Laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana mal-Gozo Business Chamber

  • Jan 18, 2020 18:55
  • Miktub minn iNews

    Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, kellu laqgħa ta’ korteżija mal-Gozo Business Chamber, fl-ewwel impenn uffiċjali tiegħu fil-gżira Għawdxija.

    Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru qal li l-komunità kummerċjali hi kruċjali għal pajjiżna, u semma li l-gvern kien se jiżgura li l-ekonomija tkompli tikber u li kull negozjant jingħata opportunità li jkompli jikber, b’level playing field għal kulħadd. Stqarr li l-impenn tal-gvern hu li jassigura l-istabbiltà fil-pajjiż u li dan il-gvern hu pro-market u li se jkompli jaħdem biex jassigura t-tkabbir ekonomiku.

    Tenna li hemm ir-rieda min-naħa tal-komunità tan-negozji u tas-swieq Maltin u Għawdxin, flimkien mal-impenn li qed jieħu l-gvern, biex ikun hemm biżżejjed sinerġija biex nibqgħu mexjin ’il quddiem. Il-Prim Ministru Abela sostna li l-valuri u l-prinċipji huma l-istess biex jinħoloq aktar ġid għall-familji Maltin u Għawdxin.

    Min-naħa tiegħu, il-President tal-Gozo Business Chamber John Borg laqa’ b’entużjażmu l-bidla li bdiet tinħass bil-ħatra tal-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela. Qal li l-għan tal-Gozo Business Chamber, kif dejjem għamlet bħala kamra, hu li trid tkompli tippromwovi l-involviment ta’ negozji Għawdxin f’Għawdex stess biex tkompli tiġi preservata l-identità Għawdxija. Żied li l-ħidma tal-gvern u tal-Ministeru għal Għawdex, fir-rigward ta’ konnettività tul l-aħħar sena, kienet tajba ħafna, filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni tar-raba’ vapur. Qal li l-pass li jmiss hu dak tal-fast ferry kif ukoll tal-link bl-ajru bejn il-gżejjer.

    Min-naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li hemm relazzjoni ta’ djalogu tajba ħafna u miftuħa bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Business Chamber. Qalet li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm aktar żviluppi fir-rigward tat-tieni fibre-optic cable bejn il-gżejjer u qalet li l-ministeru mmexxi minnha qed ikompli jimbarka f’diversi inizjattivi biex jassisti lin-negozji Għawdxin. Semmiet li hemm pjanijiet biex anke l-insularità doppja tiġi indirizzata u dan permezz ta’ ħidma biex negozji f’Għawdex ikollhom level playing field meta mqabbel ma’ dak tan-negozji Maltin fejn għandhom x’jaqsmu ma’ skemi u ma’ inizjattivi oħrajn. 

    Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Gozo Business Chamber ta’ din il-laqgħa u qal li lil hinn mill-korteżija tal-laqgħa, din kienet opportunità biex jistieden lill-membri kollha tal-Gozo Business Chamber  ħalli jressqu ’l quddiem il-proposti u l-opinjonijiet tagħhom f’kull ħin, u qal li hu lest li jisma’ u li l-bieb tiegħu hu dejjem miftuħ. Dan jassigura li l-gvern ikun qed iħoss il-polz tan-negozji Maltin u Għawdxin u b’hekk il-politika tiegħu favur in-negozji tissawwar permezz tad-djalogu u ta’ relazzjoni miftuħa. Il-gvern se jagħmel outreach billi jmur hu wkoll għand il-komunità kummerċjali biex b’hekk inkunu aktar fil-qrib tagħhom, temm jgħid il-Prim Ministru Abela.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0