Thuema jgħid li Kenneth Camilleri kien urih numri ta’ mowbajl fuq karta

  • Diċ 12, 2019 09:37
  • Miktub minn iNews

    13.18: Thuema qal li Johann Cremona kien informah li kien se jiġi arrestat xahar qabel.

    13.15: Dr Azzopardi staqsa lil Thuema: “Ilbieraħ semmejt li Yorgen qal li Daphne kienet kitbet dwar numru ta’ persuni.” Theuma wieġbu: “Jien għedt hekk?”

    Imbagħad l-Ispettur Keith Arnaud ġibed l-attenzjoni tal-Avukat li kien hu li xehed dan mhux Theuma.

    B'referenza għal-laptop ta' Daphne, Theuma qal li Yorgen kien qallu “li Daphne kitbet fuq ħafna nies allura l-investigaturi ma jaqbdux irkaptu.

    Dr Azzopardi: “Yorgen Fenech qatt qallek li minn Kastilja riedu jkollhom il-laptop taħt idejhom?” Thuema wieġbu: “Le qatt.”

    13.05: Dr Jason Azzopardi staqsa lil Thuema: “Kemm-il darba ltqajt ma’ Kenneth Camilleri?”

    Theuma: “Darbtejn. Kien ġie l-garaxx darba u wrieni tliet numri ta’ mowbajl fuq karta, wieħed minnhom kien in-numru antik tiegħi. Camilleri qalli hawn għandek il-problemi għax int il-mandant tas-Sinjura Caruana Galizia. Għedtlu l-mandant jien? Il-mandant huwa Yorgen Fenech ta’ Tumas.”

    12.54: Dwar l-ittra li kiteb Theuma qal li kien semma lil Keith Schembri biex ibeżża’ lil Fenech. “X’hemm bejn Yorgen u Keith ma nidħolx fiha. Bil-ġurament Keith Schembri lili la qatt semmieli lil Daphne, la qatt għadda pagamenti … xejn. Il-flus u l-kliem biex noqtol lil Daphne kien jagħtihomli Yorgen Fenech. Għalija hu biss il-mandant.”

    12.53: Dr Azzopardi: “F’April tal-2018 is-Sur Fenech sar jaf li wieħed mit-tliet akkużati Vince Muscat kien qed jitkellem mal-pulizija. Kif kien jafu dan?”

    Theuma: “Mhux għax kellu min iwassallu? Qatt ma qalli min.”

    12.50: Wara l-arrest tat-tliet persuni f'Diċembru tal-2017, Thuema qal li kien għamel testment għax beża’ li issa hu kien imiss.

    12.45: Mistoqsi dwar min kien jinforma lil Fenech, Thuema qal: “Ma nafx. Jien għalija naħseb li l-informazzjoni mingħand Keith Schembri kien iġibha. Però xorta ma nistax ngħidha bil-ġurament din.”

    12.35: Thuema qali li wara l-bomba kien mar jiltaqa’ ma’ Yorgen Fenech f’Portomaso. Qal li fil-laqgħa kien hemm persuna oħra barranija.

    Dr Azzopardi qallu: “taf li dan huwa mill-Ażerbajġan?

    “Naf li midħla ta’ Dubaj,” wieġbu Theuma.

    Dr Azzopardi wrieh kopja tal-passaport ta’ Turab Musayev Direttur tal-ElectroGas, u Theuma kkonferma li dak kien hu “mija fl-mija.” Qal li lil Turab kien wasslu diversi drabi. Qal li ma jafx bir-relazzjoni li dan kellu ma’ Yorgen.

    12.28: Thuema jgħid li Yorgen kien iċempillu waħda wara l-oħra.

    Dr Azzopardi staqsa lil Thuema: “Yorgen kif kien jaf li Alfred Degiorgio kellu x’jaqsam ma’ tal-bone?” Theuma wieġbu: “Hawn għandek żball. Lili Yorgen qalli biex immur ngħid lil Alfred biex ma jiġrilux bħala tal-Bone. Lili qalli kellmu lil Alfred li ma tiġrix bħal tal-Bone.”

    12.20: Mistoqsi dwar ir-razzett ta’ Yorgen Fenech f’Ħaż-Żebbuġ u kemm-il darba ra lil Keith Schembri f’dak ir-razzett thuema qal li “Darba ltqajt miegħu. Introduċieni miegħu Yorgen Fenech.”

    Jason Azzopardi jistaqsi lil Thuema: “Jien mhux nemmen li Keith Schembri ltaqa’ miegħek, dawrek ma’ Kastilja u tak kafe u ħadek għand is-Sur Craus.” Theuma: “Iva hekk hu bil-ġurament. Jien għandi għalxiex naħlef. Għandi l-proklama fin-nofs.”

    Dr Azzopardi: “Meta dħalt l-uffiċċju tas-Sur Schembri min kien hemm?” Thuema jwieġbu: “Jien u Keith żgur. Sandro Craus ħadilna ritratt.”

    Jgħid li Sandro Craus kien bagħtu l-għada fil-Ministeru għall-Familja u qal li kienet sarlu interview li dam ħames minuti.

    Thuema jgħid li kien kellem lil Tony Muscat. “Huma kienu jafu li ma nistax inmur għax-xogħol. Il-paga ma kinitx €1,200! Il-paga kienet bejn €850 u €890.”

    12.12: Fil-kontro-eżami tal-parte civile, Dr Jason Azzopardi, staqsa lil Thuema kemm ilu jaf lil Yorgen Fenech. Thuema qal li l-ewwel li kien jaf kien liz-ziju tiegħu Ray, imbagħad lil Yorgen beda jilgħablu fuq iż-żwiemel. Dr Azzopardi staqsa lil Thuema dwar meta kien ċempillu Yorgen qabel l-elezzjoni.

    Theuma qal li Fenech kien qallu biex jara kif se jagħmel biex imur ikellem lil George Degiorgio. “Qalli ara kif se tagħmel għax trid tmur tkellmu biex joqtol lil Daphne CAruana Galizia.”

    Thuema b'referenza għal Fenech jgħid li “Dak mhux ħabib tiegħi imma l-agħar bniedem ġod-dinja.”

    Iżid jgħid li “Jiena sa dawk iż-żminijiet is-Sinjura Daphne Cararuan Galizia qas kont nafha. Taf x’naf darba kont xogħol bit-taxi. Sabet ir-roti imnizzlin gol parking ta’ Portomaso. Wassaltha jien. Riedet tħallasni u ma żammejtihleix flus.”

    11.40: Instemgħu wkoll it-telefonati li kienu jsiru bejn Melvin Theuma, George Degiorgio u ħuh Mario dwar il-bail u "l-avukat" fost oħrajn.

    11.25: F’aktar rekordings Melvin jinstema’ jgħid lil Alfred Degiorgio li se jkun qed iġibilhom aktar ġbejniet u sriedak. F’telefonata oħra li saret f’Ottubru 2018, Alfred jinstema’ jgħid lil Melvin “mhux l-Avukat ifhimni.” Melvin qal li dan kien ifisser li “biex naħsbu fil-flus.”

    11.15: Bdew jinstemgħu r-rekordings li kienu jsiru mill-ħabs.

    Waħda mit-telefonati tmur lura għat-22 ta' Marzu 2018. Melvin jinstema’ jgħid lil Alfred li se jirranġa ma’ Mario għall-flus. “Jien ħa nirranġa ma’ dak. Ħadt pjaċir li smajt leħnek.”

    F’rekording ieħor, li jmur lura għad-29 ta' Marzu, jinstemgħu l-vuċijiet ta’ Mario Degiorgio, George Degiorgio u Melvin Theuma. Melvin qal li t-telefonata kienet saret meta huwa kien għand Mario u jinstema’ jgħid lil George li “se mmur nagħmel dak (il-permess tal-ħabs).”

    11.06: Qal li Yorgen kien tah ukoll struzzjonijiet biex imur jgħid lill-aħwa George u Alfred Degiorgio li l-Koħħu kien qed jikxef. Huwa qal li din tal-Koħħu qatt ma seta’ jniżżilha. Mistoqsi jekk qattx mar il-ħabs, Melvin wieġeb: “Qatt ma mort. Darba kellii nmur biex nagħmel permess. Ma mortx għax bżajt.”

    11.00: Fil-kors tal-investigazzjoni, Melvin qal li kien ħa lill-Pulizija fejn kien joqgħod Alfred Degiorgio jittawwal il-Bidnija. Dan kien xi ġimagħtejn ilu u kien hu stess li wriehom il-post. Qal li “dan l-aħħar Yorgen beda jibgħatli messaġġi biex il-kelma li kont għedt “tradiment” iġibha li tradiment kien għax ma daħħallux it-tieni taxi f'Portomaso.

    Qalli “issa din inwaqqgħuha. Ċempilli normali. Issemmi tradiment u tgħid li t-tradiment semmejtu għax ma daħħaltlux it-tieni taxi Portomaso.”

    Huwa konferma li qal il-kelma tradiment kien qalha għax min ittijpjah kienu wasslulu li Melvin qal hekk. Mistoqsi dwar il-verità meta lissen il-kelma “tradiment”, Melvin qal “jien bdejt inħoss li żewġ ċansijiet fadalli, jew Yorgen jitfagħni ġewwa jew joqtolni. Kien il-ħin kollu jsemmi lil sieħbu Keith Schembri. Għedt bħalma qatel lil Daphne, seta’ joqtol lili. Hekk beda jaħseb moħħi. Meta tlabtu l-flus Yorgen dejjem tahomli u għamel dan għax kien jaqbillu hekk.” “Qiegħed hawn bil-ġurament. Mingħand ħaddieħor qatt ma daħħalt one cent. Jiena ġieli batejt il-flus minn ġol-but u qatt ma għedt lil Yorgen.”

    10.56: Thuema qal li darba minnhom Yorgen kien qallu li l-mowbajls tagħhom kienu qed jiġu ttappjati.

    10.50: Thuema qal li f’Marzu tal-2018 kien imur għand Mario Degiorgio u ġieli kien kellem lil Alfred u George Degiorgio fuq il-mobile. Qal li kull ġimgħa kien jgħaddilhom il-flus. L-ewwel kien jgħaddi l-flus lil Lolly imbagħad x’ħin sar jaf lil Mario Degiorgio, beda jgħaddi l-flus lilu dirett. Qal li darba kien imsiefer u kien ċempillu Mario u qallu li kellu bżonn €15,000 għall-pleġġ ta’ Anca (is-sieħba ta’ George Degiorgio).

    “Kont avżajt biex il-flus jingħataw lil David Baldwin. Sadanittant kont bgħatt messaġġ lil David bin-numru ta’ Mario Degiorgio biex jagħtihom lilu.” Qal li Mario kien tah ukoll il-karti tal-Avukat biex jgħidlu fejn kienu qed imorru l-flus. Tenna li dawn il-karti fuqhom kellhom isem l-Avukati.

    Qal li fuq waħda mill-irċevuti kien hemm €50,000. F’irċevuta oħra kien hemm €4,000 u f’oħra €25,000. Dawn il-karti Melvin qal li kien żammhom moħbijin f’Wied il-Għajn. “Żammejthom biex jekk xi darba Yorgen jgħidli fejn qed imorru l-flus ngħidlu hawn qed imorru. Mario mabagħad ma tanix aktar irċevuti u lanqas tlabthomlu. Dawk l-irċevuti kien ġabhomli minn jeddu.” 

    10.42: Issa se jkompli jixhed Melvin Theuma.

    10.40: Warajh xehed uffiċjal tal-Pulizija stazzjonat is-CID. Huwa qal li fil-21 ta’ Novembru li għadda kellu struzzjonijiet mill-Ispettur Keith Arnaud biex flimkien ma’ PC 179 u Melvin Theuma imorru l-Bidnija. Qal li Melvin kien urihom ir-rotta minn fejn kien għadda u ltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio l-Fulu fl-inħawi tat-Tarġa Battery, il-post fejn kien ikun għas-Sinjura Caruana Galizia.

    10.35: Xehed rappreżentant tal-ħabs, li qal li l-Pulizija kienet talbet lill-Aġenzija Korrettiva biex tippreżenta telefonati differenti li kienu saru minn Alfred u George Degiorgio, Huwa ppreżenta CD bit-telefonati u dokument ieħor b’lista tat-telefonati li saru u l-ħinijiet.

    10.28: Joseph Brincat, magħruf bħala s-Sukku, bid-daħka fuq wiċċu għaraf lit-tliet akkużati fl-awla u qal li kienu l-iskola flimkien. Qal li għandu ħanut “Il-White Stars” u jmexxih hu. Qal li kien jaf ukoll lil Lolly u lil Melvin Theuma mill-ħanut.

    Qal li l-Lolly kien qallu li hemm xi flus biex jgħaddihom. “Jien kont ngħaddihom lil Mario Degiorgio, li jiġi ħu Alfred u George.” Qal li dan kien fl-2018 u l-ammonti ġieli jkunu €300 u daqqa €200. Qal li “Għaddew minn taħt idi xi sitt darbiet. Kienu jinħarġu l-irċevuti u fuqhom kien hemm miktub Corradino.”

    10.18: Pace qal li kien irċieva xi rċevuti migħand is-Sukku u dawn għaddiehom lil Melvin. Fuq l-irċevuti kien hemm miktub l-ismijiet ta' George, Alfred u Vincent. Ix-xhud qal ukoll li ma jafx min fejn kienu jinħarġu dawn l-irċevuti.

    10.15: Xehed ukoll Lawrence Pace magħruf bħala l-Lolly. Huwa qal li jaf lill-akkużati mill-Marsa. Qal li dwar dan il-każ ma jaf b’xejn. Sema’ mill-aħbarijiet li l-akkużati kienu tressqu l-Qorti. Lil Melvin Theuma kien jafu għax kien ikun fil-ħanut tal-gass. “Konna nitkellemu fuq il-futbol u tiġrijiet taż-żwiemel. Melvin Theuma kien tani €300 għal ftit taż-żmien, forsi ħames darbiet. Dan kien fil-bidu tal-2018. Melvin kien jgħidli mur ħudhom il-ħanut u tihom lis-Sukku. Kien jagħtihomli biex inħallihom mas-Sukku biex dan jgħaddihom lill-qraba ta’ George u Alfred Degiorgio.”

    10.07: David Baldwin, beda jagħti x-xhieda tiegħu. Huwa qal li jaf lil Melvin Theuma billi jafu l-Marsa u jaħdem miegħu bħala 'maintenance'. Qal li darba Melvin kien imsiefer u kien ċempillu u qallu li kellhom jgħaddulu €15,000 flimkien ma’ numru ta’ mobile. Qal li wara ltaqa’ ma’ mara li tagħtu l-flus u mbagħad mar jiltaqa’ ma’ persuna, li qal li ma jiftakarx min hu, u għaddielu l-flus.

    AKTAR KMIENI: Dalgħodu, quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, mistenni li tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vincent Muscat li qed jiġu akkużati li kienu l-eżekuturi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Mistenni jkompli jixhed ukoll Melvin Theuma, l-allegat middleman fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

    It-tliet irġiel iddaħħlu fl-awla taħt sigurtà stretta bl-ewwel li jidħlu jkunu Alfred u George Degiorgio segwiti minn Vincent Muscat.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook