Il-kantanta li kienet tħossha falluta u llum tkanta f’Londra

  • Nov 18, 2019 11:15
  • Miktub minn Ramona Portelli
"

    Huma diversi l-persuni speċjalment żgħażagħ li jħallu lil pajjiżna sabiex jibdew karriera ġdida f’xi pajjiż ieħor.  Sew jekk mużika, jew xi tip ta’ karriera oħra, ssib ħafna li jirnexxew għal futur isbaħ.  Dan l-aħħar ħsibt li nintervista lil kantanta Maltija li dan l-aħħar iffokat ruħha u ġisimha f’Londra fejn għaddejja tajjeb ħafna mużikalment.  Qed nirreferi għal Isabelle Luca Borg, aktar magħrufa bħala Żabel.

    Filfatt hija solo artist minn Malta, tgħix Londra u taħdem fil-qasam tal-mużika u t-teknoloġija.  Il-passatempi tagħha huma l-qari, s-safar u t-tisjir.

    Tiddeskrivi lilha nnifisha bħala bniedma appassjonata.   Il-ħin kollu għaddejja.    Tgħid ħafna, imma tħobb toqgħod waħedha għall-kwiet.  Tikkunsidra lilha nnifisha bħala empatetika u fuq ruħha.

    Isabelle ilha tkanta għal diversi snin, u dan l-aħħar qed tkanta bħala solo artist taħt l-isem Żabel.  “Il-mużika m’hijiex xi ħaġa li tħajjart għaliha.  Il-mużika qegħda fija u tiddetali kif ngħix.  Mingħajrha ma nkampax, u biha, ġġenninli moħħi.  Ma nistax noqgħod kwieta - l-ħin kollu tgħajjatli u twennisni, tilgħab bija, imbagħad tarmini u wara ftit terġa’ ssejjaħli.

    L-istil ta’ mużika tagħha huwa taħlita ta’ stili li jogħġbu lilha stess - pop, rock u electro.  “Hemm ħafna elementi ta’ artisti li nsegwi jien fil-mużika tiegħi bħal Eminem, Lady Gaga u Bishop Briggs għaldaqstant, fid-diski tiegħi ssib elementi li normalment jaf ma jmorrux flimkien, imma bil-mod tiegħi żewwiġthom u ħadmu”, bdiet tgħidli dwar il-mużika l-aktar li tgħoġobha.

    Il-mużika tagħha hija awto-biografika

    Kompliet tgħidli li l-mużika tagħha hija awto-biografika.  Titkellem fuq l-importanza li tagħmel ta’ rasha, ma tismax minn min jgħidilha li mhux kapaċi u min jgħidilha li mhux tajba biżżejjed.  “Filfatt, il-kanzunetta li ser toħroġ f’Settembru bit-titlu “I’ll Have U Remember” hija innu ta’ perseveranza.  “Hija diska li viżwalment tfakkarni f’Phoenix - il-mewt tiegħu u l-qawmien mill-irmied, isbaħ u ikbar minn qabel”.

    F’”Biblical” li  ħierġa fil-bidu ta’ Novembru li ġej, titkellem fuq il-mużika. Fuq kif ma tgħix mingħajrha, fuq kemm hija ħaġa ħafna ikbar minnha.  “Inħobb nuża referenzi reliġjużi fil-kitbiet tiegħi peress li nħoss li dik hija parti mill-identità tiegħi.  Filfatt l-ewwel single tiegħi kien jisimha “Blamin God” (2015)”.

    Għal Isabelle l-mużika hija dik il-ħaġa li żżommha għaddejja. Mingħajrha titlef l-identita tagħha u s-sens ta’ min hija.  “Il-mużika tidentifikani u ttini sens ta’ sodisfazzjon.   Hija passjoni u l-passjoni tiegħi.  Ta’ kemm teħodli, ttini.  Barra minn hekk, il-mużika għalija hija l-mediċina u t-terapija tiegħi.  Tgħini niċċentra ruħi u nsib is-sens fil-ħajja.  Il-buzz fid-diski nħosshom ġo fijja u jtuni sens ta’ belonging.  Il-mużika teċitani u tbikkini, tkellimni u tiggwidani. Ma ngħix mingħajrha”, żvelat miegħi Isabelle.

    Kif indikajt ftit qabel, bħalissa Isabelle qed tirrekordja xi mużika ġdida ħalli għal Settembru u Novembru li ġej toħroġ mużika ġdida. Filfatt fl-20 ta’ Settembru, sewwa sew seba’ snin minn mindu telqet minn Malta ser toħroġ id-diska “I’ll Have You Remember”.  “Kif diġa semmejt, il-lirika tagħha hija affermattiva ħafna.  Hija indirizzata lil dawk kollha li ddubitawni tul is-snin u tgħid, ‘Arawni issa.  Reġina ta’ l-Ibħra. Infakkarkom, li dak li għamilt, għamiltu għalijja” (Watch me Glide, Queen Mother of the Sea // I’ll Have You remember, I’m not here for you).  Fl-1 ta’ Novembru, ħierġa “Biblical” bil-video tagħha jsegwiha fit-3 ta Novembru.  Filfatt il-videos mużikali ta’ “I’ll Have You Remember” u “Biblical” jgħidu storja waħda, tal-ġlieda bejn id-dlam u d-dawl, it-tajjeb u l-ħażin.  Qed jiġu maħdumin minn professjonisti minn madwar id-dinja, nies li jien ixxurtjata mmens nsejħilhom ħbieb”, tbissmet tgħidli.

    Ta’ min jgħid li bħala kanzunetti s’issa ħarġet tnejn - Blamin God fl-2015 u Sloane Square fl-2018.

    Illum il-ġurnata Isabelle hija gradwata First Class Honours fil-BA in Creative Musicianship mill-Institute of Contemporary Music Performance ġewwa Londra.  “Biex għamilt dan il-kors, kien importanti mmens li nibqa naħdem. Naqqast is-siegħat minn 38 siegħa għal 32 siegħa fil-ġimgħa waqt l-istudju. Ma kinitx faċli.  Kien hemm ġranet meta kont nidħol xogħol fis-8am, nispiċċa fl-5pm u nibqa’ sejra għal lecture mis-6pm sat 8pm u l-għada nerġa l-istess.  Trid tqis ukoll li kelli siegħa vjaġġi lejn kull naħa”.

    Żiedet tgħidli li kienet tippjana ħafna bil-quddiem, kultant anke b’sitt sa disa’ xhur u bilkemm kienet tiltaqa’ ma’ sħabha ħlief sħabha ta’ l-università.  “Bilkemm kont noħroġ u nmur house parties. Fi ftit kliem, ħajti kienet xogħol u università biss.  Waqt il-kors tiegħi, speċjaliżżajt fil-Music Business u Performance u ktibt it-teżi tiegħi fuq il-liġi tal-copyright bit-titlu, “When does Influence become Infringement?”.  Musicologist rinomat l-Amerika, Dr.Joe Bennett, wara li qara t-teżi tiegħi, ddeskriviha bħala outstanding”, stqarret miegħi.

    Għamlet xi żmien kienet tħossha falluta

    Isabelle kompliet tgħidli li għamlet xi żmien kienet tħossha falluta.  Iżda hija persuna tat-tip li ma taqta qalbha qatt.  Fi żmien l-iskola ma kinitx għaddiet mill-Biology O Level u kellha ssib ruħha tattendi l-iskola tal-Higher, fejn għamlet xi żmien kienet tħossha falluta.  Kienet m’għadditx minn ħafna A Levels.  Sabet ruħha fl-iskola tal-ITS u telqet minnha mingħajr ma kisbet ċertifikat.  Eventwalment sabet ruħha ġewwa Londra u l-istorja bdiet tidħaqilha aktar.  “Kont bdejt il-kors ta’ 28 sena u mill-ewwel għedt li jien ser inġib First Class Honours.  Ma kienx hemm lok għal second place jew second best din id-darba.  Ħdimt qatiegħ u kelli lecturers tal-ġenn. Kien hemm imma min qalli, “Jekk iġġib 2:1 ikun tajjeb ukoll peress li qed taħdem u tistudja” u “Taħseb li x-xogħol ħa jaffetwalek il-marki?” U kien ħemm żmien meta kont nibża’ u nibki li mhux ser jirnexxieli, għax meta tkun wasalt daqshekk viċin ta’ l-aħħar tibda tgħid, “Imma x’jiġri jekk jien vera m’inix tajba daqshekk?”. Dan jgħidulu impostor syndrome u ħafna nies kreattivi jbatu minnha”, fissritli Isabelle.

    Żiedet tgħidli li kienet iffurtunata ħafna li kellha lil ommha u liz-zija, apparti familjari oħra, l-ħin kollu jaagħmlulha kuraġġ “Il-Mama regolarment kienet tibgħatli voice messages fuq Whatsapp tgħidli, “Isa sabiħa. Kważi wasalt. Għid talba lill-Madonna ħa tilluminak hi, u kompli.  Ejja ħanini, naqra oħra, ftit iktar sforz. Isa!”  L-għarus tiegħi minn jaf kemm il-darba konna qed nitkellmu jew nieklu u ninfaqa’ nibki bl-istress u jispiċċa jwennisni u jgħidli li hu jemmen fijja bis-sħiħ”, żvelat miegħi.

    Kompliet tgħidli li dakinhar li rċeviet ir-riżultat kienet fuq il-mobile ma’ ommha u kif rat first class honours werżqet twerżiqa kbira, u niżlet fuq is-siġġu.  “Niftakar li l-anqas biss flaħt nieħu nifs u qalbi kienet mimlija ferħ li qatt ma ħassejt bħalu qabel”.

    Qabel ma saret din l-intervista, kont naf li mhux l-ewwel darba li Isabelle tkanta f’postijiet f’Londra.  B’hekk ridt inkun naf kemm ta’ spiss, fejn u kif tintlaqa mill-pubbliku.  “Il-komunità tal-mużika ġewwa Londra hija sapportiva ħafna. Meta nagħmel show tieghi, normalment inkun qabel jew eżatt wara sħabi. Kantajt f’diversi postijiet fosthom Shepherds Bush Empire (O2), Notting Hill Arts Club u Nambucca u anke ġewwa New York fil-Bitter End fejn darba kienet kantat Lady Gaga.  Ix-show tiegħi jintlaqa tajjeb ħafna għax la darba nkun fuq il-palk nieħu l-ħajja.  Ikolli kollox minn kostumi u bdil ta’ kostumi fuq il-palk, props u anke dwal apposta”.

    Magħha ddiskutejt il-fatt meta tikkompara Londra ma’ Malta fil-livell mużikali, dwar x’inhuma l-kummenti tagħha minn dak li qed tosserva dan l-aħħar.  “It-talent issibu kullimkien u f’Malta qed naraw li l-livell tal-mużika qiegħed jgħola.  Imma ma tistax tipparaguna Malta ma’ Londra, sempliċiment għax Londra hija il-kapitali tal-mużika.  Biss biss tara kemm hawn nies li l-mużika hija ħajjithom u li hawn industrija b’saħħitha ħafna. Filwaqt li f’Malta, jiddispjaċini ngħid, li c-charts kultant iqabbduk id-daħk u l-biki fl-istess ħin għax ikun fihom kanzunetti fit-Top 20 li ilhom li ħarġu minn qabel ma twelidt jien u jaħasra l-prodott il-ġdid intuh bis-sieq.  Inħoss li f’Malta, l-innovazzjoni fil-mużika hija xi ħaġa mistmerra jew għallinqas li ma tingħatax spazju tikber.  Hemm bżonn li jindaqqu iktar artisti b’diski tajbin fuq ir-radjijiet Maltin mhux diski li nkitbu u ġew irrekordjati f’nofs siegħa ejja ħa mmorru u jindaqqu għax dak jaf lill-ieħor”, sostniet miegħi bl-akbar serjeta fuqha.

    “Ħajjti hija tiegħi u jien nikkontrollha”

    Ridt inkun naf ukoll dwar kemm kienet faċli li tħalli lil Malta, u kemm ta’ spiss qed tkun hawn lura f’pajjiżna.  “Meta ddeċidejt li nitlaq minn Malta kont għaddejja minn żmien ikraħ immens u ddeċidejt li ħajjti hija tiegħi u jien nikkontrollha.  Ma kienx ikun possibli nitlaq li kieku ma kinitx għall-għajnuna tal-familja tiegħi u ta’ sħabi.  Minn Malta mort noqgħod Acton, West London u għamilt sena nistudja l-vuċi, Tech Music School (now BIMM). Fis-Sajf tal-2013 għamilt xahar ġewwa Bali fl-Indoneżja bħala chaperone mal-kontestanti ta’ Miss World.  Niftakar, dak iż-żmien, qabel ma sibt xogħol stabbli, kont naħdem bejn tnejn u tlett xogħolijiet u kont inmur għand tal-ħanut biex nixtri travel pass biż-żgħar (change) ġo borża u meta jasal l-aħħar tax-xahar kont nixtri ftit ħaxix u nagħmel stir fry kbira li kienet isservini tlieta jew erbat ijiem sa ma tidħol il-paga. Meta ma kontx inkun xogħol, kont inkun id-dar għax ma kontx naffordja noħroġ u niddeverti”, stqarret miegħi.

    Għal dawk l-istudenti li forsi jaqtgħu qalbhom mill-istudju, Isabelle tgħidilhom sabiex jieħdu l-ħin tagħhom.  “M’hemmx għalfejn tiggradwa malli tagħlaq wieħed u għoxrin sena.  Ħajjtek hija tiegħek, għamel biha li trid u kollox jiġri għal xi raġuni”.

    Fl-aħħar tal-intervista, Isabelle għaddiet ukoll messaġġ in ġenerali għall-qarrejja kollha.  “Jien m’għandix tfal allura l-parir tiegħi jaf mhux għal kulħadd, imma lill-ġenituri ta’ dawk li forsi m’għaddewx minn xi eżami nitlobkom, żommu d-dixxiplina, imma tkunux wisq ħarxa ma’ uliedkom.  Għalihom dan huwa mument diffiċli wkoll.  Poġġu magħhom, għadruhom, kellmuhom - staqsuhom x’jixtiequ jagħmlu b’ħajjithom u flimkien issibu soluzzjoni.  Lill-istudenti li għaddew ngħidilkom prosit, u ftakru għinu lil min forsi hu batut”.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0