“Ir-ritratt waħdu mhux libelluż” - Pia Zammit

  • Nov 18, 2019 12:11
  • Miktub minn iNews
"

    L-attriċi Maria Pia Zammit qalet fil-Qorti li fil-fehma tagħha, r-ritratt waħdu li ġie ppubblikat fuq il-gazzetta IT-TORĊA fejn hija dehret bl-iswastika f’idejha ma kienx libelluż iżda ħassitha malafamata bir-ritratt flimkien mal-artiklu.

    Zammit qalet dan waqt li kienet qed tixhed fil-kawża ta’ libell li fetħet kontra l-editur tal-gazzetta IT-TORĊA Victor Vella b’rabta ma’ żewġ artikli li dehru fl-istess gazzetta f’Awwissu li għadda. 

    Hija bdiet billi qalet li l-imsemmi ritratt kien meħud wara l-kwinti tat-teatru Manoel f’Marzu tal-2009 waqt il-produzzjoni ta’ ‘Allo! Allo!’. Qalet li dan ir-ritratt deher darbtejn fil-faċċata tal-gazzetta IT-TORĊA u li huwa meħud mill-Facebook iżda mhux minn fuq it-timeline tagħha. 

    Qalet li l-parti li kellha f’Allo! Allo! kienet ta’ Michelle Dubois, membru tal-“French Resistance” bl-irwol tagħha jkun dak li “tonsob in-Nazi” u ssalva l-poplu Franċiż.

    Zammit kompliet tgħid li fl-14 ta’ Awwissu li għadda, fl-inbox tal-paġna ta’ Occupy Justice kienu irċevew mistoqsija minn Victor Vella mill-gazzetta IT-TORĊA fejn talab għal spjegazzjoni dwar dan ir-ritratt. 

    “Kont imsiefra u rċevejt messaġġ mingħand ħabibti. Għedt li din kienet kemmxejn ridokola. Għamilt Facebook status li huwa r-rispost illi tajt. Fl-istatus spjegajt li dan ir-ritratt kien meħud wara l-kwinti (backstage) u li kien veru perikoluż li tqabbel ir-rwol ta’ attriċi mal-ħajja personali tagħha.”

    Hija qalet li erbat ijiem wara, fit-18 ta’ Awwissu, kien hemm ir-ritratt tagħha fil-faċċata ta’ IT-TORĊA u f’paġna 6 fejn ġie riprodott dak li kienet qalet fuq Facebook. Qalet ukoll li l-istess artiklu ġie xxerjat minn diversi nies fuq Facebook u kien hemm ukoll diversi kummenti.

    “F’IT-TORĊA irreferew għalija bħala attivista f’Occupy Justice. Imkien ma rreferew għalija bħala attriċi. Irrefera (Victor Vella) għar-ritratt bħala wieħed kontroversjali. Dan hu ritratt ta’ attriċi liebsa kostum u backstage.”

    Zammit qalet li ġimgħa wara, fil-25 ta’ Awwissu, reġa’ deher l-istess ritratt fil-faċċata tal-imsemmi gazzetta u f’paġna 7 fejn kien qed jiġi kkwotat edukatur anonimu jgħid li “m’għandux ikun hemm ċajt bi Swastika… insensittività li tippoża biha.”

    “Il-problema hija li n-narrattiva li dehret hemm barra hi li jien kont akkużata bħala Nazzista,” qalet Pia Zammit. “Ir-ritratti backstage mhumiex fl-interess pubbliku. Kien wieħed mill-akbar insulti li qatt irċevejt.” 

    Hawn imbagħad qabżet fuq il-kawża ta’ libell li fetħet lil Sergio Galea Vincenti, bil-Maġistrat Rachel Montebello tgħidilha li l-kawża hi waħda separata.

    Fil-kontro-eżami tagħha, meta kienet mistoqsija mill-Avukat Aron Mifsud Bonnici, li fil-kawża qed jidher għal Victor Vella, dwar x’inhi r-relazzjoni tagħha ma’ Occupy Justice, hija wieġbet li “ma narax li din hi rilevanti”, bl-Avukat jgħidilha li ma kinitx hi li tiddeċiedi x’inhu rilevanti għall-Qorti.

    Sussegwentement, Zammit qalet li hija kienet waħda mill-amministraturi ta’ dan il-grupp fuq Facebook. Qalet li l-messaġġ ta’ Occupy Justice huwa dak li jiġġieldu għall-verità u l-ġustizzja.

    Dwar il-messaġġ li rċevew fuq Facebook, hija qalet: “jiena ma narax il-messaġġi kollha. Andy Marco rat dan il-messaġġ u kkomunikat miegħi.” Hija semmiet ukoll kif is-sena li għaddiet l-istess ritratt kien qed jiġi ċċirkolat u ħasbet li dan seta’ kien qed jerġa’ jkun ċċirkolat. 

    Mistoqsija liema parti mill-artiklu tat-18 ta’ Awwissu ħassitha mmalafata bih, hija rreferiet għall-parti fejn jingħad: “ritratt kontroversjali u li juri lil Pia Zammit li hi magħrufa bħala waħda mill-attivisti ta’ Occupy Justice bl-iswastika f’ideja. Dik ħassejtni malafamata biha u l-fatt li r-ritratt deher fil-faċċata.” 

    Mistoqsija jekk kien hemmx sentenzi oħra f’dan l-artiklu li kienu libellużi, hija qalet li ma kienx hemm. Dwar l-artiklu tal-25 ta’ Settembru, hija għamlet referenza għat-titlu fejn jingħad li “m’għandux ikun hemm ċajt bi swastika” u reġgħet insistiet li hija attriċi u li tagħmel dak li jgħidulha. Fl-istess waqt qalet ukoll li ma kinitx qed tippoża fir-ritratt.

    Kompliet tgħid: “għalfejn għandi niġi kkuntattjata permezz ta’ Occupy Justice? Jien għandi l-profil tiegħu, l-email tiegħi u anke n-numru tal-mowbajl. Għalfejn kien neċessarju li jintbagħat messaġġ fuq il-paġna ta’ Occupy Justice?”.

    L-Avukat Mifsud Bonnici rreferiha wkoll għall-mistoqsija li staqsa Victor Vella fejn kien talab għar-reazzjoni ta’ kulħadd biex ikollu pożizzjoni ta’ dawk kollha involuti. Pia Zammit qalet li din ma kinitx aħbar. 

    “Talbek għar-reazzjoni,” qalilha Dr Mifsud Bonnici. “Ir-reazzjoni tiegħi kienet li jien kont qed niġi akkużata. Din it-tip ta’ intimidazzjoni hija perikoluża,” weġbitu Zammit.

    “Il-fatt li qallek li dan ir-ritratt qed jiġi xxerjat fuq WhatsApp, dan hu intimidazzjoni lejk? M’għandux dritt isaqsi d-domandi?,” tenna l-Avukat Mifsud Bonnici li mbagħad issospenda x-xhieda u l-kawża ġiet differita għat-22 ta’ Jannar li ġej.

    Sadanittant, f’mument minnhom waqt li kienet qiegħda tixhed, Pia Zammit dehret tneħħi xalla li kellha fuqha, bil-Maġistrat Montebello iċċanfarha u tgħidilha, “Ma tarax. Hawn qiegħda l-Qorti mhux f’kafetterija.”

    F’waqt ieħor fl-istess seduta, il-Qorti qieset li kien qed ikun hemm wisq interruzzjonijiet u kummenti mhux meħtieġa waqt li Zammit kienet tixhed u li kienu qed ifixklu l-Qorti, li qisithom ukoll bħala dispreġġjattivi. 

    L-istess Qorti għalhekk wissiet liż-żewġ avukati taż-żewġ naħat li jekk kien se jkun hemm interruzzjoni jew kummenti oħra waqt id-depożizzjoni tax-xhud, kienet se ssinbhom ħatja ta’ disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti.

    L-Avukat Joseph Zammit Maempel qed jidher għal Pia Zammit.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0