Euro 2020 : Telfa kbira għal Malta

  • Nov 16, 2019 00:00
  • Miktub minn iNews
"

    Ritratt: Dominic Aquilina

    Spanja............................. 7

    Malta ............................. 0

    Għaxar minuti fit-tieni taqsima kienu detrimentali għall-Maltin hekk kif sofrew erba’ goals fit-telfa ta’ 7-0 kontra Spanja valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2020.

    Kienet wirja oħra di­żappuntanti għall-Maltin li wieħed irid jistqarr li kien ukoll riżultat diżastruż.

    Il-pjan tal-Ispanjoli kien li jużaw il-faxex laterali biex jiftħu lid-difiża Maltija li f’xi mumenti bdiet tinqabad mill-overlaps veloċi tal-avversarji.

    U filwaqt li l-avversarji ddominaw din il-logħba li b’intuwizzjoni naturali bdew jiżmarkaw lil xulxin, il-pjan tal-Maltin kien dak ta’ konteniment hekk kif abbandu-naw ukoll l-attakk biex jirreżistu għall-mewġa kbira ta’ pressjoni. Infatti l-goalkeeper Spanjol, Pau Lo­pez, qatt ma ġie mpenjat ... u b’mod sarkastiku dan tal-aħħar ingħata ovazzjoni me­ta mess il-ballun fi tliet kwarti ta’ ground minn back pass lejn is-siegħa logħob.

    F’din il-partita, ingħa­taw id-debutt żewġ players ta’ Floriana, Jurgen Pisani u Brandon Paiber. Inċidental­ment l-aħħar player Furjaniż li lagħab bil-flokk nazzjonali kien Clayton Failla, proprju sena ilu, eżattament fl-20 ta’ Novembru, fid-draw ta’ 1-1 kontra Faroe Islands liema partita kienet valida mill-UEFA Nations League.

    Sa mis-suffara inizjali, l-Ispanjoli mill-ewwel għam­lu l-intenzjonijiet tagħhom ċari u ħar­ġu fuq l-offensiva biex sat-tielet minuta rebħu żewġ corners u resqu viċin li jiftħu l-iskor minn daqqa ta’ ras ta’ Sergio Ramos.

    Fl-10 minuta, ħlisniha ħafif meta l-clearance ta’ Dunstan Vella, ħabtet ma’ Santi Cazorla f’tarf il-kaxxa b’din il-karambola kienet għoddha ħasdet lill-goalkeeper Malti, Henry Bonello.

    Fis-16-il minuta, Bonello kien providenzjali għall-Maltin meta mill-cross ta’ Pablo Sarabia, Jurgen Pisani kklerja qasir biex daħal Juan Bernat li bir-ras immira lejn ir-rokna tax-xibka iżda daqstant ieħor kien tajjeb il-goalkeeper Malti.

    Fl-20 minuta, l-Ispanjoli rebħu free-kick li wasal minn foul ta’ Juan Corbalan fuq Sergio Ramos iżda d-difiża Malti mblukkat il-periklu.

    Peró, erba’ minuti wara huma fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, f’konfużjoni fil-kaxxa Maltija, Rodri Hernandez xeħet lejn il-lasti u filwaqt li Zach Muscat ipprova jikklerja in extremis, il-ballun waqa’ f’saqajn ALVARO MORATA li minn metru bogħod idde­pożita l-ballun fix-xibka.

    Fis-27 minuta, l-Ispanjoli skorjaw minn xutt angolat ta’ Rodrigo Moreno iżda l-goal ma ġiex konvalidat għal pożizzjoni ta’ offside ta’ Morata li fil-veritá kienet waħda ineżistenti.

    Ħames minuti wara, l-Ispanjoli resqu viċin meta Rodri Hernandez qata’ lid-difiża Maltija bi through pass lejn Jesus Navas li l-cross fil-baxx tiegħu ġie kklerjat fil-ħin minn Jonathan Caruana qabel ma Morata seta’ jagħ­mel xi forma ta’ ħsara.

    Madankollu, fil-41 minuta, l-Ispanjoli rduppjaw me­ta Navas xeħet lejn Moreno li kien pront kompla lejn SANTI CAZORLA li pplejsja l-ballun fir-rokna tax-xibka megħjun minn sieq il-lasta.

    Fit-43 minuta, Gerard Moreno, li kien f’pożizzjoni ta’ offside, għamel l-impossibbli meta xeħet barra mill-cross ta’ Sarabia.

    Il-ftuħ tat-tieni taqsima kien foto-kopja tal-ewwel waħda hekk kif fi spazju ta’ tliet minuti l-Ispanjoli rebħu żewġ corners ... turija li riedu jirbħu bi skor kbir.

    Fil-50 minuta, mill-cross insidjuż ta’ Juan Bernat, kien Andrei Agius li antiċipa fil-ħin lil Morata għal corner. Minuta wara, l-avversarji rebħu corner ieħor meta x-xutt ta’ Cazorla minn barra l-kaxxa ġie devjat minn Zach Muscat.

    Fit-58 minuta, kien Jonathan Caruana li salva goal ċerta meta bir-ras qala’ minn fuq il-linja fatali x-xutt ta’ Sarabia. Minuta wara, Mo­re­no falla ċans tad-deheb li jżid l-iskor meta quddiem lasti vojta xeħet barra.

    Iżda f’temp ta’ żewġ minuti t-team Malti kkollassa meta sofra żewġ goals  ... fit-62 minuta, mis-sostitut Pau Torres meta b’sidru kompla fix-xibka mill-corner ta’ Paco Alcacer u ftit sekondi wara Pablo Sarabia xeħet fir-rokna tas-saqaf tax-xibka ... u fid-69 minuta anke d-debuttant Dani Olmo, li daħal jilgħab minflok Morata, sab ix-xibka meta għeleb in-nasba tal-offside, dar mal-goalkeeper Malti u xe­ħet f’lasti vojta.

    Il-partita żvolġiet f’pas­siġġata u proprju fit-72 mi­nuta, GERARD MORENO, klijent regolari fil-kaxxa Maltija, kompla għal ġewwa mill-pass ta’ Bernat. 

    Fis-86 mintua, JESUS NAVAS kompla jixħet il-melħ fuq il-ferita ... qabel Alcacer ġie mċaħħad mill-wieqfa.

    SPANJA: 23-Pau Lopez, 3-Raul Albiol, 7-Alvaro Morata (12-Dani Olmo 66), 10-Thiago Alcantara, 11-Pablo Sarabia, 14-Juan Bernat, 15-Sergio Ramos (6-Pau Torres 60), 16-Rodri Hernandez, 19-Rodrigo Moreno, 20-Santi Cazorla (53-Paco Alcacer 53), 22-Jesus Navas - Coach: Robert Moreno

    MALTA: 1-Henry Bonello, 2-Jonathan Caruana,  5-Andrei Agius, 7-Joseph Mbong, 10-Kyrian Nwoko          , 11-Rowen Muscat (63-Tristian Carua­na 63), 13-Dunstan Vella, 14-Brandon Paiber, 15-Juan Corbolan (4-Karl Micallef 33), 20-Jurgen Pisani (6-Jake Grech 75), 22-Zach Muscat - Coach: Ray Farrugia

    REFEREE: Viktor Kassai (Ungerija)

    ASS. REFEREES:Gyorgy Ring, Vencel Toth (Ungerija)

    RABA’ UFF: Tamas Bognar (Ungerija)

    SKORERS:A. Morata 24, S. Cazorla 41, P. Torres 62, P. Sarabia 63, D. Olmo 69, R. Moreno 72, J. Navas 86 (S)

    AMMONITI:Ħadd

    ATTENDENZA:19,773

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0