabbli li Leone Ganado jikteb dak id-diskors, imma saħansitra l-kelma li użaw ma trid teħodha waħedha. 

    “Williams għamlet ix-xogħol ta’ min irid jiddeċiedi eħfef. Jekk wieħed jaqra x’qalet hi wara li l-intimat uża dik il-kelma hi kompliet miegħu,” sostna Dr Gatt waqt li semma kif hawn morna fl-agħar parametri ta’ x’wieħed jista’ jgħajjar lil xi ħadd. 

    Huwa nsista wkoll li l-Qorti għandha tibgħat messaġġ fid-dawl li l-klijenta tiegħu kienet ilha tissapportihom ħafna lil dawn in-nies. “Qed nitkellem dwar tnejn min-nies fejn din il-kelma ma kinitx okkażjonali. Dawn qabdu system of conduct fejn il-ħin kollu jgħidulha “qaħba”, “qaħba f’xalata”…”

    Dr Gatt irrefera wkoll għall-attitudni tagħhom ukoll fil-Qorti fejn tul il-proċess kollu, għal iktar minn tliet darbiet f’seduti differenti l-Qorti ċanfrithom. “Dan qed ngħidu biex wieħed jara x’tip ta’ intimati għandna. B’nies ta’ dan it-tip li jġibu ruħhom hekk, jekk il-Qorti taqbel miegħi, il-Qorti m’għandhiex tibża’ għalihom fil-likwidazzjoni.”

    Fit-trattazzjoni tiegħu, Dr Andrew Borg Cardona li qed jidher għal Godfrey Leone Ganado u Rachel Williams, qal li f’din il-kawża qed nitkellmu dwar kummenti fuq Facebook. Qal li Cutajar ħadet azzjoni għax trid tattakka, tibgħat messaġġ, li ħaddieħor jista’ jgħid li jrid imma Leone Ganado le. Qal ukoll li l-kumment “fil-Parlament qisha qaħba f’xalata” ma tistax tiġi intepretata li hi “qaħba”. 

    Dwar il-kumment “bil-Malti ngħidu qaħba” huwa rrikonoxxa li hu insult ikrah imma qal li kien “fil-kuntest ta’ posts preċedenti fejn ġiet karatterizzata bil-laqam tal-famuża nuxellina.”  Qal li “Cutajar issa ħadet il-passi u hemm din il-kuntest ta’ kontroversja u protesti pubbliċi. Issa qed nippruvaw nagħlqulhom ħalqhom.”

    “Jien mhux qed ngħid li tgħajjar lil xi ħadd, mara partikolarment, qaħba, mhix potenzjalment serja. Anzi hi. Imma l-liġi inbidlet u tgħid li jrid ikollok series harm of reputation. Qed ngħid li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni għandu jiġi mxekkel biss f’ċirkostanzi li verament hemm il-ħsara serja u ħsara potenzjali, lir-reputazzjoni tar-rikorrent.”

    “L-Onor. Cutajar ma tistax tgħid li saret ħsara fuq ir-reputazzjoni tagħha. Anzi ironikament din ġiet enhanced fuq is-supporters tagħha. Anke jekk il-Qorti ssib element ta’ malafama, għandha tieħu konsiderazjoni tal-kuntest kollu inkluż id-dokumenti li ġew esbiti u l-aġir politiku ta’ Cutajar fil-pubbliku. Il-Qorti qiegħda tiintalab biex tagħlaq ħalq kulħadd. Jekk il-Qorti tidhrilha li għandha tkun punittiva hemm qed ixxekkel il-libertà tal-espressjoni kemm tal-intimati imma ta’ kull min jagħmel l-istess. Jekk hemm malafama hi minima fiċ-ċirkostanzi,” temm jgħid Dr Andrew Borg Cardona. 

    Min-naħa tiegħu, Dr Gatt qal li din hi l-unika darba fl-istorja li xi ħadd qed jgħid li jekk mara qed tgħajjarha qaħba tkun qed tagħmlilha pjaċir.

    Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, iddeferixxiet il-kawża għas-sentenza għall-24 ta’ Marzu li ġej.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0