Kampjonat Premier: Jiġi fi tmiemu l-ewwel round

  • Diċ 13, 2019 00:59
  • Miktub minn iNews

     

    Matul dawn it-tlett ijiem tintlagħab l-aħħar ġur­nata tal-Ewwel Round tal-Kampjonat BOV Premier b’għadd ta’ partiti mill-aktar interessanti hekk kif għall-aqwa tliet konfronti tkellmu wkoll il-coaches rispettivi f’konferenza stampa li saret fil-kwartieri tal-MFA.  

     

    Birkirkara v Sirens  - Dan huwa konfront mill-aktar diffiċli għal Birkirkara hekk kif jaffrontaw lit-team rivelazzjoni, Sirens. Il-pożizzjoni tal-Istripes tinsab fil-periklu meta huma biss tliet punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni u għaldaqstant hija imperattiva għalihom li joħorġu bit-tliet punti. 

    Huma jridu jagħrfu kif  jirriorganizzaw mit-telfa kontra Sliema Wanderers (2-1) minħabba li quddiemhom għandhom ostaklu mill-aktar diffiċli. 

    Min-naħa tagħhom Sirens, ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fuq Tarxien Rainbows u għaldaqstant jimmiraw li jagħlqu l-ewwel round fuq nota pożittiva biex jibqgħu fl-isfida għar-rebħ tat-titlu meta jinsabu erba’ punti biss dis-takkati mil-leaders Floriana. 

    Sirens għandhom lil Flavio Cheveresan sospiż wara li fl-aħħar logħba ntwera r-raba’ karta safra minn fuq il-bank tas-sostituti, filwaqt li Birkirkara m’għandhomx problemi ta’ players neqsin.

     

    Sta Lucia v Balzan – Bal­zan, li jinsabu fis-seba’ post,  jibdew favoriti li jirbħu din il-partita kontra team li jinsab fil-post ta’ qabel l-aħħar. 

    Iżda fil-veritá, Sta Lucia f’bosta drabi kienu sfida denja għall-avversarji tagħhom iżda huma neqsin mill-esperjenza tal-ogħla diviżjoni bil-konsegwenza li ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar tmien logħbiet ... bl-aħħar waħda tkun it-telfa ta’ 2-1 kontra Floriana. 

    Min-naħa ta’ Balzan, li se tkun diffiċli għalihom biex jisfidaw għall-ewwel tliet postijiet, ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Hamrun Spartans.  

    Għal Balzan jista’ jirritorna Nenad Sljivic wara sospensjoni ta’ tliet logħbiet filwaqt li Sta Lucia għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni tagħhom. 

     

    Hibernians v Gzira U. – Din hija l-aqwa logħba tal-ġimgħa fejn Hibernians u Gzira United għandhom aspirazzjonijiet li jkomplu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu. 

    Filwaqt li l-Maroons jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, il-Pawlisti jinsabu erba’ punti warajhom u sebgħa mil-leaders Floriana. Għaldaqstant rebħa għal Hibernians tkun tfisser li jżommu l-kuntatt ma’ Gzira. Rebħa għal dawn tal-aħħar tkun tfisser li jaqtgħu għal kollox  lill-istess Hiber-nians mit-taqtiegħa. 

    Hibernians se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż, Leonardo Nanni, filwaqt li l-Gżirjani se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

    Il-coach ta’ Hibernians, Stefano Sanderra, qal: “Dan hu test importanti ħafna għalina. Aħna ġejjin minn mument pożittiv fil-kampjonat għalkemm irridu nżommu saqajna mal-art filwaqt li nkunu umlin biżżejjed li niffaccjaw din il-logħba b’mod prudenti.”

    Min-naħa tad-diriġent ta’ Gzira United, Marlon Galea, fl-assenza tal-coach, Giovanni Tedesco, sostna: “Din hi partita ferm importanti kontra team li sejjer tajjeb ħafna fil-kampjonat. 

    “Inqisha bħala logħba diretta għar-rebħ tal-kampjonat u nafu li se nilaghbu kontra team ferm organizzat b’mod partikolari fid-difiża. 

    “Ma nistgħux ninjoraw li se niltaqghu kontra team li għandu potenzjal kbir. Issa li se jispiċċa l-ewwel round u se jibda t-tieni round nibdew naraw partiti fejn id-distakk fil-livell ikompli jonqos.”

     

    Mosta v Gudja U.   Dan huwa konfront dirett bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika. Filwaqt li Gudja jinsabu fid-disa’ post b’14-il punt, Mosta jinsabu fil-11-il post, b’punt warajhom. 

    Din hija partita li tista’ tagħti tama ġdida lil min jakkwista t-tliet punti minħabba li jitla’ f’nofs il-klassifika. Iżda min jispiċċa fuq in-naħa telliefa jkun ifisser aktar inkwiet  filwaqt li riżultat ta’ draw ma jissodisfa lil ħadd.

    Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż ... Mosta lil Leonardo Villareal u Gudja lil Hubert Vella. Għal dawn tal-aħħar Rundell Winchester jirritorna minn sospensjoni u jista’ jirritorna wkoll  Miguel Attard. 

     

    Senglea A. v Tarxien R.  – Dan huwa konfront min-naħa t’isfel tal-klassifika. Filwaqt li Tarxien Rainbows huma destinati li jitilfu posthom mal-kbar hekk kif ma rebħu l-ebda punt minn 12-il partita, Senglea Athletic għadhom fit-taqtiegħa li jsalvaw posthom għalkemm jinsabu punt biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni. 

    Iżda għal din il-logħba l-Athletics se jkunu mingħajr is-sospiżi Marcelo Dias u Mirko Todorovic iżda jirritorna Sean Cipriott minn sospensjoni. Għal Tarxien se jkun nieqes Brandon Muscat għall-istess raġuni. 

     

    Sliema W. v Floriana – Il-partita bejn Sliema Wanderers u Floriana tqanqal nostalġija kbira meta fil-passat kienet tiġbed eluf ta’ partitarji lejn il-ground minħabba r-rivalitá li kienet teżisti sa mill-bidu tal-istorja tal-kampjonat Malti.  

    Il-Wanderers jimmiraw li jagħtu l-ewwel telfa tal-istaġun lil Floriana li se jkollhom lill-midfielder, Ryan Camenzuli, sospiż. Min-naħa ta’ Sliema Wanderers, dawn se jissaħħu bir-ritorn ta’ Kurt Shaw, Mark Scerri u Edmond Agius, minn sospensjoni. Barra minn hekk mistenni jirritorna wkoll is-Senegaliż, Seydou Sow.

    Il-coach tal-Wanderers, Alfonso Greco qal: “Se nilaghbu kontra team li għaddej minn forma tajba. 

    “Aħna ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi u bil-mod il-mod qed niksbu fiduċja fil-potenzjal tagħna. Qed  naħdmu qatigħ biex nibqgħu nagħtu wirjiet bħal ma kellna riċentement għalkemm nafu li f’dan il-kampjonat xejn m’huwa faċli. L-avversarji tagħna huma ferm organizzati u mhux se tkun faċli ninf­du d-difiża ferm organizzata tagħhom.”

    Min-naħa tiegħu, il-coach ta’ Floriana Vincenzo Potenza, qal: “Fl-opinjoni tiegħi qatt ma rajt lil Sliema Wanderers jilagħbu ħażin u kienu biss serje ta’ ċirkostanzi u nuqqas ta’ fortuna li ddeterminaw dawk ir-riżultati li kisbu. 

    “Anzi jien nara li se tkun logħba ferm diffiċli li fiha se nilaghbu kontra avversarji li jilagħbu football ferm pożittiv issa li kisbu il-forma tagħhom.

     

    Hamrun S. v Valletta – Anke dan il-konfront, “je­ħodna lura” għas-snin tmenin fejn Hamrun Spartans u Val­letta kienu r-rivali eterni ... fejn kienu ukoll l-aqwa żminijiet kemm ilu mibni l-Istadium Nazzjonali.  

    Bla dubju, din il-partita wkoll se tiġbed attendenza kbira fejn Hamrun Spartans, li jinsabu fis-sitt post jimmiraw li jnaqqsu d-distakk għal punt wieħed fil-konfront ta’ Valletta li jinsabu fir-raba’ post ... sitt punti ‘l bogħod mil-leaders Floriana. 

    Għall-Ispartans mistenni li jirritorna d-difensur Grieg, Orestis Nikolopoulos, filwaqt li l-Lilywhites mistennija jinżlu bl-istess formazzjoni li biha spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Hibernians. 

    Il-coach ta’ Hamrun Spartans, Manuele Blasi, sostna: “Nafu li l-logħba kontra Valletta hi waħda mill-iktar partiti diffiċli li se nkunu qed niffaccjaw. Iżda rridu niffukaw aktar biex noħorġu l-aħjar tagħna kontra ċ-champions Maltin. “

    Min-naħa tal-coach ta’ Valletta, Darren Abdilla, qal: “Se nilaghbu kontra team li għandu barranin ta’ kalibru u players Maltin li kapaċi jagħmlu d-differenza kollha.

    “Aħna għaddejna minn perjodu diffiċli iżda irnex-xielna nerġgħu nsibu l-konsis­tenza tagħna. 

    “Logħba bejn Valletta u Hamrun dejjem tkun attraenti u ġġib attendenza sabiħa lejn il-ground. Se nilagħbu l-logħba tipika tagħna bit-tama li niksbu dak li nixtiequ.”

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0