“Irridu noqogħdu attenti li ma nitilfux dak li rnexxielna niksbu” - il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna

  • Ott 20, 2019 12:09
  • Miktub minn iNews
"

    “Issa rridu noqogħdu aktar attenti sabiex ma nitilfux dak li rnexxielna niksbu. Irridu naċċertaw li dan is-suċċess jiġi mmaniġġjat b’mod għaqli sabiex il-qabża fil-kwalità ta’ ħajja aħjar, li l-familji Maltin u Għawdxin esperjenzaw f’dawn l-aħħar seba’ snin, tippersisti fil-futur, anke jekk bi ftit inqas ritmu, pero’ b’rata li xorta tkun iktar ogħla mill-medja rreġistrata fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja”.

    Dan sostnieh il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna meta tkellem ma’ inewsmalta dwar il-baġit għas-sena 2020 li ġie mħabbar nhar it-Tnejn.  Il-Ministru jitkellem bla tlaqlieq dwar kritika  marbuta mal-pagi f’Malta u dawk fl-Ewropa u fuq kollox dwar jekk pajjiżna jiflaħx li jkollu ekonomija li tibqa’ għaddejja b’dan ir-ritmu qawwi.

    Mill-miżuri kollha li tħabbru f’dan il-baġit, liema hi dik l-aktar miżura għal qalbek?

    Dan il-Baġit kellu firxa wiesgħa ta’ miżuri li b’xi mod jew ieħor jirrispondu għall-prioritajiet u l-isfidi li hemm quddiemna.  Analizzajna l-bżonnijiet u skont kemm jistgħu l-finanzi tal-pajjiż, dan il-Gvern qiegħed jirrispondi.  Ta’ min ifakkar, li dan il-Gvern għamel nefqa rekord ta’ €80 miljun ewro f’discretionary expenditure; liema nefqa saret kemm f’miżuri eżistenti, kif ukoll f’oħrajn ġodda. Dan sar bil-għan li nkomplu ntejbu l-kwalità ta’ ħajja ta’ kull familja u individwu.  

    F’dan il-Baġit żgurajna li nolqtu kull bżonn jew kull għajta żgħira kemm hi żgħira, biex mix-xita ta’ miżuri li ħabbart, il-familji, l-pensjonanti, l-morda, iż-żgħażagħ, l-istudenti, t-tfal, in-negozji kif ukoll is-setturi kollha li jħaddmu igawdu mill-ġid ekonomiku li rnexxielu jikseb dan il-Gvern tul dawn l-aħħar seba’ snin.  

    Wara diversi Baġits li fihom indirizzajt l-ekonomija u mbagħad bdejt tindirizza ċerti problemi soċjali, issa qed issir kritika li l-gvern mil-lat ambjentali mhux jagħmel biżżejjed. Taħseb li fejn jidħol l-ambjent dan il-baġit qed jagħmel biżżejjed?

    Dan il-Baġit kien wieħed mill-iktar b’saħħtihom f’rigward miżuri li jħarsu u jipproteġu l-ambjent. Dan għax ridna naċċertaw li l-isfidi ambjentali li nħolqu mill-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel jibdew jiġu ndirizzati filwaqt li nibdew naħdmu sabiex nilħqu l-miri tal-Iżvilupp Sostenibbli.

    B’hekk permezz tal-Baġit 2020, nidejna diversi miżuri, uħud minnhom ferm kuraġġjużi, favur l-ambjent fosthom li l-Kummissjoni, li waqqaf il-Gvern, tirrakkomanda id-data finali meta l-vetturi li jiġu impurtati f’Malta wara dakinhar ma jkunux iniġġsu, tnedija tal-Iskema ta’ Beverage Container Recycling Scheme’, jiġu pprojbiti l-importazzjoni ta’ prodotti tal-plastik ta' użu uniku mill-1 ta’ Jannar 2021 u pprojbiti milli jinbiegħu mill-1 ta' Jannar 2022, għotja għal ħwienet bl-imnut li joħolqu "Green Corners", tariffi tal-elettriku baxxi għal individwi li jiċċarġjaw il-vetturi elettriċi fir-residenza tagħhom, għotja għal xiri ta’ batteriji tal-pannelli, żewġ miljun ewro allokati biex issir xogħol fuq il-proġett tal-Park Nazzjonali Ta 'Qali kif ukoll estenzjoni ta’ inċentivi biex jinxtraw vetturi li jniġġżu anqas u trasport pubbliku b’xejn liż-żagħżagħ, persuni b’diżabbiltà u issa anke anzjani li jagħlqu il-ħamsa u sebgħin sena.

    B’dawn il-miżuri, naħseb li dan il-Baġit qiegħed jagħmel dak kollu possibbli sabiex jinħoloq bilanċ bejn l-iżvillup ekonomiku u l-ħarsien tal-ambjent f’pajjiżna.

    Minn dan il-baġit jidher li l-ekonomija f’pajjiżna se tkompli għaddeja tajjeb. Hawn min jgħid li ma jistax ikun li l-ekonomijja tibqa’ għaddeja b’dan ir-ritmu u se jkollha tnaqqas ħafna mit-ritmu. X’tikkummenta dwar dan?

    Kull suċċess li jikseb il-bniedem fil-ħajja tiegħu, meta jittieħed ‘for granted’ u għalhekk ma jiġix immaniġġjat kif suppost, hemm ir-riskju li jintilef. L-istess fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku, ma nistgħux ngħidu issa lħaqna l-livell ta’ tkabbir li xtaqna u għalhekk ninsewh. Ma nistgħux inħallu l-ġid jitla’ għal rasna. Anzi bil-kontra, issa rridu noqogħdu aktar attenti sabiex ma nitilfux dak li rnexxielna niksbu. Irridu naċċertaw li dan is-suċċess jiġi mmaniġġjat b’mod għaqli sabiex il-qabża fil-kwalità ta’ ħajja aħjar, li l-familji Maltin u Għawdxin esperjenzaw f’dawn l-aħħar seba’ snin, tippersisti fil-futur, anke jekk bi ftit inqas ritmu, pero’ b’rata li xorta tkun iktar ogħla mill-medja rreġistrata fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja. Għalhekk qed inkomplu nindirizzaw l-isfidi ġodda filwaqt li qed nimplimentaw miżuri li jimpromwovu xogħol u jattiraw l-investiment u setturi ġodda. B’dan il-mod niżguraw li t-tkabbir ekonomiku robust li rnexxielna niksbu jibqa’ sostnun u l-ekonomija tibqa’ għaddeja b’ritmu tajjeb.

    Spiss issir kritika, dwar il-pagi fil-pajjiż u li dawn huma ferm inqas minn dawk ta’ pajjiżi oħra.  Xi twieġeb għal dan?

    Biex wieħed jasal għal jekk il-paga li impjegat ġewwa Malta hux aħjar jew għar minn impjegat f’pajjiż ieħor, irid jagħti każ ta’ bosta fatturi oħra. L-akbar indikatur importanti hu dak ta’ kemm impjegat jifdallu fil-but wara li jkunu mnaqqsa t-taxxi u il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għalhekk wieħed irid jħares lejn il-paga netta u mhux lejn il-paga grossa.

    Mhux biss, iżda wieħed irid jara kemm bil-paga netta, persuna tkun tista’ tgħix ħajja komda u taffordja kumditajiet. Inutli li fuq il-karta, impjegat jidher li qed jaqla’ paga ferm ogħla minn impjegat li jaqla’ ġewwa Malta, imbagħad, meta tqis ir-rata ta’ VAT li titħallas f’pajjiżi oħra, li hija iktar ogħla minn dik li titħallas ġewwa Malta, meta tqis kemm jiswa’ it-trasport pubbliku f’dawn il-pajjiżi, kemm jiswew it-tariffi tad-dawl, kemm hi t-tariffa ta’ ħlas fuq il-propjeta li trid tħallas lil-gvernijiet lokali – xi ħaġa li f’Malta ma teżistix, isib li l-pagi li l-ħaddiem Malti jaqla’, twassal lil ħaddiem Malti li  jgħix ħajja ferm aħjar minn bosta ħaddiema li jaħdmu f’pajjiżi oħra u li fuq il-karta jidhru li qed jaqilgħu pagi ferm iktar  ogħla milli jitħallsu f’pajjiżna. 

    F’dan il-baġit reġa’ kien hemm żieda fil-pensjonijiet. Biss fein jidħlu l-pensjonijiet spiss nisimgħu bit-tħassib dwar kemm dawn huma sostenibbli għat-tul. Jidher ukoll li donnu waqfet id-diskussjoni dwar is-sostennibilità tal-pensjoni għall-futur. X’inhuma l-kummenti tiegħek?

    Kull miżura li jdaħħal dan il-Gvern, jidħlu wara li jkun żgurat li l-finanzi pubbliċi jifilħu għaż-żieda finanzjarja u li huma miżuri sostenibbli għax ikun qed jinħoloq ix-xogħol. 

    Biż-żieda fl-attività ekonomika u numru ta’ miżuri li ġew introdotti f’dawn l-aħħar snin, issaħħet kemm is-sostennibilità kif ukoll l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, b’miżuri fiskali, il-Gvern qed jgħin lil dawk l-individwi jew negozji li jagħzlu li jinvestu f’pensjonijiet privati fuq bażi volontarja. Miżuri oħra li daħħal dan il-Gvern kienu intenzjonati sabiex il-ħaddiema jibqgħu attivi billi jipposponi id-data tal-irtirar. Dawn il-miżuri kellhom effett pożittiv hekk kif il-karriera medja f’Malta twalet b’6.1 snin bejn l-2009 u l-2018. 

    Irrid insemmi wkoll, li bħala salvagwardja, il-Gvern illeġisla biex kull ħames snin isir studju fuq l-adegwatezza u s-sostennibilità tal-pensjonijiet f’Malta u Għawdex.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0