“Issa l-waqt li Robert Abela jrid jurina kemm hu kapaċi jieħu d-deċiżjonijet”

  • Jan 19, 2020 13:26
  • Miktub minn iNews

    “Issa huwa l-waqt li Robert Abela verament jurina kemm hu kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet, li verament jemmen fil-governanza tajba, li jrid paġna ġdida u huwa Prim Ministru ta’ pajjiż normali.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika fin-Naxxar. Dan wara li l-midja żvelat kif l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta, li huwa r-raġel tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, siefer mas-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech meta dan kien diġà ġie identifikat mill-Pulizija bħala persuna ta’ interess fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.


    Dr Delia qal li Robert Abela issa jrid iwieġeb jekk fil-ġranet li għaddew meta kien qed japponta l-Kabinett kienx jaf li Silvio Valletta siefer ma’ Yorgen Fenech u jekk kien jaf hux aċċettabbli għall-Prim Ministru li Justyne Caruana tibqa’ tokkupa l-kariga ta’ Ministru għal Għawdex, u jekk ma kienx jaf hux se jurina li verament kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet.

    Dr Delia tkellem dwar il-Kumitat għall-Governanza li appunta l-Prim Ministru. Huwa qal li Robert Abela poġġa lil Owen Bonnici f’dan il-Kumitat, li meta kien il-Ministru għall-Ġustizzja ma ħalliex lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu fil-libertà. Dr Delia qal li minflok keċċa lill-Kap taċ-Ċivil, l-Prim Ministru Robert Abela poġġieh f’dan il-Kumitat għall-Governanza, meta Mario Cutajar ta lilu innifsu xogħol u paga oħra addizzjonali, bi ksur tar-regoli. Huwa qal li kemm Owen Bonnici kif ukoll Mario Cutajar ma jistgħux ikunu f’dan il-Kumitat jekk irrid nħarsu t-trasparenza u l-governanza tajba, u lanqas ma jista’ jsir bord bl-istess nies li jridu jagħmlu skrutinju tagħhom infushom meta f’dan il-Kumitat hemm ukoll il-Ministru Edward Zammit Lewis.

    Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li Robert Abela kellu jkeċċi lill-Kummissarju tal-Pulizija u mhux jirringrazzjah għan-nuqqasijiet kbar fil-każijiet ċari ta’ korruzzjoni, ħasil tal-flus u kriminalità f’Kastilja u meta naqas bil-kbir fl-investigazzjonijiet. Huwa qal li s-serjetà titlob li l-eks Kummissarju jiġi investigat għal dawn in-nuqqasijiet serji, meta kellu l-obbligu li jinvestiga u baqa’ ma investigax u meta kien jaf bl-involviment ta’ Kastilja. Adrian Delia qal li l-Prim Ministru għandu jgħid x’se jagħmel dwar Nexia BT u dwar Karl Cini, li r-rapport dwar Egrnat jgħid li kellu jiġi investigat, meta issa Robert Abela mhux komdu bil-preżenza ta’ Nexia BT f’Kastilja, u meta l-Oppożizzjoni ilha tikkundanna din il-preżenza fil-kuruturi ta’ Kastilja, Robert Abela kien qed jieħu kuntratti ta’ eluf ta’ ewro mingħand il-Gvern. L-Oppożizzjoni mhix se taqbel jew taċċetta li backbenchers jibqgħu jingħataw il-kuntratti tal-Gvern jew jitpoġġew fuq il-bordijiet. Bħalma għamel il-Ħadd li għadda, Dr Delia reġa’ nsista li l-Prim Ministru għandu minnufih ikeċċi lill-Avukat Ġenerali u jippubblika l-kuntratti tal-isptarijiet mal-Vitals u tal-power station mal-Electrogas.

    Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista, mill-Oppożizzjoni, diġà għamel ir-rakkommandazzjoni biex tissaħħaħ id-demokrazija u l-governanza tajba meta ħareġ id-dokument Riforma u Tiġdid bi 15-il proposta konkreta li qegħdin isibu l-appoġġ wiesa’ tal-imsieħba soċjali u tas-socjetà ċivili.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0