It-13 ta' Diċembru

  • Diċ 07, 2019 15:00
  • Miktub minn iNews

    It-13 ta’ Diċembru

    It-13 ta’ Diċembru għandu sinifikat importanti għal nies li għandhom l-eta’ tiegħi.  Dan għaliex għexna fiż-żminijiet li l-Maltin ħadmu biex ikomplu jsaħħu l-indipendenza – biex l-indipendenza li ġiet fl-1964 tkun verament indipendenza.  Kienu għaxar snin ta’ taqlib u ħidma biex dak li ksibna insarfuh f’realta’, fejn il-poplu tagħna verament jiddeċiedi hu kif jixtieq jgħix u anki jfassal il-futur tiegħu.  

    Bħala att kien wieħed simboliku għaliex kull ma għamilna kien li neħħejna r-Reġina Brittanika bħala s-simbolu tal-istat Malti u poġġejna President Malti.  Biss l-effett reali kien wieħed importanti. Kien pass li bih bħala pajjiż ħadna l-liberta’ li niddeċiedu aħna, mingħajr ma jindaħlilna ħadd, dak li jiġri Malta.

    Hu għalhekk li l-tliet festi nazzjonali li niċċelebraw f’Malta, lili, illum, iqabbduni dwejjaq.  Ir-raġuni hi li minn meta dħalna fl-Unjoni Ewropea tlifna ħafna mill-kisbiet li konna ksibna f’dawn it-tliet okkażjonijiet.  In-nies ftit jirrealizzawha dan għaliex illum il-partiti l-kbar huma favur l-Ewropa u ma nisimgħu l-ebda kritika minkejja li ħafna mill-liġijet li ndaħħlu, anki dawk li ma jogħġbuniex, xorta jidħlu f’Malta anki jekk aħna nopponuhom.  

    Biss għalija l-aktar ħaġa li ddejjaqni hu l-insulti li qed nirċievu mingħand ħafna Ewropej, speċjalment Membri tal-Parlament Ewropew, li , bl-arroganza kollha, jħossu li għandhom dritt jiġu Malta, jinvestigawna, u wara jinsulentawna u jkasbru ġieh Malta.  Dawn l-affarijiet lanqas meta konna kolonja ma ġraw. Hu għalhekk li dawn il-festi għalija qieshom il-Ġimgħa l-Kbira għax iffakkruni f’dak li b’ħafna ħidma ksibna u f’tebqa’ t’għajn tlifnih.

    Dan l-aħħar

    L-avvenimenti li ġraw dan l-aħħar laqtuni minn żewġ aspetti.  L-ewwel ħaġa hi li hemm min, minħabba l-kilba li għandhom għal poter, lesti li jaħdmu kontra Malta.  Dak li qed jiġri llum ġara wkoll fis-sebgħinijiet meta konna qed naħdmu biex il-kelma indipendenza issir realta’.  Anki dawk iż-żminijiet kellna Maltin li biex jerġgħu jiksbu l-poter ħadmu ħafna ma’ sħabhom Ewropej biex iħammġu lil Malta.  Kulħadd fl-Ewropa kien jara l-Malta bħala dittatorjat. Kien minħabba dan li dawk il-bidliet li għamilna kienu diffiċli u ħallasna prezz għoli għalihom.

    Illum huma dawn il-Maltin, li l-importanti għalihom hu biss li jiksbu l-poter, li qed jinkoraġġixxu lil dawn l-Ewropej li jqisuna qiesna li aħna kolonja tagħhom.  

    Sa ftit ilu r-reazzjoni ta’ dawn in-nies kienet li mhux veru qed imaqdru lil Malta.  Issa l-istorja tidher li nbidlet. Illum ħarġu bl-argument li hu dmir tagħna li nikkritikaw lil Malta.

    Dan l-argument hu wieħed bażwi.  L-ewwel ħaġa għandna jkollna l-prudenza li jekk nikkritika, din nagħmluh ġo darna u mhux f’pajjiżi oħra.  Dan qiesu meta jkollok xi nkwiet fil-familja tiegħek. B’argument tagħhom, il-problemi għandek toħroġhom barra.  Jinsew li meta tagħmel hekk mhux biss qed tmaqdar lill-famija tiegħek, bik inkluż, iżda qed toħloq sitwazzjoni fejn l-affarijiet imorru għall- agħar għal kulħadd.  

    Bl-imġiba ta’ dawn, illum kull Malti li jsifer jiġi ffaċċjat bi kritika u tmaqdir.  Dan jiġi mpinġi bħal li qed jitħassru lil dak l-individwu li għandu jgħix f’Malta. Dan barra l-fatt li dawn il-ħafna qlajjiet dwar il-korruzzjoni u ħasil ta’ flus qed ipinġu lil Malta post tal-gangsters, fejn kulħadd ibażwar u jfotti lil ħaddieħor.  Illum sfortunatament għal ħafna nies barranin, iqisu lil Malta agħar miċ-ċentri tal-Mafia fl-Italja. Ara meta niġu għall-pajjiżi kbar, minkejja il-bljuni ta’ Euros li jinħaslu, ħadd ma jikkritikhom.  

    It-tieni punt hu d-disperazzjoni li toħroġ fl-uċuħ ta’ dawn in-nies li llum iħossu li għandhom jipprotestaw.  Id-disperazzjoni li għandhom dawn in-nies qed iġgħalhom li jaqgħu għal vjolenza. Sitwazzjoni li poġġithom f’qagħda prekarja, għax fuq naħa qed jgħidu li qed jaħdmu għad-demokrazija u fl-istess nifs qed ikissru d-demokrazjia sew bil-vjolenza li rajna dan l-aħħar u sew għax ma jridux jirrikonoxxu l-prinċijpju bażiku tad-demokrazija li hi l-maġġoranza li tiggverna.

    Din id-disperazzjoni ħarġet minħabba l-mibgħeda li reġgħu daħħlu fil-politika Maltija dawk li qed imexxihom minn wara l-kwinti.  Din il-mibgħeda ġejja għax dawn in-nies li qed imexxu minn wara l-kwinti fallew. U kienu fallew bil-kbir, għaliex mhux biss żebilħu lil Malta, iżda anki farrku lilhom infushom.  Ir-riżultat tal-Elezzjonijiet tal-2013 u 2017 jittkonfermaw dan.

    Dawn in-nies, bħan-nies li qed ikasbru lil Malta f’postijiet barranin, kiesbu posthom fl-istorja ta’ Malta bħala dawk in-nies li l-interessi tagħhom jiġu qabel dawk ta’ pajjiżhom.  Kulħadd jaf x’jissejħu dawn in-nies – tradituri li ma jistħoqilhomx jissejħu Maltin. 

    Il-Kirjiet

    Issa li għaddiet il-liġi li ser tirregola l-kirjiet tad-djar, sar l-ewwel pass importanti.  Milli naf, diġa’ qed isiru preparamenti biex din il-liġi tiġi implimentata mal-ewwel. Hu importanti li jingħata tagħrif lil kulħadd biex ikunu jafu l-affarijiet bażiċi tal-liġi u anki fejn xi ħadd jista’ jingħata aktar tagħrif.  Dan jgħodd sew għall-konsumaturi u sew għal min qed jikri biex kulħadd ikun jista’ jżomm mal-liġi.  

    Kien hemm aħbar oħra dwar il-kirjiet.  Din kienet li permezz tal-kirjiet lit-turisti, dawk li għandhom proprejta’ qed idaħħlu l-miljuni fis-sena mill-kiri għal żmien qasir ta’ ġranet.  Tajjeb li l-ekonomija tagħna qed tiżviluppa b’dan il-mod għaliex mhux kull turist ikun irid joqgħod ġo lukanda jew Botique hotel.

    Tajjeb li ngħidu wkoll li dan l-iżvilupp iġib miegħu wkoll xi konsegwenzi.  Waħda mill-konsegwenzi li ġab dan l-iżvilupp fil-pajjiż fejn kellu suċċess kbir f’dan is-settur bħal Spanja, kien li jkun diffiċli li f’dawn il-lokalitajiet issib kirjiet fit-tul.  Dan barra l-fatt li l-kirjiet fit-tul li jiġu offruti jkunu b’kirjiet aktar għolja.  

    Pass importanti fis-suq tal-proprjeta’ kien li dan is-settur beda jiġi regolat – s’intendi b’mod li ma jfixkilx lis-suq li jkompli li jiżviluppa.  B’hekk l-effetti negattivi jiġu mnaqqsa.  

    Naħseb li għalkemm fil-qasam tal-kirjiet qosra r-regolazzjoni ma hemmx bżonn li tkun qawwija, xorta għandna nżommu għajnejna fuqha.  

    Punt li hu komuni fis-suq kollu tal-kirjiet hi li hemm min dawn li jikru u ma jħallas it-taxxi.  Riċentament ħareġ rapport li hu stmat li minn fuq sit wieħed elettroniku, hu stmat li dawk li jikru fuq perjodu qasir jdaħħlu ‘l fuq minn 100 miljun fis-sena.  Din il-figura hi importati għad-dipartimenti tat-taxxi għaliex mit-taxxi li jdaħħlu jkunu jistgħu jikkalkolaw kemm hemm min mhux qed iħallas it-taxxi dovuti.  

    Nota għal dawk il-Maltin li meta jsifru jikru xi appartamet.  Kull appartament mikri jkollu wkoll xi regolamenti u anki proċeduri biex jara li l-appartament ma ssirlux ħsara.  Fis-siti elettroniċi li naf bihom, l-ebda waħda minnhom ma ssemmi dan – wisq anqas tippublikahom. Hu importanti li l-konsumaturi, qabel ma jikru, jistaqsu dwar dawn ir-regolamenti u jitolbu li jkollhom kopja taghhom biex huma wkoll bħala konsumaturi iħarsu l-interessi tagħhom.  

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook