''Vittmi ta’ vjolenza domestika għandhom bżonn sistema li tgħinhom''

  • Diċ 07, 2019 18:25
  • Miktub minn Maria Azzopardi

    Għal darb’oħra Malta ingħaqdet man-Nazzjonijiet Uniti fi sforz internazzjonali biex tiġi eliminata l-pjaga soċjali tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika filwaqt li ħejjiet 16-il jum ta’ attiviżmu fuq dan ir-rigward.

    Fl-isfond ta’ dan, grazzi għall-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), dan il-ġurnal ingħata l-opportunità biex jiltaqa’ mal-awtriċi magħrufa Jean Sasson, li kitbet diversi kotba fejn kienet tassew il-vuċi għan-nisa tal-Lvant Nofsani. Hija tkellmet ma’ Inewsmalta.com dwar realtajiet tant xokkanti li uħud minnhom jistgħu jkunu diffiċli biex jitwemmnu li persuna verament tista’ tasal biex twettaqhom. 

    Sasson faħħret ix-xogħol siewi li qiegħed isir f’Malta fir-rigward tal-każijiet relatati ma’ vjolenza domestika. “Naf li Malta huwa pajjiż żgħir imma dan jista’ jintuża bħala vantaġġ. Jiena nemmen li bħala nazzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn xulxin u nistgħu tassew insibu teżor sorprendenti fil-pajjiż ta’ Malta. Għandna bżonn li nitgħallmu minn Malta. Dan ix-xogħol kollu li qiegħed isir hawnhekk jurina kif għandna nagħmlu f’partijiet oħra tad-dinja.”

    Hija żiedet tgħid li tinsab tassew kuntenta li kellha l-opportunità biex iżżur lil Malta u baqgħet tassew impressjonata  bil-mod kif l-organizzazzjoni li taħdem qrib in-nisa u l-vittmi tagħmel il-ħidma tagħha. “Naħseb li hija waħda mill-aħjar sistemi li ltqajt magħhom.”

    Sistema robusta bħal din hija importanti speċjalment fl-isfond tal-istatistika li turi li lokalment fl-ewwel disa’ xhur tas-sena ġew irrappurtati aktar minn 1000 każ ta’ vjolenza domestika. 

    Ħafna mill-vittmi huma nisa li jispiċċaw iħossuhom imwarrba, diżgustati magħhom infushom u mbeżża’ li jekk jiftħu ħalqhom jista’ jkun hemm konsegwenzi koroh ħafna.

    “Ma naħsibx li huwa biżżejjed li jitpoġġew il-ħabs”

    Mistoqsija jekk taħsibx li s-sentenzi tal-qorti qegħdin jagħmlu ġustizzja, Sasson qalet li xi drabi iva, imma sfortunatament mhux dejjem ikun hemm rebħa. Hija rrakkuntat diversi każijiet fosthom fejn raġel wasal biex qatel lil martu u ż-żewġt itfal tiegħu għax kienet tqila bit-tielet wild tagħhom. It-tfal imbikkma kienu jsaqsu lil missierhom, “Pa, int se tagħmel miegħi dak li għamilt mal-mummy? … Le, papà.”

    “Tista’ timmaġina x’tip ta’ mostru trid tkun biex tasal li toqtol lil martek li hija tqila bit-tarbija u ż-żewġ trabi żgħar li qegħdin jitkarrbu għal ħajjithom. Ma naħsibx li huwa biżżejjed li jitpoġġew il-ħabs,” qalet emozzjonata Sasson.

    Hija żiedet tgħid li, “Naf li ħafna nies ma jemmnux fil-piena kapitali, u lanqas jiena ġeneralment ma nħobbix, imma huwa mingħajr dubju li xi ħadd li jkun għamel ħsara lil xi tifel jew tifla, jew jagħmel azzjoni bħalma għamel dan ir-raġel, dik hija persuna perikoluża. X’jiġri jekk jaħrab u jmur jagħmel ħsara lil xi ħadd ieħor?”

    Bniet ta’ 12-il sena sfurzati jiżżewġu rġiel ta’ 40 sena

    Sasson kellha l-opportunità taħdem ġewwa sptar rjali fl-Arabja Sawdija u tispjega li din kienet esperjenza pjuttost intriganti. Hija tirrakkonta kif dak iż-żmien kien l-1978 u fil-fatt kull fejn tħares wieħed seta’ jara lin-nisa liebsa minn rashom sa saqajhom u ħafna minnhom kienu jsegwu raġel. “Ma kellix bżonn nilbes il-velu imma ppruvajt xi drabi biex nara kif in-nisa jħossuhom. F’dik ix-xemx sħuna, mgħottija bl-iswed… anke hekk biss hija xi ħaġa krudili. In-nisa jiġu mġiegħla jitilqu kmieni mill-iskola, jiżżewġu ma’ xi ħadd li ma jafux u saħansitra jkunu r-raba’ mara ta’ xi raġel.”

    Sasson qalet, “Minn hemmhekk bdejt nisma’ ħafna stejjer. Kien hemm mara li welldet tarbija u żewġha ddeċieda jiddivorzja minn magħha. Ma kienx hemm aġenziji hemmhekk biex jgħinu lil dawn in-nisa u l-familja tant kienet imbarazzata li kienet iddivorzjat li ma kinux iħalluha tidħol id-dar. Il-mara spiċċat biex tilfet it-tarbija tagħha għax ir-raġel ħadha minkejja li ma kienx verament jixtieqha. Imma dan kien mezz biex iweġġgħa lill-mara.”

    L-awtriċi ltaqgħet ukoll ma’ każijiet ta’ bniet li ġew sfurzati jiżżewġu lil xi ħadd li kellu madwar 40 sena filwaqt li huma kellhom biss 12-il sena. Hija qalet li dawn mhux l-ewwel darba li kien ikollhom ġrieħi anke serji wara l-ewwel lejl taż-żwieġ għax l-irġiel kienu jkunu aggressivi u ma jimpurtahomx minnhom.

    “Irġiel b’saħħithom huma dawk li huma ġentili, ġenerużi u li jħobbu”

    B’rabja, Sasson spjegat ukoll li ġieli kien hemm każijiet fejn rat nisa li kien ikollhom operazzjoni maġġuri li kważi jkunu se jmutu u r-raġel kien jidħol irrabjat ħafna u jiddikjara li l-mara qiegħda tikkawża ħafna problemi għalih. Kien hemm saħansitra drabi fejn ir-raġel kien imur iżur lill-mara u jordnalha torqod mal-art filwaqt li hu kien joqgħod fuq is-sodda tal-isptar.

    Hija qalet li,“L-irġiel li għandhom il-kontroll fuq in-nisa jkunu jixtiequ jibqgħu jżommuh. Għandhom mnejn iħossuhom li huma rġiel b’saħħithom imma fir-realtà ma jkunu xejn. Irġiel b’saħħithom huma dawk li huma ġentili, ġenerużi u li jħobbu lil marthom u lil uliedhom…  u dawn it-tip ta’ nies iltqajt ħafna magħhom f’Malta.”

    Il-vittmi għandhom bżonn sistema li tassew taħdem

    Mistoqsija x’għandhom tassew bżonn il-vittmi, Sasson saħqet dwar l-importanza li jkun hemm sistema li taħdem u toffri sapport. Hija qalet li huwa importanti wkoll li l-familji ma jitilquhomx weħidhom. Sfortunatament hemm ħafna vittmi li l-ġenituri jew familjari ma jieħdux azzjoni u allura l-vittmi jispiċċaw totalment weħidhom. Sasson qalet li meta jiġri hekk, huwa d-dover ta’ kull wieħed u waħda minnha li jixtieq jagħmel id-differenza biex jgħin lil dawn il-vittmi.

    L-awtriċi qalet, “Iva, ġieli kien hemm każijiet fejn kont qiegħda ngħin lin-nisa u wara ċertu żmien bdew jirrabjaw miegħi u ddeċiedew jerġgħu jirritornaw lura mar-raġel tagħhom. Se jkun hemm il-fallimenti imma dawk m’għandhomx iwaqfuna milli nibqgħu niġġieldu biex ngħinu u nagħmlu d-differenza sakemm kull mara fuq din id-dinja tkun tista’ tgħix ħajja mimlija b’dinjità li jixirqilha.”

    “Irċevejt diversi telefonati jhedduni li se joqtluni”

    Sasson qalet ukoll li ma kinitx l-ewwel darba li ġiet mhedda. “Jiena lesta nmut… m’għandix tfal u jekk għandi mmut allura aħjar immut għal xi ħaġa li tassew nemmen fiha u li hija tajba. Meta n-nies jaraw din it-tip ta’ determinazzjoni, anke l-irġiel stess jibżgħu u joqgħodu lura. Kelli diversi telefonati li fihom irċevejt numru ta’ theddid li se joqtluni. Imma dak li jrid il-bully - iridek tħoss il-biża’.”

    Waħda mill-ħafna frażijiet sbieħ li użat Sasson fil-kitba tagħha hija: “Oqgħod attent minn dawk li jidhru qishom ward, għax anke l-ward għandhom ix-xewk.” “Din hija frażi sinifikanti u reali ħafna,” spjegat Sasson,“Meta tkun f’relazzjoni abbużiva, il-vittma tista’ tibqa’ tinnega li qegħdin jiġru l-affarijiet u mingħalija li kollox ikun sejjer tajjeb. Imma din il-frażi turina li naħsbu li kollox huwa perfett imma minn taħt hemm affarijiet ħżiena li huma għaddejjin. Għandi ħbieb li juru wiċċ ferħan imma hekk kif jgħaddi ż-żmien issir taf li qegħdin jiġu msawwta. Dawn huma nisa b’saħħithom u b’impjieg tajjeb imma l-vjolenza ma tagħżilx lil min tagħmel ħsara. Tista’ tolqot lil kulħadd u għalhekk hija xi ħaġa perikoluża.”

    Bniet irkantati għas-sess u nisa marbuta b’katina mas-sodod

    Sasson qalet li kien hemm xi diżappunti matul il-vjaġġ tagħha u saħqet li wieħed mill-aktar fallimenti tagħha kien li ma setgħet issalva lil ħadd waqt id-diversi vjaġġi ġewwa t-Tajlandja. “Meta tmur fit-Tajlandja tara li ħafna mill-persuni li huma inkarigati mill-burdelli huma nisa. Huwa pajjiż li naħseb li n-nisa dejjem se jinbiegħu għal ġisimhom u l-gvern verament ma jagħmel xejn biex iwaqqaf dan.”

    Sasson irrakkontat kif darba marret f’post fejn kien qiegħed iseħħ irkant tal-bniet verġni. Dawn il-bniet kienu bilwieqfa fuq palk u l-irġiel kienu jixtruhom għal lejl jew għal ġimgħa. “Ħafna rġiel f’dik l-udjenza kienu Ġermaniżi u Amerikani. Kienu qaluli, “dan mhux affarik,” u jien fil-pront ettilhom li, “huwa tassew affari tiegħi meta tarbija tiġi rkantata għas-sess lil raġel xiħ bħalek.”

    Sasson żiedet tgħid li rat postijiet fejn in-nisa kienu marbuta b’katina mas-sodod u l-irġiel kienu jmorru, iħallsu u jkollhom x’jaqsmu ma’ dawn in-nisa sbieħ.  It-tfajliet kienu jaħdmu ġewwa fabrika matul il-jum u bil-lejl kienu jiġu marbuta mas-sodda tagħhom. L-awtriċi b’emozzjoni qalet, “meta tħares lejhom kont tinduna kemm kienu tassew bla tama u l-ħajja tagħhom kienet orribbli. Il-ġurnata ta’ wara kont sejra nidħol flimkien ma’ grupp ta’ nies u kont naf lill-Kap tal-Pulizija li kien qalli li se jmur miegħi. Matul il-lejl, kien hemm klijent traskurat li waddab sigarett u l-post kollu ħa n-nar. Sfortunatament in-nisa mietu maħruqa u dak kien mument tassew devastanti.” 

    “Biex tagħmlu d-differenza, użaw is-saħħa tal-pożittività”

    Wieħed ma jistax jinnega l-fatt li madwar id-dinja żdied ħafna l-għarfien fuq il-vjolenza domestika u drittijiet tan-nisa, iżda ġieli jkun hemm min iħoss li waħdu ma jista’ jagħmel xejn biex jikkontribwixxi għal din il-bidla pożittiva. Mistoqsija dwar kif wieħed jista’ jgħin, Sasson saħqet fuq l-importanza tal-azzjoni pożittiva. “Se jkun hemm fallimenti matul dan il-vjaġġ imma jekk tgħin lil mara waħda u t-tfal tagħha, allura hemmhekk tkun tassew għamilt differenza sabiħa. Ħafna jgħidu li mhux affari tiegħek u li l-gvern għandu jieħu ħsieb dawn il-każijiet, imma le, meta tara jew tisma’ xi ħaġa li tħassbek ħażin, ħu azzjoni u ċempel anke social workers biex ikunu jistgħu jissorveljaw is-sitwazzjoni. Trid tgħid lilek innifsek, ‘Jien se jkolli l-poter biex nagħmel bidla pożittiva u ma nieqafx qabel ma nasal għal dan il-għan’.” Sasson ittemm tgħid li jkollha madwar 10 persuni fil-ġimgħa li jitolbuha biex tikteb l-istorja tagħhom u tisħaq li kollha jkunu stejjer li m’għandhomx jibqgħu mistura. “Sa issa ktibt 14-il storja. L-għan tiegħi huwa li nikteb 20 ktieb dwar nisa li għandhom storja importanti biex tiġi esposta għad-dinja.”

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0