Jeremy Corbyn u l-elezzjoni ta’ Diċembru

  • Nov 11, 2019 16:41
  • Miktub minn Ruben Briffa
"

    Ġimagħtejn qabel il-Milied, fit-12 ta’ Diċembru, mistennija ssir elezzjoni oħra fir-Renju Unit, it-tielet waħda fl-aħħar erbgħa snin. Bħalma jaf kullħadd, ir-raġuni għal din l-elezzjoni hija li l-membri parlamentari Brittaniċi ma jistgħux isibu tarf tal-kriżi politika rigward Brexit. Minbarra li l-parlament Ingliż huwa maqsum rigward jekk l-Ingilterra għandix toħroġ mill-Unjoni Ewropeja jew le, dawk li huma favur Brexit mhumiex jaqblu bejniethom dwar kif sejrin joħorġu minn membri sħaħ.

    Iż-żewġ rivali ewlenin f’din l-elezzjoni huma naturalment il-Prim Ministru preżenti, Boris Johnson, li huwa l-mexxej tal-Partit Konservattiv u l-Mexxej Laburista, Jeremy Corbyn. Johnson qiegħed iwiegħed liċ-ċittadini Ingliżi li jekk ikollu l-maġġoranza fil-Parlament wara l-elezzjoni ta’ Diċembru, huwa sejjer ikun f’pożizzjoni aħjar li jwettaq il-proċess ta’ Brexit. Corbyn qiegħed jgħid li kemm il-darba jieħu l-gvern f’idejh, huwa sejjer isejjaħ referendum iehor, bil-possibilità li l-poplu jiddeċiedi li jwaqqaf il-Brexit.

    Minhabba kif żvolgew id-dibattiti fuq Brexit, kif ukoll minħabba li faqqsu diversi partiti ġodda, din l-elezzjoni hija fost l-aktar inċerti ta’ dawn l-aħħar snin.

    Il-proposti tal-partiti rigward Brexit

    Il-proposti tal-partiti ewlenin rigward Brexit, li mistennija jkunu l-qofol tal-programmi elettorali tagħhom, joffru ħafna alternattiva rigward kif sejra tkun il-relazzjoni tar-Renju Uniti mal-Unjoni Ewropeja. Il-Brexit Party ta’ Nigel Farange qiegħed jipproponi li pajjiżu jaqbad u jitlaq llum qabel għada, mingħajr l-ebda forma ta’ qbil mill-Unjoni. Il-Konservattivi qegħdin jipproponu tluq bi ftehim li ħafna qegħdin jiddeskrivu bħala kopja fjakka ta’ dak li għandna l-Kanada mal-Unjoni Ewropeja. Il-Partit Liberali qiegħed jimbotta l-politika li Brexit jiġi abbandunat għal kollox biex b’hekk, ir-Renju Unit jibqa’ membru fi ħdan l-Unjoni Ewropeja. 

    It-tmexxija tal-Partit Laburista Ingliż

    Ftit kienu dawk li fi żmien in-“New Labour” ta’ Tony Blair u wara ta’ Gordon Brown, kienu jobsru li fazzjoni żgħira fi ħdan il-Partit Laburista, li kienet magħrufa li tħaddan twemmin politiku ferm aktar xellugi minn dak tat-tmexxija ta’ dak iż-żmien li kienet magħrufa kemm kienet pro-business, kienet sejra tieħu f’idejha lil dan il-Partit kbir, li flimkien mal-Konservattivi ddomina x-xena politika Ingliża ta’ wara l-gwerra. Ewlenin fost din il-fazzjoni żgħira kien hemm John McDonnel, li llum huwa l-kelliemi ewlieni tal-Oppożizzjoni fuq il-finanzi u l-Mexxej Laburista, Jeremy Corbyn.

    Jekk wieħed joqgħod fuq ir-retorika ta’ politiċi bħal McDonnel żgur jistenna li kemm il-darba jkun elett il-Partit Laburista fl-elezzjoni li ġejja, sejra sseħħ bidla fundamendali fl-ekonomija tal-Ingilterra, fuq l-istess skala li konna rajna fil-bidla drastika li kienet għamlet Margaret Thatcher fis-snin tmenin. Skond McDonell, jekk Corbyn isir il-Prim Ministru ta’ pajjiżu, mistennija “issir qalba rriversibbli fil-politika tal-pajjiż fejn il-ġid kollu tal-pajjiż jiġi mqassam lin-nies u l-poter ikun f’idejn iċ-ċittadini”. 

    Il-mudell xellugi ta’ Corbyn u sħabu jinkludi n-nazzjonalizzazzjoni tal-kumpaniji li jiġġeneraw l-enerġija elettrika kif ukoll dawk li jimmaniġġjaw id-distribuzzjoni tal-elettriku, l-ilma, l-gass u s-servizzi postali. Barra minhekk, il-ħaddiema ta’ kumpaniji kbar sejrin ikunu s-sidien ta’ madwar 10% tal-ishma tal-kumpaniji tagħhom. Dejjem skont Corbyn, il-gvern sejjer ikun qiegħed jġiegħel lill-kumpaniji farmaċewtiċi biex jnaqqsu drastikament il-prezzijiet tal-mediċinali għaċ-ċittadini. Gvern Laburista ġdid mistenni jagħlaq l-iskejjel privati u jnaqqas il-ġranet tax-xogħol minn ħames għal erba’ t’ijiem fil-ġimgħa. Minħabba li Corbyn ilu s-snin jikkritika lin-NATO, ħafna qegħdin jibżgħu li gvern immexxi minnu jagħlaq il-ħafna fabbriki tal-armi li hemm fl-Ingilterra u għalhekk jintilfu ħafna postijiet tax-xogħol.

    Il-proposti ta’ Corbyn

    Il-proposta ta’ Corbyn li jkun hemm it-tieni referendum rigward Brexit titqies minn ħafna bħala l-aħjar mod kif tinqata’ darba għal dejjem din il-kwistjoni. Pero, ħafna qegħdin jaraw li l-bqijja tal-program elettorali tal-Partit Laburista jaf joħloq problemi kbar biex jiġi aċċettat l-ewwel mill-elettorat u fuq kollox mill-partiti li biex ikun jista’ jiggverna, Corbyn ikollu bil-fors joħloq koalizzjoni magħhom. Dan minhabba li Corbyn qiegħed jipproponi programm meqjus bħala xellugi żżejjed għall-partiti l-oħra.  L-aktar parti minn dan il-programm li mistennija toħloq problemi għal Corbyn biex isib partiti oħra kiex jiggverna magħhom huwa  fejn jittratta l-mudell ekonomiku ġdid tal-Partit Laburista. Dan huwa bbażat fuq l-ideoloġija Soċjalista fejn permezz tiegħu l-gvern jieħu ħafna aktar kontrolli f’idejh.

    L-aktar partit li qiegħed  juri nteress li jingħaqad mal-Partit Laburista biex tinħoloq koalizzjoni b’Corbyn bħala Prim Ministru, huwa l-Scottish National Party. Dan wara  li l-mexxej tal-Partit Liberali, Jo Swinson, l-aktar partit li sa ċertu punt huwa qrib tal-Partit Laburista rigward Brexit, diġa’ ddikjara li ma jridx jagħmel parti minn koalizzjoni mmexxija minn Jeremy Corbyn. Pero, koalizzjoni prospettiva bejn il-Labour u l-Iskoċċiżi, mistennija tnaffar lil ħafna votanti Brittaniċi li huma favur il-preservazzjoni tal-unjoni tal-pajjiżi li jifformaw ir-Renju Unit, jiġifieri l-Ingilterra, l-Iskozja, l-Irlanda ta’ fuq u Wales. Dan minħabba li l-partit Skoċċiż mistenni jitlob għal referendum ieħor rigward l-indipendenza tal-Iskozja, ħaġa li Corbyn diġa kkommetta ruħu li jonora kemm il-darba jkun Prim Ministru. Barra minhekk, il-partit tal-Iskoċċiżi jista’ jkollu l-inkwiet ma’ Corbyn rigward il-politika ambjentali. Ħafna Skoċċiżi, konxji tal-importanti tal-industrija taż-żejt u l-gas naturali għall-Iskozja minħabba l-impjanti kbar li hemm fl-ibħra tagħha, huma mbeżża li ambjentalist bħal Corbyn jnaqqas il-produzzjoni minn dawn l-impjanti.

    L-istess jista’ jingħad rigward dak li qiegħed jipproponi Boris Johnson għal dawk favur l-għaqda fi ħdan ir-Renju Unit. Dan għax  permezz tal-ftehim li laħaq mal-Unjoni Ewropeja huwa mistenni li l-Irlanda ta’ fuq mistennija tersaq aktar lejn ir-Republika Irlandiża u għalhekk tista’ fil-futur tiddeċiedi li tinħall minn membru tar-Renju Unit. Għalhekk, ħafna minn dawn il-votanti mistennija jintilfu miż-żewġ partiti tradizzjonali, jiġifieri l-Partit Laburista u t-Tories.

    X’qegħdin jgħidu s-surveys?

    L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika rigward l-elezzjoni ta’ Diċembru juri li l-Konservattivu qegħdin igawdu vantaġġ kbir ta’ madwar 12% fuq il-partit ta’ Corbyn. Biss, ir-Renju Unit huwa magħruf għal kemm l-opinjoni publika tindibel mill-lejl għan-nhar. Fl-elezzjoni tal-2017, Theresa May, kienet bdiet il-kampanja b’vantaġġ fenomenali ta’ madwar 20%. Biss, wara kampanja ta’ ħames ġimgħat, hija kienet tilfet il-maġġoranza li kellha.

    Is-sitwazzjoni ta’ bħalissa kompliet toħloq aktar inċertezza minħabba li l-partit il-ġdid ta’ Farange, l-Brexit Party, mistenni jieħu ammont konsiderevoli ta’ voti lill-Partit Konservattiv, filwaqt li l-Partit Liberali mistenni jieħu ħafna voti ta’ dawk il-votanti li tradizzjonalment kienu jivvutaw Labour u li huma favur li pajjiżhom jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropeja. Il-Partit Liberali dan l-aħħar kompla jissaħħa meta ngħaqdu fih membri parlamentari eletti f’isem il-Partit Laburista bħal Chuka Umunna, miħhabba li huma kontra l-politika xellugija ta’ Corbyn.

    Kemm il-partit ta’ Corbyn, kif ukoll dak ta’ Johnston, f’din il-kampanja elettorali, mistennija jkunu qegħdin jiġru wara l-voti miż-żewġ estremi tal-votanti xellugin u mill-lemin. Din l-istrateġija hija għal kollox differenti minn dik li konna qegħdin naraw f’elezzjonijiet oħra fl-Ingilterra, fejn il-ġlieda ewlenijja għall-voti kienet tkun miġġielda f’arena tal-voti moderati miċ-ċentru tal-ispettru ideoloġiku. Il-votanti moderati ma tantx għandhom fejn imorru ħlief lejn l-partiti ż-żgħar bħall-Partit Liberali ,għalkemm dan ukoll qisu mhuwiex juri daqshekk interess f’dawn il-voti, għax qiegħed jiġri biss wara l-voti ta’ dawk li jrid jibqgħu membri fl-Unjoni Ewropeja.

    Il-qawmien tal-partiti ż-żgħar fil-politika Ingliża jagħmilha ferm diffiċli biex kemm Boris Johnson u aktar u aktar Jeremy Corbyn li jirbħu b’maġġoranza b’saħħitha li permess tagħha jkunu jistgħu jimplimentaw il-programmi elettorali rispettivi tagħhom. Teżisti l-possibilità li din l-elezzjoni mhux sejra ssolvi xejn mill-kriżi politika li r-Renju Unit daħal fiha permezz tar-referendum li kien ivvinta l-Priministru Konservattiv ta’ dak iż-żmien David Cameron li kellu bżonnu bħala pjattaforma biex jirbaħ l-elezzjoni ġenerali ta’ dakinhar.Dan huwa l-aħħar ċans għal Jeremy Corbyn li jwettaq il-ħolma tiegħu ta’ Ingilterra Soċjalista, issa li qabeż is-sebgħin sena.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0