Impatt negattiv fuq in-negozju fl-aħjar żmien tas-sena

  • Diċ 05, 2019 16:00
  • Miktub minn Carmen Cachia

    Il-GRTU b’reazzjoni għall-protesti fil-Belt tisħaq li din hija sitwazzjoni insapportabbli li ma tistax tkompli

    Wara li għal dawn l-aħħar ġranet fil-Belt Valletta bdew isiru għadd ta’ protesti b’konnessjoni mal-iżviluppi ġodda li ħarġu fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia, l-ambjent festiv u l-attivitajiet tan-negozju f’dan iż-żmien tal-Milied intlaqtu b’mod negattiv ħafna. Dan ġie kkonfermat minn Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU, fejn qalet li l-instabbiltà li nħolqot minn din il-kriżi qiegħda tolqot lin-negozju, b’mod speċjali dawk fil-Belt Valletta.

    “L-impatt tal-kriżi li qegħdin nesperjenzaw bħalissa f’pajjiżna nħass, b’mod imminenti malli beda,” sostniet Mamo. Hija qalet li l-akbar biżgħat huma dwar il-kobor tal-kriżi u għal kemm żmien se nibqgħu ntawlu biex il-pajjiż jerġa’ jibda jiffunzjona fil-paċi.

    Il-GRTU, minkejja li saru ħafna żviluppi, temmen li t-tensjoni fil-pajjiż għadha qiegħda tiżdied u din hija sitwazzjoni intollerabbli li ma tistax tkompli sejra kif inhi. Mamo qalet li sadanittant in-negozju għaddej minn perjodu diffiċli f’dak li għandu jkun l-aħjar żmien tas-sena u li n-nies, l-impjegati u l-poplu, huma assorbiti u kkonsmati mill-avvenimenti li qegħdin jiġru bħalissa.

    “In-negozji fil-Belt Valletta huma l-aktar li qegħdin isofru, għax qegħdin fil-qalb ta’ dak kollu li qiegħed iseħħ. Minn kif jidhru l-affarijiet se jkollhom iqattgħu ħafna mill-perjodu tal-Milied magħluqin u jaraw lill-klijenti jmorru f’żoni oħra tax-xiri biex jevitaw dak li jkun għaddej,” kompliet Mamo. Hawnhekk hija tistaqsi, x’għandhom dawn jagħmlu, jekk għandhomx jibagħtu lill-impjegati tagħhom id-dar u jekk għandhomx jagħlqu n-negozju għal kollox. Il-GRTU ssotni li dan mhuwiex ġust fuq il-familji kollha affettwati li ma kellhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li kkawżat din is-sitwazzjoni instabbli.

    Abigail Mamo qalet li ma’ kull ġurnata li qiegħda tgħaddi, is-sitwazzjoni ta’ instabbiltà qiegħda żżid il-ħsara u żżid ukoll il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tant li tibża’ li r-riżultati se jkunu devastanti għal Malta.

    Il-GRTU appellat biex, “dan kollu għandu jieqaf illum u r-responsabbiltà politika għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li pajjiżna jkun stabbli u jaħdem mill-ġdid”. Mamo qalet li mbagħad nistgħu nibdew nittrattaw ir-riperkussjonijiet kollha. 

    Hija żiedet tgħid li l-istabbiltà immedjata hija l-unika riżultat li huwa aċċettabbli u li l-mexxejja, kif ukoll il-membri parlamentari eletti, ma jistgħux jgħidu li għamlu biżżejjed sakemm tinkiseb l-istabbiltà b’mod immedjat. “Din hija r-responsabbiltà u x-xogħol tagħhom li għadu mhux komplut,” temmet il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0