Sant jgħid li se tkun sfida diffiċli… iżda jemmen li tista’ tingħeleb

  • Diċ 08, 2019 14:23
  • Miktub minn Melvin Farrugia

    Wara dak kollu li ġara f’pajjiżna matul l-aħħar ġimgħatejn, b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qed jingħad li pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni delikata u qiegħda tingħata l-impressjoni li anke qbadna t-triq tan-niżla. 

    Dwar dan tkellimna mal-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant biex jagħtina l-ħsibijiet tiegħu u jispjega jekk dan hux minnu. Staqsejnieh ukoll kif jista’ jkun jiġri dan kollu, meta sa ftit taż-żmien ilu konna fost l-aqwa fl-Ewropa u issa, minħabba dan il-każ, qisna qegħdin f’xifer l-irdum. 

    Alfred Sant qal li hu minnu li pajjiżna jinsab f’qagħda delikata. Sostna li l-ekonomija tinsab għaddejja b’rankatura qawwija li tisboq dik ta’ ħafna pajjiżi oħra, filwaqt li l-qgħad hu baxx ħafna. Qal li twettqu u qed jitħaddmu riformi soċjali li poġġewna fuq quddiem nett fil-qafas Ewropew. Saħaq li l-Gvern Laburista għandu maġġoranza kbira ħafna fil-Parlament, miksuba f’elezzjoni li kulħadd jirrikonoxxi bħala demokratika, u allura għandu bażi stabbli ħafna li biha jista’ jmexxi.

    Madankollu, spjega kif fl-aħħar snin ir-reputazzjoni tagħna bħala pajjiż li jitmexxa b’mod trasparenti u skont il-liġijiet, dik li msejħa s-saltna tad-dritt, majnat. Sostna li din kienet diġà qalgħet daqqiet fl-aħħar snin, bħal meta l-Kummissarju Ewropew Malti John Dalli kellu jirriżenja. Qal li kien beda jintqal dejjem aktar fil-midja barranija li f’Malta ssaltan korruzzjoni akuta. Sostna li sa din il-ġimgħa stess il-magażin Ġermaniż Der Spiegel kiteb li minħabba l-“każ wieħed” ta’ Daphne Caruana Galizia, saret ħaġa ċara kemm dan il-pajjiż (Malta) hu korrott.

    Sant qal li m’hemmx għalxiex ngħidu, din mhijiex fama tajba! Spjega li l-każ “wieħed” li semmejna jinvolvi qtil, xiljiet ta’ korruzzjoni u akkużi li min kien responsabbli jifforma parti minn xibka ta’ ħidma kriminali li tinfirex sal-kabinett tal-Prim Ministru Malti. Sostna li hu ma jafx jekk dan hux xifer l-irdum jew le, imma hi sitwazzjoni li bilfors iddejjaq bil-kbir lil kull ċittadin ġenwin u jeħtieġ tiġi ċċarata malajr kemm jista’ jkun b’mod konvinċenti. Saħaq li jekk dan ma jsirx, ir-reputazzjoni ħażina li ksibna għad tispiċċa tkun ta’ dannu kbir anke għall-ekonomija tagħna, biex ma nsemmux il-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu.

    Staqsejna wkoll lil Sant dwar jekk hemmx min għandu l-interess li aħna bħala pajjiż immorru ħażin, peress li qegħdin nieħdu l-opportunitajiet lil pajjiżi oħra li huma ħafna akbar minna. 

    Alfred Sant qal li frankament, din ma jarahiex, anke jekk hemm numru ta’ pajjiżi li ma jaqblux ma’ kif qegħdin immexxu l-ekonomija tagħna. Semma kif dawn ma jaqblux per eżempju ma’ kif skont huma, niċċarġjaw taxxi baxxi wisq fuq il-profitti tal-kumpaniji biex ninkoraġġixxu lil imprendituri jiġu jwaqqfu kumpaniji f’Malta, ħalli jevitaw li jħallsu t-taxxi dovuti minnhom f’pajjiżhom. 

    Semma wkoll li dawn il-pajjiżi ma jaqblux mas-sistema li biha sinjuruni li jħallsu mijiet ta’ eluf ta’ ewro, tingħatalhom iċ-ċittadinanza Maltija. Qal li matul is-snin, kellna kritika qawwija fuq hekk, kritika li għadha titqanqal sal-lum. Qal li hemm ħafna xi tgħid favur u kontra f’din il-kwistjoni, iżda ma xtaqx jidħol fiha.

    Qal li onestament, il-kriżi preżenti ma nqalgħetx minħabba dawn il-problemi, għalkemm se jintrabtu magħha. Sostna li nkunu boloh jekk biex nipprovaw infarfru l-problema min-nofs u naraw kif inwaddbu t-tort fuq ħaddieħor. Saħaq li la se nikkonvinċu lil dawk ġenwini fostna li jappoġġjaw lill-Gvern Laburista imma ma jridux taħwid, u lanqas lill-osservaturi barranin li jaraw xinhu għaddej fostna u jitkażaw.  

    Għaldaqstant, staqsejna lil Sant dwar x’jaħseb li għandu jsir biex aħna bħala pajjiż noħorġu minn dan iż-żmien delikat. Min-naħa tiegħu, hu qal li rridu nirrikonoxxu li hemm problemi kbar li tħallew jiffermentaw u li jridu jinħallu b’mod radikali. Qal li għall-korruzzjoni jew l-abbuż tal-poter jew ix-xamma tagħhom, it-tolleranza trid tkun żero, tibqa’ żero u tidher li hi żero, hu min hu, hi min hi li qed i/twettaqha. Qal ukoll li min hu mċappas b’xiljiet ta’ dan it-tip, irid iħalli kull kariga pubblika li jista’ għandu, u saħansitra jħalli l-politika. 

    Sant qal li t-tmexxija trid issir b’mod trasparenti. Qal li deċiżjonijiet li ttieħdu, bħal per eżempju dik dwar l-isptarijiet tal-ftehim Vitalis, ma jistgħux jibqgħu mċajpra, ħalli kull min irid jaqla’ dwarhom, fit-tajjeb u fil-ħażin, jista’ jagħmel hekk bl-akbar kumdità, għax baqgħu moħbija.

    Fuq kollox, Sant qal li trid tinqata’ għal kollox il-kultura tal-ħbieb tal-ħbieb - jiġifieri l-idea li ċerti klikek ta’ nies li jafu lil xulxin, iqassmu u jaqsmu bejniethom iċ-ċejċa tal-Gvern, u agħar, li jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu, anke bi ksur tal-liġi, għax huma min huma.

    Sostna li istituzzjonijiet bħall-Pulizija, korpi li jmexxu s-sigurtà finanzjarja u s-settur pubbliku barra miċ-ċivil iridu jitħallew jimxu – bħalma qal li jidhru li qed jimxu – b’awtonomija sħiħa ħalli jwettqu r-regoli u l-liġijiet li qegħdin hemm biex imexxu. Sant qal li barra minn pajjiżna m’aħniex qegħdin nitwemmnu meta ngħidu li din il-ħaġa qiegħda tiġri.

    Mistoqsi dwar jekk fiċ-ċirkostanzi li nqalgħu, jaħsibx li bħala pajjiż nistgħu noħorġu minn din is-sitwazzjoni, Alfred Sant qal li kif jaraha hu se tkun sfida tassew diffiċli. Qal li din se toħloq diffikultajiet enormi għal min se jkun/tkun mexxej tal-Partit Laburista fiż-żmien li ġej.

    Sostna li hemm numru ta’ nies li mhux se jieħdu gost jekk il-Prim Ministru li jmiss japplika s-sikkina fuq ċerti prattiċi u ftehimiet “komdi” li ndraw.

    Qal ukoll li se jkun hemm ħafna li mhumiex se jifhmu għaliex dak li hu mgħawweġ (għalihom jidher dritt!) għandu jiġi ddrittat. Fost dawn qal li se jkun hemm Laburisti u “Laburisti”, Nazzjonalisti u “Nazzjonalisti” li marru tajjeb fl-aħħar snin. Qal li dawn se jiddarrsu.

    Sant qal li waqt li tkun qiegħda ssir il-kinsa li trid issir, trid ukoll tingħata attenzjoni biex ir-rankatura ekonomika li nstabet mill-2013 lil hawn tinżamm, kif ukoll jibqa’ għaddej il-progress soċjali li nkiseb. Tenna li din mhix se tkun ħidma faċli.

    Staqsejna ukoll jekk hux minnu li sitwazzjoni bħal din tista’ tikkawża t-telf tal-kunfidenza f’pajjiżna, meta d-direzzjoni ekonomika u l-mudell ekonomiku tagħna huma tant tajbin.

    Alfred Sant qal li ma hemmx dubju li l-mudell ekonomiku u soċjali tagħna rnexxa. Madankollu qal li jekk tgħid li hu “tajjeb” allura toħloq argument ieħor. Hu qal li f’li ġej, irridu noqogħdu attenti biex ma jitħassarx dak li nkiseb fuq il-fronti ekonomiċi u soċjali, filwaqt li sostna li dawn il-kisbiet kienu kbar.

    Madankollu, Sant qal li aktarx li t-telf ta’ kunfidenza f’pajjiżna diġà beda dieħel. Spjega li l-ekonomija tagħna hi dejjem aktar imsejsa fuq is-servizzi, ħtija tal-fatt li ninsabu membri tal-Unjoni Ewropea. Qal li s-servizzi, speċjalment dawk finanzjarji, jiċċaqilqu minn pajjiż għal pajjiż b’ħeffa ħafna akbar milli jistgħu jagħmlu l-industriji tal-manifattura, ngħidu aħna. Għalhekk qal li jekk nitilfu l-kunfidenza tal-barrani, dan jista’ jwassal għal tnaqqis fir-ritmu ta’ tkabbir ekonomiku li mbagħad iġib miegħu dwejjaq politiku u soċjali. 

    Sant qal li filwaqt li l-mudell ekonomiku tagħna ma jistax idur f’tebqa ta’ għajn, min-naħa l-oħra, aktar ma nibqgħu imċappsa bl-għajta tal-korruzzjoni aktar se nitilfu mill-kunfidenza. Sostna li essenzjalment hi kwistjoni ta’ fiduċja.

    Għalhekk, Sant qal li din se tkun sfida enormi għall-mexxej/mexxejja li jmiss tal-Partit Laburista. Qal li hu żgur ukoll li l-PN se jattakka bla ħniena l-konsegwenzi tal-bidliet li jridu jitwettqu biex il-fiduċja tinkiseb lura. Saħaq li wieħed jista’ jinsiha li l-PN se jappoġġja kulma jsir biex jiġu eliminati l-korruzzjoni, l-bażużlar u l-inġustizzji.

    Fl-aħħar nett, Alfred Sant qal li jekk tistaqsi lilu dwar jekk din il-bidla tistax issir, bid-diffikultajiet kollha li tirrekjedi, jgħidlek li iva. Qal li din se tqanqal l-istess reżistenza, forsi aktar, li kellu jiffaċċja l-Partit Laburista bejn l-1996 u l-1998, minn barra u minn ġewwa. Però, qal li din tista’ tingħeleb.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook