Il-kwalità tas-saħħa f’Malta fost l-aqwa fl-Ewropa

  • Ott 20, 2019 10:04
  • Miktub minn iNews
"

    Il-kwalità ta’ saħħa li jgħix il-poplu Malti u Għawdxi hija fost l-aqwa li jgawdu l-popli tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u taqbeż il-medja reġistrata tant li tikkompara sewwa mal-uniċi żewġ postijiet qabilna – ir-Renju Unit u l-Isvezja. Il-medja ta’ punti hija ta’ 88.1 minn 100 b’Malta tirreġistra ċ-ċifra ta’ 90 punt.

    Dan jirriżulta mill-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2019 pubblikat fil-jiem li għaddew. 

    Fir-rigward ta’ saħħa l-Indiċi jibbaża l-istħarriġ tiegħu fuq tliet fatturi, l-istatus tas-saħħa, kif wieħed iħares lejn saħtu, it-tul ta’ ħajja, u s-snin ta’ ħajja f’saħħitha; il-mod kif jaġixxi l-individwu, bħalma huwa tipjip u konsum ta’ alkoħol, konsum ta’ frott u ħaxix u attività fiżika; u l-aċċess għall-ħtiġijiet mediċi, jekk l-individwu kellux aċċess għall-ħtiġijiet mediċi u dentali.

    Jirriżulta li fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea n-nisa jgħixu aktar mill-irġiel, madankollu jkollhom snin itwal ta’ mard. L-età li mistennija tilħaq tifla li twieldet fl-Unjoni Ewropea matul is-sena 2017 hija ta’ 84 sena komparata mal-età ta’ 78 sena li mistenni jilħaq tifel li twieled fl-istess sena. Min-naħa l-oħra n-nisa jqattgħu medja ta’ 19-il sena b’saħħa batuta komparati ma’ 15-il sena għall-irġiel. Bħala perċentwali dan jirrifletti li 77% tan-nisa u 81% tal-irġiel jqattgħu ħajjithom b’saħħithom.

    L-istatistika turi wkoll li bħala medja kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jgħaddu ħajja b’saħħithom sal-età ta’ 64 sena, li jfisser 2.8 snin aktar għan-nisa u 3.6 snin  aktar għall-irġiel fuq kif kienet is-sitwazzjoni fl-2005 u ta’ disa’ xhur aktar milli kienet riflessa fl-indiċi tas-sena 2017. Malta taqbeż sewwa din il-medja u tqarreb lejn l-età ta’ 75 sena.

    Fir-rigward ta’ aċċess għall-ħtiġijiet mediċi l-medja għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea hija għolja, tant li tilħaq 97% kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel ma rrapportawx nuqqas ta’ aċċess tali. Madankollu  jirriżulta li f’uħud mill-pajjiżi l-aċċess għal persuni b’diżabilità huwa inqas. Malta, flimkien ma’ Spanja, l-Awstrija u l-Ġermanja huma l-pajjiżi fejn nisa b’diżabilità rrappurtaw li l-aċċess tagħhom huwa simili għal nisa mingħajr diżabilità.

    Mitluba r-reazzjoni tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għal dan ir-Rapport huwa qal li “huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li nikklassifikaw b’dan il-mod fejn jirrigwarda s-servizzi tas-saħħa u aktar u aktar fejn ma teżisti ebda diżugwaljanza bejn is-sessi. Filwaqt li nevita li nkun partiġġjan fejn jidħol qasam daqstant importanti bħalma hija s-saħħa, imma ma nistax ma nirrimarkax li tul dawn l-aħħar snin għamilna avvanzi kbar f’dan il-qasam, avvanzi fejn jirrigwarda provvista ta’ mediċini u kwalità ta’ servizzi li jingħataw mill-Isptar Mater Dei u l-enfasi li qegħdin nagħmlu fid-diċentralizzazzjoni tal-istess servizzi lejn il-komunità. Għalhekk ir-rinovar taċ-Ċentri tas-Saħħa, għalhekk il-programm estensiv għar-rinovar u l-attrezzar bil-kbir tal-bereġ li għandna mal-pajjiż kollu u li sfortunatament kienu ilhom snin twal abbandunati. Irridu inwasslu s-servizzi mediċi kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin għal aktar kumdità mingħajr detriment għall-effiċjenza. Dan kollu nistgħu nagħmluh grazzi għas-sehem ta’ kull wieħed u waħda involuti fil-qasam tas-saħħa, mill-ogħla sal-inqas. U hekk se nkomplu nagħmlu, kif wara kollox jixhed il-Baġit għas-sena 2020 li tressaq nhar it-Tnejn li għadda.”

    L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi huwa għodda li jkejjel il-progress tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea, li ġie żviluppat mill-Istitut għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE). L-indiċi għandu sitt oqsma ewlenin: ix-xogħol, il-flus, l-għarfien, iż-żmien, il-poter u s-saħħa, u żewġ oqsma addizzjonali: il-vjolenza kontra n-nisa u l-inugwaljanzi inkroċjati. Jagħti viżibilità akbar lil oqsma li jeħtieġu titjib u finalment isostni lil dawk li jfasslu l-politika biex jippjanaw miżuri aktar effettivi relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi.

    L-Indiċi juri wkoll id-diversi realtajiet li jiffaċċjaw gruppi differenti ta’ nisa u rġiel. Jeżamina kif fatturi bħad-diżabilità, l-età, il-livell ta’ edukazzjoni, il-pajjiż tat-twelid u t-tip ta’ familja, jikkoinċidu ma’ kwistjonijiet ta’ ġeneru biex joħolqu perkorsi differenti f’ħajjet in-nies. Għall-ewwel darba, l-Indiċi jenfasizza s-sitwazzjoni tal-persuni LGBTQI+ u tan-nisa Rom u Musulmani f’żoni fejn l-istatistika hija disponibbli.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0