Muscat isostni dwar is-sostenibbiltà ta' dan il-gvern... pjan fit-tul se jiggarantixxi għajnuniet lill-familji Maltin u Għawdxin

  • Ott 20, 2019 11:23
  • Miktub minn iNews
"

    “Bil-baġit li tressaq nhar it-Tnejn lill-poplu serraħnielu moħħu għas-sena d-dieħla.”

    Iddikjara dan il-Prim Ministru Joseph Muscat li fisser kif il-baġit hu mibni fuq tliet prinċipji ewlenin.

    Tkellem kif l-ewwel prinċipju hu dak li “nippremjaw lill-familji bieżla Maltin u Għawdxin” u t-tieni prinċipju u li “ngħinu lil min l-iktar għandu bżonn.”

    Dan għax fi kliem il-Prim Ministru li noħolqu l-ġid mhux biżżejjed.

    “Dik nofs it-triq. In-nofs l-ieħor li dak il-ġid jitqassam bejn kulħadd,” enfasizza l-Prim Ministru quddiem folla sabiħa fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk.

    Il-Prim Ministru fisser kif il-baġit huwa eżerċizzju ekonomiku u soċjali.

    “Eżerċizzju soċjali li permezz tiegħu nkomplu nwessgħu u nsaħħu x-xibka li permezz tagħha kull min ikollu bżonn ikollu fuq xix iserraħ,” żied jispjega Joseph Muscat.

    It-tielet prinċipju hu s-sostenibbiltà. “Li dak li nagħtu llum nistgħu nerġgħu nagħtuh is-sena d-dieħla u fis-snin li ġejjin,” saħaq il-Prim Ministru li spjega kif il-gvern irid iżid fuq dak li diġa’ ngħata.

    Fost oħrajn, il-Prim Ministru semma l-miżura tar-rifużjoni tat-taxxa li se terġa’ tingħata u qal li n-nies jistgħu jserrħu minnha fil-baġit li ġej u fil-baġit ta’ wara. Hawn il-Prim Ministru nnota kif il-gvern diġa’ beda jaħdem fuq 65% tal-manifest elettorali u semma kif waħda mill-wegħdi li n-nies ikellmuh dwarha hija t-taxxa fuq l-overtime. “Bdejna nimplimentaw dak li wiegħdna fil-manifest elettorali li gradwalment it-taxxa fuq l-overtime tibda tonqos,” qal il-Prim Ministru li tkellem kif din ħadd qatt m’għamilha qabel u l-gvern irid jara kif se tkun qed taħdem is-sistema. Il-Prim Ministru qal li għalhekk bdiet bl-ewwel mitt siegħa filwaqt li nnota li l-overtime medju ta’ ħaddiem f’Malta hi ta’ 118 –il siegħa fis-sena. It-tieni punt hu li d-dħul irid ikun sa €20,000 u spjega kif fis-snin li ġejjin trid tkompli titwessa fosthom biex tolqot iktar ħaddiema bħal dawk fis-saħħa. Spjega wkoll kif din ma tgħoddx għal min ikun fi gradi maniġerjali u ta spjegazzjoni kif il-gvern ma jridx li s-sistema tkun abbużata kif ġara snin ilu meta l-gvern li ried jagħmilha għalaqha wara ftit xhur.

    Il-Prim Ministru qal li filwaqt li l-gvern ma jridx jilgħab mal-mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja għax maqbul bejn kulħadd ried jindirizza żidiet li ma ġewx riflessi. “Għalhekk dan il-gvern għamel pass li ttieħed biss darba waħda fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna... għidna li l-gvern irrispettivament jekk taħdimx jew le, jekk taħdimx mal-gvern jew il-privat, jekk intx pensjonant jew ħaddiem il-gvern se jagħti bonus ieħor lill-kull familja,” spjega l-Prim Ministru.

    “Illum għandna l-lussu li nitkellmu fuq kemm qed jagħti l-gvern, qabel konna nitkellmu fuq kemm qed jieħu l-gvern. Għax jien fil-verità għadni ma fhimtx x’inhi l-kritika tal-Oppożizzjoni għall-baġit,” qal il-Prim Ministru.

    “Xi trid tikkritika? Il-fatt li għat-tielet sena wara oħra ma żidniex lanqas taxxa waħda?!” staqsa l-Prim Ministru li nnota kif illum in-nies tpoġġi quddiem it-televiżjoni biex tara l-gvern x’se jagħtiha.

    “Dan hu baġit li ħaseb sew fil-ħaddiem,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar kif is-sena d-dieħla l-gvern se jdaħħal fil-privat ukoll il-prinċipju li żewġ ħaddiema fl-istess post jieħdu l-istess salarju, anke jekk ħaddiem hu tal-post u tal-kuntrattur.  

    “Lill-ħaddiema qed nagħtuhom mhux biss flus,” kompla Joseph Muscat li fakkar kif il-familji ngħataw it-tielet ġurnata ta’ leave li ħaddieħor  kien ħadilhom mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn.

    Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif il-pensjonanti se jingħataw €7 fil-ġimgħa, li trid terġa’ tiżdied fis-snin li ġejjin. “Din hi l-ħames żieda li tajna l-pensjonanti. Inqabbluha wkoll mal-25 sena ta’ friża fil-pensjonijiet fejn il-pensjoni ma kinetx titħarrek prattikament xejn ħlief biż-żieda għall-għoli tal-ħajja li għal ħafna snin ma kinetx tingħata kollha,” qal il-Prim Ministru li fisser kif hemm għadd kbir ta’ miżuri oħra għall-pensjonati fosthom żieda fl-għajnuna supplimentari, l-għotja ta’ min baqa’ jgħix fil-komunità u t-trasport pubbliku b’xejn fost oħrajn.

    Il-Prim Ministru żied li il-gvern estenda wkoll l-iskema tal-first time buyers u ħabbar li se jkun hemm skema għal min m’għandux l-10% imfaddla. “Ħriġna bi skema, se nħabbru d-dettalji, b’mod li ma jkunx hemm abbużi,” qal il-Prim Ministru li spjega l-prinċipji ta’ din il-miżura fosthom li fuq is-self tal-għaxra fil-mija ma jitħallasx imgħax. Il-Prim Ministru qal li miżura bħal din hi li familji ġodda li qed jonfqu flus fuq il-kera jkunu mgħejjuna mill-gvern fil-bidu u dik il-kirja li diġa’ jaffordjaw jonfquha biex fl-aħħar tal-proċess ikollhom id-dar tagħhom. Għajnuna oħra lill-familji l-ġodda bl-għotja ta’ €300 għal kull wild.

    Hawn il-Prim Ministru tkellem kif dawn iridu jkunu deċiżjonijiet sostenibbli fejn in-nies jafu li dawn il-miżuri jibqgħu jitgawdew. Fost il-miżuri favur is-sostenibbiltà hemm dawk marbuta mat-tibdil fil-klima fosthom it-tħabbir tad-data għal meta f’pajjiżna jibdew jiġu importati biss karozzi elettriċi. Il-Prim Ministru spjega kif irridu nbiddlu ċerti attiduni u hawn irrefera għall-miżuri li jitneħħa l-użu tas-single use plastic. “Din is-sistema ta’ kif se naħdmu għall-futur,” kompla l-Prim Ministru li tkellem dwar miżura biex ikunu mgħejjuna tal-ħwienet biex huma wkoll jagħmlu bidla fil-mentalità biex bniedem jieħu kontenituri miegħu għand tal-ħanut. Bħalma se tidħol il-miżura li flixken minflok tgħaffiġhom u tarmihom fiż-żibel jintefgħu f’kaxxa biex tieħu rifużjoni. “Irridu niġbru lura mill-inqas 70%... huwa mod ta’ kif insalvaw l-ambjent tagħna. Huwa mod ta’ kif insiru iktar sostenibbli,” spjega l-Prim Ministru.

    Joseph Muscat tenna li l-pjan tal-gvern hu l-manifest elettorali li sa issa beda x-xogħol fuq 65 fil-mija minnhom u qal li permezz ta’ baġit bħal ta’ din is-sena, il-familji jserrħu moħħhom għal din is-sena u s-sena d-dieħla.  “Jekk nibqgħu magħqudin inkomplu nikbru flimkien,” temm il-Prim Ministru.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0