[FILMAT] “Għaqda nazzjonali li tgħin biex isiru bidliet kruċjali” - Robert Abela

  • Diċ 15, 2019 08:45
  • Miktub minn Melvin Farrugia

    Id-Deputat Laburista Robert Abela jitkellem ma’ Inewsmalta u jispjega li jekk jintgħażel bħala Mexxej tal-Partit Laburista u allura Prim Ministru ta’ pajjiżna, hu se jkun qed jaħdem biex iġib l-għaqda nazzjonali, filwaqt li jagħmel ċerta bidliet fl-istituzzjonijiet importanti ta’ pajjiżna. 

    Kemm-il darba tkun inti li tiġi magħżul biex tmexxi bħala Mexxej tal-Partit Laburista u bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna, x’se jkunu l-ewwel prijoritajiet tiegħek?

    Li ndaħħal lura l-għaqda. L-għaqda fil-Partit hi kruċjali biex nagħmlu l-bidliet u nistabbilizzaw il-partit ukoll. Hi l-aktar ħaġa sempliċi, li fl-istess waqt hi l-aktar ikkumplikata. Jekk kien hemm nuqqasijiet fl-għaqda trid terġa’ ssaħħaħhom. Din tagħtik is-saħħa li tagħmel il-bidliet. 

    Hu importanti li nerġgħu naħsbu u mmorru lura għall-għeruq tal-partit. 

    Irridu mmorru lura għall-prinċipji ewlenin tal-ugwaljanza, l-għaqda u s-solidarjetà li jagħmlu lil dan il-partit u moviment tant b’saħħtu. Trid tmur lura għall-għeruq tal-ġustizzja soċjali, ta’ rispett lejn il-fqir u l-batut. Tiskanta kemm dak il-fatt jgħinek meta tiġi għat-tmexxija nazzjonali. Meta inti għandek partit magħqud, grupp parlamentari magħqud, il-membri tal-partit miegħek, id-delegati tal-partit u l-istruttura kollha miegħek, dik tagħtik ħafna saħħa u enerġija biex tagħmel il-bidliet fuq livell ta’ pajjiż. Dik xi ħaġa li dejjem emmint fiha u ħdimt biex saħħaħtha, kemm f’dawn is-sentejn u nofs kemm ilni membru parlamentari u anke qabel minn kemm ilni nillimita fil-Partit Laburista mill-1996. Mill-2008 żidt il-kontribut u mill-2010 kont wieħed mill-aktar uċuħ li kien jibgħat il-partit fuq il-mezzi tax-xandir u dejjem wassalt messaġġ dinjituż tal-partit.

    Fuq livell ta’ pajjiż, importanti li terġa’ tidħol l-għaqda nazzjonali. Erġajna qed insemmiha għax hi importanti. Segwejt id-diskors tal-President f’Jum ir-Repubblika u naħseb laqat il-musmar fuq rasu. L-ewwel aspett li rridu ndaħħlu lura hi l-istabilità u din iġġibha bl-għaqda nazzjonali. Ma nistgħux niċħdu li llum hi xi ftit imxellfa, iżda mhux qed ngħid li għandna pajjiż imkisser. Allura l-ewwel prijorità tiegħi, jekk niġi elett bħala mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru, tkun li nkompli nsaħħaħ l-għaqda biex fejn hemm tixlif tissaħħaħ. L-ewwel miżuri huma ċari f’moħħi, fosthom li terġa’ tiddaħħal il-fiduċja fl-istituzzjonijiet. Għandna istituzzjonijiet li jaħdmu u ma nagħmlux l-iżball li ngħidu li huma mkissra. F’ċerti aspetti jistgħu jaħdmu aħjar. Korp tal-Pulizija effiċjenti u li kien tajjeb fl-investigazzjonijiet u fil-mod kif tressqu l-persuni l-qorti matul is-snin fuq diversi reati. Jista’ jsir aħjar. Dak li bnejna għamilnieh flimkien u jien kont parti minnu. Ma nistax illum nipprova nkisser dak li sar tajjeb. 

    Punt ieħor importanti hu li ma nagħmlux l-iżball li naħsbu li qegħdin f’elezzjoni ġenerali. Il-programm tagħna fil-Gvern hu miktub u mfassal, fi ftehim mal-poplu permezz tal-manifest elettorali. Jiġifieri l-miżuri ta’ kif jien jew id-deputat Prim Ministru se nkunu qed naħdmu hu mfassal. Hu manifest tajjeb li qbilna l-membri parlamentari kollha miegħu. Irridu nimxu miegħu u nemmen li din il-kampanja trid tiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ dan il-manifest, li ndaħħlu lura l-għaqda u nsaħħu l-ġustizzja fil-pajjiż u ndaħħlu d-dixxiplina u s-serjetà. Trid toħloq aktar għodod biex issaħħaħ kif se jitwettaq il-manifest elettorali, però mhux taqilbu ta’ taħt fuq. Il-mument li xi ħadd minna jipprova joħroġ bi proposti li jaqilbu ta’ taħt fuq il-manifest inkunu f’direzzjoni żbaljata. 

    Jekk tħares aktar fit-tul, x’tixtieq li tkun id-direzzjoni li jieħdu kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-pajjiż?

    Bħala partit nemmen li għandna ndaħħlu aktar enerġija u ħajja. Ir-realtá tal-lum turik li l-partit jerġa’ jieħu l-enerġija fl-aħħar ftit xhur qabel l-elezzjoni u dan mhux għax nittraskuraw lill-partit b’xi intenzjoni ħażina, iżda għax tkun iffokat fuq il-ħidma tal-Gvern. Dik tifhimha u tiġri dejjem. Però, nemmen li dik l-enerġija tal-ħidma fil-partit għandha tibqa’ hemm dejjem tul leġiżlatura sħiħa. 

    Kif tagħmilha? Billi fost l-oħrajn tagħti vuċi ikbar lill-partit u jipparteċipa fil-politiki li jridu jitfasslu fuq livell nazzjonali. Ma jfissirx li l-partit jiddetta lill-Gvern x’għandu jagħmel imma l-partit irid ikun vuċi li l-Gvern obbligat jismagħha qabel jgħaddi l-politiki tiegħu. Dik xi ħaġa li ħafna delegati u membri tal-partit jgħiduli. Anke nies li jemmnu fl-ideali tal-Partit Laburista jistaqsu għalxiex qatt ma jiġu kkonsultati. Hemm ħafna nies li lesti jikkontribwixxu. Ejja ninvolvu aktar lin-nies u nwasslu l-messaġġ li rridu nagħmlu politika min-nies għan-nies. Allura f’din il-kampanja qed inwassal dak il-messaġġ, b’kampanja sempliċi, kampanja li ssir min-nies għan-nies, li mhix qiegħda tagħmilieli xi komunità tan-negozju u tmexxini xi komunità jew oħra. Għandi rispett lejn il-komunità tan-negozju, però nemmen li fil-politika trid tmexxi lin-nies u n-nies jiggwidawk ukoll. Jien nemmen ħafna f’dan il-livell ta’ interazzjoni. M’għandix stil ta’ mexxej li naf kollox. Jien nemmen li jien persuna li tgħallimt ħafna, fadalli x’nitgħallem u nħobb nisma’ x’jgħiduli n-nies għax meta tkun viċin tagħhom u viċin l-għeruq titgħallem u tesperjenza aħjar x’qed iħossu. X’qed iħossu n-nies fil-livelli t’isfel tas-soċjetà jgħinek tfassal il-politiki u direzzjoni għall-pajjiż li tkun b’saħħitha ħafna għax meta tkun qed tara x’għandu bżonn iż-żgħir u l-batut, se tieħu deċiżjonijiet aħjar. 

    Jien naħseb li l-inkwiet tal-lum hu marbut ma’ każ jew każi partikolari, imma ma nemminx li huma dawk il-każi li wasslu għal din is-sitwazzjoni. Naħseb li tbegħedna mill-għeruq li sawruna. Mhux qed ngħid għal-Laburisti biss ħalli nkun ċar. Qed nitkellem dwar il-ġustizzja soċjali u l-prinċipji tal-mobilità soċjali. Hemm tbegħedna ftit. Hu kruċjali li żżomm lill-komunità tan-negozju għaddejja b’saħħitha u importanti li ma noskurawhiex għax inkella pajjiżna jmur lura. Importanti li nagħtuha fejn timraħ u noffrulha l-opportunità. Hemm ħafna negozjanti onesti u jaħdmu għall-ġid tal-pajjiż. Imma x’ġara? Imxejna wisq lejn in-naħa tan-negozju u kultant inħoss li nsejna lil dak l-individwu li għandu paga ta’ €800 fix-xahar u kirja ta’ €700 fix-xahar. Dawn realtajiet! F’mument qisna bdejna nħossu li mhix problema reali. Realtajiet oħra, bħall-immigrazzjoni, li kulħadd jiddejjaq jitkellem dwarhom. Mhumiex suġġetti popolari, però ejja nitkellmu dwarhom. Għandi l-impenn, ir-rieda u l-ħeġġa biex naħdem dwar dawn is-suġġetti li l-poplu qed jgħidilna nitkellmu dwarhom u nindirizzawhom. Fil-mument li nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, se nġibu l-partit qrib l-għeruq tiegħu u qrib il-poplu li fil-maġġoranza hu bieżel, onest, jgħix ħajja sempliċi, iħobb il-familja, iħobb lil pajjiżu u jħobb l-għaqda. Kif inġibu dak flimkien, li tidher ikkumplikata iżda mhijiex, nimxu ‘l quddiem. 

    X’passi bi ħsiebek tieħu biex tnaddaf isem Malta fuq livell internazzjonali?

    L-ewwel bidla li trid issir hi li jkollok persuni kredibbli fit-tmexxija tal-pajjiż. Kredibbli bil-mod kif jimxu, fl-integrità, fis-serjetà, fil-messaġġ ta’ dixxiplina li jittrażmettu. Li l-poplu jkollu l-fiduċja fil-mexxejja tiegħu. Qed nitkellem fil-plural għax ma nemminx fil-kunċett ta’ mexxej wieħed. Mexxej wieħed ikun hemm, imma t-tmexxija trid tittrażmettiha lit-tim tiegħek, f’dan il-każ fil-grupp parlamentari u minnu tiddelega aspetti f’livelli aktar ‘l isfel ukoll. Jien nemmen f’dak l-istil ta’ tmexxija fejn mhux kollox iċċentrat ma’ wieħed li qisu kollox hu, imma tmexxija li tiftaħ u tagħti opportunità lill-membri parlamentari fl-eżekuttiv u anke dawk fil-backbench li nsellmilhom għax huma b’saħħithom u entużjasti li jaħdmu. 

    Irridu nagħmlu bidliet flimkien biex inġibu lura l-fiduċja li hi ftit imxellfa. Nibdew billi nirrikonoxxuha. Irid ikollna persuni kredibbli u kompetenti li jistgħu jġibu dawk il-bidliet u l-ewwel bidla li nħoss li għandha tiġi mdaħħla hi s-sens ta’ ġustizzja. Jidħol lura billi l-poplu jafda fil-korp tal-Pulizija. Mhux qed ngħid inkissru l-korp tal-Pulizija iżda nibnu fuq it-tajjeb li hemm. Però, hemm bidliet li nħoss li kruċjali li jsiru. Bidliet fis-sistema ġudizzjarja, fejn ukoll sar ħafna tajjeb u saħħaħna s-sistema ġudizzjarja. Fadal xi jsir. Il-mument li nikkonsolidaw u nagħtu fiduċja sħiħa lill-parti tal-investigazzjoni, tal-prosekuzzjoni, is-servizz sigriet, l-awtoritajiet investigattivi kollha u l-parti li mill-prosekuzzjoni tieħu l-qorti, jiġifieri l-parti ġudizzjarja li tiddeċiedi l-każi, u li ssir ġustizzja mingħajr uċuħ. Fil-mument li nwasslu dak il-messaġġ b’saħħtu hemm barra, nemmen li s-sitwazzjoni tinnormalizza ruħha. Hemm bżonn xhur ta’ ħidma intensiva, iżda li tista’ twettaqhom jekk tkun iffokat u tkun taf timmanuvra b’sens legali. Kollha huma bidliet tas-saltna tad-dritt u nemmen li bħala avukat għandi l-vantaġġ li ħdimt ħafna fid-dritt amministrattiv u naf eżatt x’bidliet iridu jsiru. Jekk hemm ħatra ta’ Kummissarju u kif jiġi magħżul għandi ideat ċari ta’ kif trid issir. Anke wkoll riformi fil-ġudikatura dwar il-mod kif jiġi maħtur il-Prim Imħallef. Għandi ideat lil hinn mis-sistema preżenti. Għamilna diġà ħafna affarijiet tajbin u nsellem lill-Ministru Owen Bonnici li wettaq ħidma tajba u introduċa bidliet b’saħħithom. Fadal xi jsir u l-proċess tas-saltna tad-dritt hu wieħed dinamiku fejn dak li nagħmlu llum jista’ jinbidel sena wara. Ma jien qalbi maqtugħa xejn, anke għax qed nopera f’qasam li jien komdu fih. Hu qasam li nħobbu u nħares ‘il quddiem b’entużjażmu. Ilni nemmen li jridu jsiru. Anke kieku ma nqalax dan il-każ. Nemmen ukoll fi skrutinju parlamentari aktar wiesgħa ta’ karigi. Aħna daħħalna l-Kumitat għall-Karigi Pubbliċi, li bħalissa jien iċ-ċerpersin tiegħu, u li jiskrutinja ċerti karigi bħal ċerpersins ta’ entitajiet li l-lista nemmen li għad trid tiżdied u tinkludi fost l-oħrajn lill-Kummissarju tal-Pulizija. L-iskrutinju parlamentari jfisser li qed nagħti aktar vuċi lin-nies biex jipparteċipaw fil-proċess ta’ riformi li jsiru fil-pajjiż. Jien nemmen li l-poplu għandu jkun involut fil-proċess ta’ riformi li jsiru, anke dik Kostituzzjonali. Ejja nagħtu vuċi lin-nies ħalli jipparteċipaw. Il-Kosituzzjoni hi tan-nies. Hi l-ogħla liġi tal-pajjiż imma hi tan-nies. Jien ma nafx kollox, in-nies ma jafux kollox u lanqas il-membri parlamentari. Però, bi sforz kollettiv, nemmen li nistgħu nimxu ferm aktar ‘il quddiem. 

    Xi strutturi tħoss li għandhom jinħolqu biex jiġi żgurat li ma jerġgħux jiġru sitwazzjonijiet bħal dawn li kellna fl-aħħar ġimgħat?

    Naħseb li aktar milli strutturi, dejjem taqa’ għall-individwi u l-integrità tagħhom. Jien nista’ mmur għal mudelli tal-imgħoddi bħal li kien hemm taħt Gvernijiet Nazzjonalisti imma fl-aħħar mill-aħħar jiddependi mill-individwu, kemm jaspira għal dik is-serjetà u dik l-integrità li jista’ jmexxi l-affarijiet ‘il quddiem. L-individwi fallew. Ma nemminx li kellna kollass tas-sistema. Kellna nuqqasijiet, f’ċerti każi kbar, ta’ individwi li wasslu biex is-sistema ssirilha l-ħsara. Issa inti x’tista’ tagħmel? Tista’ toħloq struttura aktar sigura jew inkella tkun aktar galbat fl-għażliet li tagħmel. Waħda mill-funzjonijiet prinċipali li kellna fil-Gvern hi dik ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru. Ħafna nies qed jistaqsu x’ġara minnha din il-kariga. Fil-verità, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru ilu li ngħata setgħat daqs minn Ministru minn żmien Eddie Fenech Adami. Ma kinitx xi kariga li evolviet taħt dan il-Gvern. Bdiet minn Fenech Adami, kompliet taħt Lawrence Gonzi u kompliet f’din il-leġiżlatura. Fil-fehma tiegħi, hemm trid tagħmel għażla klinika ta’ persuna integra, tal-affari tagħha u li s-setgħat marbuta ma’ dik il-kariga għandhom jonqsu. Fil-verità, li kap ta’ segretarjat kważi jassumi setgħat ministerjali hu żball. Setgħat ministerjali huma tas-segretarji parlamentari u l-Ministri għax huma kontabbli lejn il-poplu. Il-mod kif jaħdem l-eżekuttiv tagħna hu li dan hu elett mill-poplu. Fil-mument li tidħol persuna b’setgħat daqs ta’ ministru u mhux kontabbli, hemm jista’ jkollok diffikultajiet. Hemm ukoll ngħid li sar xogħol tajjeb imma saru żbalji li ma jistgħux jinħafru. Dik ir-realtà. 

    Nemmen li rridu nixħtu aktar setgħat fil-Kabinett. Il-Kabinett irid ikun il-post fejn jiġu diskussi d-deċiżjonijiet, mhux biss jittellgħu għall-approvazzjoni. Il-kunċett hu li l-Kabinett ikun parteċipattiv aktar fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Jiġifieri jekk deċiżjoni tkun dwar il-ġustizzja mhux biss ikun il-Ministru tal-Ġustizzja li jfassalha u jtellagħha Kabinett. Jekk ikun hemm idea tajba titressaq għad-diskussjoni, tieħu l-ideat, timplimentaha fuq livell ta’ Ministeru u mbagħad terġa’ ttellagħha Kabinett għall-approvazzjoni. Tgħidli se jieħu aktar fit-tul u xxekkel il-ħidma tal-Gvern. Possibbilment tieħu iktar fit-tul imma nemmen li l-affarijiet iridu jsiru bil-galbu u mhux bilfors kollox bl-għaġġla. Il-mument tal-lum jiddetta aktar prudenza u deċiżjonijiet aktar maħsuba. Fejn tidħol l-ekonomija, hemm id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu bl-għaġġla u b’mod kawt biex nistabbilizzaw l-ekonomija. L-ekonomija għadha b’saħħitha, stabbilizat xi ftit u rridu nieħdu deċiżjonijiet ta’ malajr. Deċiżjonijiet oħra noħduhom bil-galbu u bħala tim. Jien nemmen ħafna li rridu nkunu tim magħqud u naħdmu flimkien biex il-prodott finali jkun aktar b’saħħtu. 

    Temmen li Malta għandha tkompli fid-direzzjoni tal-Moviment jew inkella għandha nħaddnu aktar il-prinċipji soċjali li dejjem kienu l-qofol tal-Partit Laburista?

    Waħda ma teskludix l-oħra. Il-moviment qatt ma kien iddisinjat u maħsub biex jeskludi l-prinċipji tradizzjonali tal-Partit Laburista. Jista’ jkun li f’mument minnhom ħa direzzjoni ftit differenti, imma allaħares f’dan il-mument ningħalqu fina nfusna jew noħolqu xi mentalità ta’ fortizza li ngħidu li dan partit tal-Laburisti biss u nħallu lil dawk kollha li ngħaqdu ma’ dan il-partit mill-2008 ‘il quddiem ikunu t-tieni l-aqwa. Dak żball kruċjali li joħodna f’direzzjoni li nissograw telfa elettorali. Dan hu partit, moviment, sejjaħlu li trid. Fil-fatt, fl-imgħoddi konna nsejħulu moviment tal-ħaddiema. M’għandniex niddejqu nsemmuha.

    Il-Moviment tal-lum hu kunċett aktar wiesa’ ta’ nies ta’ rieda tajba, ġenwini, li lesti jaħdmu għall-pajjiż, persuni li jemmnu li l-Partit Laburista joffri l-aqwa gvern għal pajjiżna. Hemm ħafna eluf li tradizzjonalment ma kinux jivvotaw lill-Partit Laburista imma llum huma konvinti fit-tmexxija tagħna fil-Gvern. Jiġifieri s-sigriet se jkun li nibbilanċjaw il-prinċipji tradizzjonali u l-għeruq tal-Partit ma’ dawk il-persuni ġenwini li ngħaqdu mal-moviment u llum konvinti fil-prinċipji li jsawru l-Partit Laburista. Għaliex le? Dak iġib l-għaqda u l-ugwaljanza. Ejja nimxu ‘l quddiem. Li ġara kien minħabba ċirkostanzi individwali li ħaduna fi triq ta’ żball f’ċirkostanzi partikolari. Ma ninsewx it-tajjeb li nbena. Sar ħafna ġid u ma nipprovawx nagħtu stampa sewda għax mhijiex. Għandna ċirkostanza waħda sewda imma noħorġu minnha u nimxu ‘l quddiem. 

    Dwar il-protesti li kellna fl-aħħar ġimgħat, tħoss li dawn saru bl-intenzjoni vera li titqajjem kuxjenza jew inkella biex tinħoloq instabilità politika?

    Nemmen li hemm ħafna li qed jipprotestaw b’ġenwinità u għax vera jemmnu li hemm affarijiet jinkwetawhom. Però hemm ftit, li qed jużaw l-okkażjoni tal-protesti għal skopijiet oħra u hemm idejjaqni. Nagħmel distinzjoni bejn protesti li saru ġimgħat ilu u dawk tal-lum. Illum is-sitwazzjoni ċara, il-Prim Ministru ħabbar id-deċiżjoni tiegħu u d-dati tal-elezzjoni għall-ħatra ta’ mexxej ġdid, jiġifieri l-affarijiet għandhom direzzjoni ċara. L-iskop tal-protesti llum, hekk kif qegħdin fil-festi tal-Milied u għandek komunità ta’ negozju li qiegħda tibki għax niżlilha l-bejgħ, ma naħsibx li huma sewwa. Nifhem il-messaġġ li qed iwassal min qed jipprotesta, però ejja naraw l-affarijiet fil-kuntest. Hemm proċess ġudizzjarju li miexi fil-Qorti u affarijiet oħra li jridu jkomplu jissaħħu fl-investigazzjoni. Nemmen li l-investigazzjoni ma tistax tingħalaq. Tajjeb li tressqu erba’ persuni u fadal xi jsir aktar fl-investigazzjoni u trid tingħalaq b’mod sodisfaċenti. Però, ejja naraw l-aspett l-ieħor li fit-toroq tal-Belt hemm komunità ta’ negozju li jekk se titlef il-perjodu tal-festi, se noħolqulhom problema kbira għas-sena d-dieħla. Kirjiet għoljin li jridu jħallsu, spejjeż għoljin u pagi. Naħseb li l-komunità tan-negozju tagħna ma jixraqiliex hekk u hemm mod u mod kif tipprotesta. Jien nifhem li l-protesti jridu jkunu paċifiċi u ma niddejjaqx jekk anke jkun hemm min jgħolli leħnu. Però, ċerti limiti ma jridux jinqabżu u nħoss li f’ċerti każi nqabżu. Nappella għad-diċenza u biex il-Forzi tal-Ordni jagħmlu xogħolhom. Ċerta sitwazzjonijiet li mhux tollerabbli ma jiġux tollerati. Protesta hi dritt sagrosant, iżda hu obbligu ta’ min jagħmel protesta li jagħmilha b’mod paċifiku. Nemmen li meta tagħmilha b’mod paċifiku, il-messaġġ jasal aħjar. Però, nappella għall-prudenza għax barra l-pajjiż qiegħda ssir il-ħsara. Li f’Jum ir-Repubblika jkollok protesta għaddejja waqt li jindaqq l-Innu Malti ma tinżilx tajjeb. Mhux qed ngħid li m’hemmx dritt, anzi nirrispettah, imma ejja nkunu bilanċjati. M’għandix bżonn protesta biex nieħu d-deċiżjonijiet tajbin li jridu jittieħdu. Se jittieħdu anke jekk ikunu iebsin. Konvint mid-deċiżjonijiet li rrid nieħu. Nemmen li b’rieda tajba l-bidliet jistgħu jsiru. 

    Bħala protesti, tħoss li għamlu ħafna ħsara fuq livell internazzjonali? X’se tkun l-aktar ħaġa diffiċli biex niksbu l-fiduċja barra minn xtutna?

    Jekk ngħid li ma jagħmlux ħsara mhix il-verità. Iva, iħallu impatt li ma nemminx li ma nistgħux insewwuh. Fl-aħħar mill-aħħar, imbagħad irid jiġi minn min qed jipprotesta li fil-mument li nibdew nimplimentaw il-bidliet ġenwini jirrikonoxxieh. Hemm ikun it-test tal-ġenwinità tagħhom, u jien nemmen li hemm ħafna ġenwini. It-test se jiġi fil-mument li nibdew nimplimentaw bidliet serji, li mhux bilfors huma li qed jgħid u jrid min qed jipprotesta. Allaħares il-politiki u d-deċiżjonijiet tal-Gvern jiġu ddettati minn min qed jipprotesta, għalkemm jista’ jkun hemm affarijiet li l-Gvern iħoss li għandhom isiru. Meta nibdew nimplimentaw dawk il-bidliet, se jkun hemm mumenti meta se jipprotestaw xorta għax iridu bidliet mod ieħor. Hemm nibda ngħid li hemm raġunijiet oħra għall-bidliet. Nappella biex tagħtuna ċ-ċans nagħmlu l-bidliet. Se jkun hemm Prim Ministru ġdid li jrid jagħmel il-bidliet malajr imma b’mod kawt. Fl-istess waqt, ejja nagħtu nifs lill-pajjiż ukoll. Li jkollok Diċembru u Jannar bil-protesti, ma naħsibx li hu tajjeb, għalkemm xorta m’għandux jiġi mċaħħad min irid jipprotesta. Ma ninsewx li qegħdin f’perjodu li nistgħu nġibu ħafna għaqda, bejn il-familji fil-Milied. Ejja nerġgħu ndaħħlu dak l-ispirtu sabiħ li jgħin anke għal deċiżjonijiet li jridu jittieħdu flimkien bħala nazzjon. 

    Ritratt u Filmat: Roger Azzopardi

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0