“Inżommu bilanċ bejn li nuru solidarjetà, filwaqt li nibżgħu għall-Maltin”

  • Ott 20, 2019 08:55
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Il-Membru Parlamentari Laburista, Robert Abela jemmen li fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni għandU jinstab bilanċ bejn il-prinċipju tas-solidarjetà mal-vittmi tal-immigrazzjoni, filwaqt li jinżamm ir-rispett lejn il-Maltin li wara kollox qegħdin jospitaw lill-immigranti f’pajjiżhom. 

    F’intervista ma’ dan is-sit, Robert Abela beda billi spjega li mhux faċli li wieħed jikteb dwar dan is-suġġett għax mal-ewwel jiġi kkritikat li hu razzist. Filwaqt li sejjaħ din il-kritika bħala populista, hu għamilha ċara li hu kontra kull element ta’ razziżmu għax dan ibaxxi d-dinjità tal-bniedem. 

    Dwar il-kwistjoni, Abela qal li rridu nitilqu mill-punt li nifhmu li l-maġġoranza ta’ dawn in-nies huma fil-bżonn. Għalhekk qal li hu importanti li nuru solidarjetà. Fejn imbagħad jidħlu immigranti ekonomiċi, li jiġu hawn biex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom, hu qal li dwar dawn għandu jkollna pożizzjoni differenti. Però, sostna li hu importanti li nagħrfu lil dawk li ġew għax f’pajjiżhom għaddejjin minn persekuzzjoni u allura ħarbu għax qegħdin jirriskjaw ħajjithom. 

    Fl-istess waqt, Abela qal li rridu nikkonsidraw id-daqs żgħir u limitat ta’ pajjiżna. Qal li ma nistgħux nitgħabbew b’piż li hu akbar milli nifilħu, filwaqt li saħaq li l-Unjoni Ewropea kull darba qiegħda titfa’ din il-problema taħt it-tapit. Spjega li konferma ta’ dan hu l-fatt li dejjem tiddeċiedi każ b’każ, fejn ħadd ma jaf x’se jiġri l-għada u bil-konsegwenza li l-pajjiż qed jerfa’ iżjed milli jiflaħ. 

    Rigward l-irvellijiet li seħħew riċentament, Abela qal li dawn mhumiex affarijiet sbieħ. Sostna li minkejja li dawn in-nies huma fil-bżonn, fl-istess ħin iridu jifhmu li qegħdin jiġu ospitati f’pajjiż li wera solidarjetà. Qal li mhux sew li jsiru dawn l-irvellijiet, bis-sogru li jweġġgħu anke l-uffiċjali tas-sigurtà. Filwaqt li jifhem li dawn l-immigranti jkunu ilhom żmien twil f’detenzjoni, però lanqas mhuma intitolati biex jagħmlu straġi. Qal li fl-aħħar mill-aħħar mhux tort tal-Maltin li jinsabu f’dik is-sitwazzjoni u l-Maltin qegħdin jagħmlu l-aħjar li jistgħu fil-limitazzjonijiet li għandhom. 

    Robert Abela stqarr li dak li jdejqu hi l-iskumdità li qiegħda tinħass fost il-Maltin minħabba dawn l-irvellijiet u wisq aktar minħabba dak li qed jiġri fit-toroq. Qal li hu importanti li niffokaw fuq dan, filwaqt li stqarr li qed jirċievi ħafna imejls dettaljati minn Maltin mill-Marsa, mill-Ħamrun u nħawi oħra, li qegħdin juru tħassib reali li ma jistax jinjorah. Qal li dak li qed jgħidulu mhux gideb, iżda dak li qed jgħaddu minnu kuljum. Qal li dawn huma realtajiet u jekk ma nammettuhiex li hemm Maltin li qegħdin iħossuhom skomdi u insiguri, allura nkunu qegħdin nagħmlu għamad ma’ għajnejna. 

    Il-membru parlamentari qal li b’mod immedjat irridu nagħmlu restrizzjonijiet fuq id-dħul ta’ immigranti f’pajjiżna, fejn ma tkunx sitwazzjoni ta’ ‘free-for-all’. Saħaq fuq il-bżonn li niċċekkjaw min jidħol f’pajjiżna, filwaqt li għandhom jiżdiedu l-Pulizija fit-toroq. Spjega li dan il-pass kellu effett pożittiv fil-Marsa, hekk kif malli żdiedu l-Pulizija fit-toroq, in-nies ħassewhom inqas skomdi minħabba l-konċentrazzjoni ta’ immigranti fl-inħawi. Abela qal li mhux isir biżżejjed fir-rigward u dan b’mod ġenerali fil-pajjiż kollu. Qal li din mhix kwistjoni ta’ karnaġġjon, iżda ta’ kulturi varji. Filwaqt li sostna li mhux ħażin li tgħix f’kultura kożmopolitana, min-naħa l-oħra min jgħix Malta jrid jirrispetta l-kultura tagħna. 

    Bħala eżempju semma kif meta tmur f’ċerta pajjiżi tad-dinja Għarbija, int trid taddatta għall-kultura tagħhom u jekk le jkollok il-problemi. Qal li bħala pajjiż aħna għandna kultura ta’ poplu faċli u hu faċli tgħix mal-Maltin. Però, spjega li qed jiġu nies b’kulturi estremi, li jew jintefgħu jiskru fit-toroq, oħrajn jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom barra u dan qed ipoġġi lill-Maltin fi skumdità, jew iġegħelhom iħossuhom priġunieri f’darhom. Qal li dan mhux aċċettabbli, aktar u aktar meta qegħdin nospitaw lil dawn in-nies f’pajjiżna. Għalhekk saħaq fuq il-bżonn ta’ bilanċ bejn li turi solidarjetà, filwaqt li tibża’ wkoll għall-Maltin. Bħala deputat Malti, hu qal li l-ewwel prijorità għalih hu l-poplu Malti u l-bżonnijiet tiegħu. 

     

    Mistoqsi dwar il-bżonn ta’ politika ta’ integrazzjoni, biex iż-żewġ naħat jifhmu aktar lil xulxin, Robert Abela qal li hu jemmen ħafna fl-integrazzjoni, għax jista’ jkun li l-Maltin u l-immigranti qatt ma jsiru jafu lil xulxin u allura jibqgħu bid-dubju. Għalhekk spjega kif ix-xogħol jgħin ħafna f’dan ir-rigward peress li jqattgħu l-ħin flimkien. 

    Madankollu, Abela qal li xorta tibqa’ l-kwistjoni ta’ nies li ġejjin minn kulturi differenti u għalhekk biex jintegraw mhix faċli. Qal li l-punt tat-tluq għandu jkun li jiġi aċċettat li mhux il-Maltin iridu jaġġustaw, iżda min ikun mistieden f’pajjiżna. Min-naħa l-oħra, il-Malti jrid jifhem ċerta użanzi tal-kulturi differenti u ma jibżax minnhom. Żied ukoll li l-barrani jrid jaddatta u jkun flessibbli, bħalma nagħmlu aħna meta nsiefru. Semma eżempju b’Dubaj, fejn minkejja li jħaddan kultura kożmopoitana u liberali, xorta hemm affarijiet li trid toqgħod attent li ma tagħmilhomx. 

    Abela qal li hu jaħseb li dan hu dak li qed jgħidu l-Maltin; ma jridux li joqogħdu f’bozza, iżda li min jidħol f’pajjiżhom jaddatta għall-kultura tagħhom. Qal li Malta pajjiż mill-isbaħ biex tgħix fejn għandna ħafna libertajiet u sigurtà. Għalhekk qal li mhix talba daqstant kbira li jintleħaq bilanċ u jkun hawn rispett lejn il-Maltin. 

    Gvern Soċjalista li jrid jgħin lill-batut

    Intant, inewsmalta staqsiet ukoll lil Robert Abela dwar it-tmexxija tal-Gvern u l-mod kif qed jgħin lil min hu batut. Hu spjega li l-ewwel trid tara minn fejn tlaqna fl-2013. Qal li faċli llum ngħidu x’seta’ sar, jekk ninsew minn fejn bdejna. Spjega li s-sitwazzjoni kienet waħda fejn il-muturi prinċipali tal-ekonomija, fosthom il-kostruzzjoni, kienu staġnati. Qal li minkejja li l-kostruzzjoni mhix dik li ċċaqlaq l-ekonomija, xorta hi kontributur importanti. Rigward is-settur, Abela qal li kien hemm staġnar, bl-awtorità tal-ippjanar li kienet qisha fi ġlieda magħha nnifisha jew mal-iżviluppaturi. Stqarr li hu li kien jaħdem hemm, kien jara ċerta affarijiet u ma kienx ikun jista’ jispjegahom, filwaqt li sostna li l-industrija tal-kostruzzjoni kienet tinsab fl-ITU. 

    Abela qal li dan kellu effett sekondarju fuq l-ekonomija, li minkejja li ma kinitx staġnata, xorta kienet kajmana. Spjega kif fi ftit xhur fl-2013, pajjiżna ħa spinta ‘l fuq u spara. Qal li dan kien dovut anke għas-settur tal-kostruzzjoni, għax l-awtorità tal-ippjanar bla ma messet il-pjan lokali u bla ma bidlet ir-regoli, bdiet taħdem b’mod aktar raġonevoli fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet. Qal li dan ta ħafna kuraġġ u pajjiżna beda miexi ‘l quddiem. Fost l-oħrajn, semma l-bidla fil-liġi u fil-‘height relaxation’ li permezz tagħha l-lukandi setgħu jibnu sular ieħor. Qal li din għamlet differenza kbira. 

    Robert Abela qal li meta tela’ dan il-Gvern kellu żewġ prijoritajiet, li hu jaqbel magħhom. L-ewwel waħda kienet li nindirizzaw il-kwistjoni tad-dejn nazzjonali u t-tieni li nistimulaw l-ekonomija billi tiġi imbottata l-klassi ta’ fuq, jiġifieri n-negozjanti u l-iżviluppaturi li jagħmlu l-investiment u jissograw il-miljuni. Qal li ma rridux nagħmlu l-iżball li noħolqu xi antipatija jew biża’ mill-klassi tan-negozju għax huma l-mutur li jmexxu l-pajjiż ‘il quddiem. Spjega li hu vera li l-gvern jagħti l-prinċipji ġenerali, iżda mbagħad tkun il-klassi tan-negozju li tmexxi l-pajjiż ‘il quddiem. Qal li proprju hekk sar, għax in-negozju rreaġixxa għall-istomulu tal-gvern u mxejna ‘l quddiem. 

    Dwar is-sitwazzjoni tal-lum, Robert Abela qal li għadna għaddejjin b’politika tas-snin preċedenti, li minkejja li għadha rilevanti, għandha bżonn ftit tibdil. Qal li l-klassi ta’ fuq baqgħet tikber, toħloq il-ġid u anke żdiedu modi ġodda kif noħolqu l-ġid. Fosthom semma l-programm tal-bejgħ taċ-ċittadinanza b’investiment. Qal li anke jekk tinsa l-kontribut finanzjarju sostanzjali li jħallsu l-applikanti u l-proċess serju ta’ ‘due diligence’ li jgħaddu minnu, l-effett sekondarju tiegħu qed iwassal biex pajjiżna jitla’ f’livell ogħla. Semma kif il-kwalità ta’ nies li ġew, l-investimenti li għamlu, u l-kwalità ta’ nies oħra li ġabu f’pajjiżna huma ta’ ġid kbir. Għalhekk qal li mhux sew li nċappsu lil min kiseb iċ-ċittadinanza bħala xi kriminal jew xi ħadd li ġie jaħsel il-flus. Qal li dan ikun l-agħar żball li nagħmlu u nħossuh jekk inweġġgħu l-programm bħalma diġà qed jiġri. Spjega li ċerti manuvri ta’ ħsara jħallu għafsiet fil-programm u b’dan il-mod inkunu qed nisparaw lejn saqajna. Hu qal li permezz ta’ dan il-programm qed jiġi mgħejjun anke ż-żgħir u bil-flus tal-programm qed isir l-investiment fl-infrastruttura. 

    Abela qal li l-ekonomija baqgħet tissaħħaħ u għad fadlilha ħafna x’tagħti. Għalhekk qal li ma jemminx lil min qed ibeżża’ li kollox se jibda jmur lura. Qal li lanqas l-industrija tal-kostruzzjoni mhi se tmur lura. Sostna li dak li ġara fil-kostruzzjoni kien ftit tnaqqis minn meta mqabbel mat-tkabbir enormi li sar fl-aħħar sentejn. Dan ma jistax jibqa’ għaddej għal dejjem. 

    Filwaqt li l-ekonomija mistennija tkompli tikber, Abela staqsa kemm minn dan il-ġid qed jasal għand il-klassi medja u aktar ‘l isfel. Filwaqt li ma jħossx li l-Gvern falla, min-naħa l-oħra jistqarr li fadal ħafna xi jsir. Qal li l-ġid irid jinżel aktar ‘l isfel, għax fir-realtajiet tal-lum għandek żgħażagħ li jiggradwaw u jidħlu għax-xogħol b’salarju tajjeb, iżda meta jiġu biex jixtru dar għax ikunu se jiżżewġu hemm jibdew bil-problemi. Sostna li anke persuni gradwati jsibu diffikultà minħabba li l-banek huma riġidi fis-self u minħabba l-prezzijiet tal-proprjetà li dejjem jiżdiedu. Qal li aħseb u ara kemm tikber il-problema għal min għandu xogħol bi qligħ wisq inqas jew inkella min għandu paga minima. Qal li hemm il-problema tisplodi u hemm fejn il-Gvern għandu jikkonċentra. Semma wkoll lil min ikollu jikri u qed iħallas bejn €600 u €800 fix-xahar kera. B’hekk parti kbira tal-paga tmur fil-but ta’ sid il-kera u dawn in-nies qatt ma jinvestu xejn. Barra minn hekk, qed jifdlilhom biss ftit flus biex jgħixu u allura qed ibatu.  

    Id-deputat Laburista qal li r-realtajiet li qed jesperjenza fit-toroq huma li diversi nies qed jispiċċaw jgħixu mal-ġenituri tagħhom, inkella jissallbu fejn jistgħu. Għalhekk qal li hu proprju hemm li jrid jiffoka l-Gvern,  għalkemm is-soluzzjonijiet mhumiex daqstant faċli. 

    Min-naħa l-oħra, Robert Abela qal li hemm modi fejn il-Gvern jista’ jgħin aħjar. Semma fost l-oħrajn kif fi proġetti kbar, fejn qabel il-Gvern kien qed jinċentiva biex jistimola lis-settur, illum m’għadx hemm bżonn għax is-settur ħarab waħdu. Qal li r-realtà hi li għandek klassi tan-negozju li jgħidu li qatt ma raw profitti u bejgħ bħal-lum. Filwaqt li sostna li dan hu tajjeb u essenzjali li jibqa’ għaddej b’mod sostenibbli, fl-aħħar mill-aħħar ma ma rridux naħilbu kollox f’daqqa iżda nqassmuh fuq tul ta’ żmien. Qal li dak hu l-għaqal, filwaqt li sostna li fir-realtà kellna ċerta regħba u ħtif minn ċerta setturi li riedu biss jiġbdu lejhom u jaraw kif se jaħtfu aktar fl-iqsar żmien possibbli. Għal Abela din hi l-problema u l-kritika tiegħu f’ċerta setturi bħall-iżvilupp hi l-ħtif ta’ bejniethom biex jaraw li jieħdu iżjed minn ħaddieħor.  

    Għalhekk qal li l-funzjoni tal-Gvern trid tkun waħda li jekk ikun ġej proġett kbir ta’ żvilupp fuq art tal-Gvern, l-ewwel nett irid iġib il-valur ta’ flusu. Spjega li jekk ikun hemm proprjetà f’żona ewlenija, il-Gvern ma jistax ibigħha bi prezz li fis-suq ma jagħmilx sens. Qal li l-Gvern irid jibda jaħseb fuq linji kummerċjali bil-proprjetà tiegħu. Fejn fl-2013, 2014 u anke fl-2015 forsi kien jagħmel sens li jekk jittrasferixxi proprjetà tiegħu għal proġett se jnaqqas il-prezz liberu biex jistimola l-investiment, illum Abela jgħid li hu kważi l-kontra. Jisħaq li l-Gvern irid jara li mill-proprjetà tiegħu jieħu l-massimu li jista’, filwaqt li joqgħod attent li ma jgerrex lil ħadd. 

    Abela jgħid li l-ewwel nett il-Gvern għandu jagħmel dan għax hi proprjetà tal-poplu. Barra minn hekk, mill-flus li jaqla’ jkun jista’ jinvesti f’aktar akkomodazzjoni soċjali. Abela ġab ukoll eżempju ieħor b’art tal-Gvern jew tal-privat fejn ikunu se jinbnew numru ta’ appartamenti. Spjega li l-awtorità tal-ippjanar tkun lesta li tagħti permess għal żvilupp aktar minn dak permessibbli. Abela qal li l-Gvern għandu jisfrutta din il-ħaġa biex joħorġu aktar appartamenti, iżda fl-istess waqt jara x’se jagħti lura l-iżviluppatur. 

    Min-naħa tal-iżviluppaturi, Abela qal li ma nistgħux inkomplu bil-prinċipju li ġġib ‘l hawn u ma tmurx ‘l hemm. Qal li sfortunatament sal-lum, dak kien il-prinċipju, fejn dawn ġibdu lejhom art pubblika, imma ma taw xejn lura. Semma wkoll episodji fejn art pubblika marret bi prezz li seta’ kien aħjar. Għalhekk saħaq fuq il-bżonn li l-Gvern jagħsar iżjed, mhux biex jagħsar lill-iżviluppatur, imma biex minn dawk il-flus jinvesti f’akkomodazzjoni soċjali. Bħala eżempju qal li jekk l-iżviluppatur jibni dawn l-20 appartament żejda, allura għandu jagħti parti minnhom lill-Gvern ħalli jintużaw bħala akkomodazzjoni soċjali.  

    Robert Abela qal li l-Gvern għandu jitlaq mill-potenzjal tal-iżvilupp ta’ art pubblika u jimmassimizzawh. Jekk żviluppatur juri x-xewqa li jiżviluppa art b’mod li joħroġ iżjed, allura għandna nkunu flessibbli ħalli minn dak li jintrebaħ ammont imur għand il-Gvern u jkun jista’ jipprovdi akkomodazzjoni soċjali tal-ogħla kwalità. Abela ħeġġeġ biex jiġu esplorati dawn il-mudelli ġodda, filwaqt li qal li l-punt tat-tluq għandu jkun li naħsbu bi prinċipji soċjalisti.

    “Bla biża’ ngħidu li aħna soċjalisti” 

    Intant, tkellimna wkoll ma’ Robert Abela dwar il-moviment Laburista li nħoloq fl-2013. Filwaqt li qal li jaqbel miegħu, min-naħa l-oħra ċċara li jaqbel mal-mod kif kellu jkun u mhux neċessarjament kif saret il-metamorfosi tiegħu fl-aħħar xhur jew snin. Spjega li l-moviment kien ifisser li ma tiddistingwix bejn persuni li jħaddnu prinċipji Laburisti u dawk bi prinċipji Nazzjonalisti. Flimkien magħhom ingħaqdu l-prinċipji tal-ugwaljanza u opportunitajiet indaqs mingħajr diskriminazzjoni ma’ min hu Nazzjonalist ġenwin. Qal li allaħares kieku llum kellna mmorru lura minn dan, iżda bl-istess mod qal li lanqas m’għandhom jiġu żvantaġġjati l-Laburisti, bl-iskuża li dawn dejjem mal-Partit Laburista u allura jistgġu jintesew. Abela qal li jekk dan jiġri jkun żball enormi. 

    Dwar il-moviment, hu qal li kien prinċipju ideali li jibqa’ jsus fuqu. Qal li hu bħala persuna ma jagħmilx distinzjoni bejn Nazzjonalisti ġenwini u Laburisti ġenwini. Għalhekk jistqarr li bħala prinċipju ħadem u allaħares immorru lura lejn il-kultura ta’ aħna u huma.  

    Madankollu, qal li sfortunatament kien hemm min kellu ħsieb li jaqleb il-prinċipji tal-moviment biex ikun hemm grupp ta’ xi għaxra min-nies li jikkontrollaw kollox huma. Qal li ħafna minn dawn faqqsu wara l-2013 u ħassew li kellhom ikunu privileġġati. Sostna li din il-ħaġa m’għandhiex tiġi aċċettata għax dawn in-nies ma jemmnux fi prinċipji soċjalisti. Għalhekk qal li jekk bħala partit mhux se jrażżan dan l-element, allura se jtellef milli l-moviment ikun kif intenzjonat, jiġifieri li jkun fih Laburisti u Nazzjonalisti ġenwini, nies tax-xogħol, nies li jridu jimxu ‘l quddiem b’onestà u nies li jħaddmu l-prinċipju tar-rettezza. Abela qal li ma rridux nistħu ngħidu li aħna Soċjalisti, li nħaddnu l-prinċipji tal-onestà u li aħna retti. Sostna li dawn huma l-valuri li rridu nimxu bihom. Qal li bħala partit m’għandu qatt jitbiegħed mill-għeruq politiċi tiegħu u sostna li hu qatt mhu se jaċċetta li jkun hemm Laburisti li jiġu mwarrba jew jintesew.

    “Kuntent bil-fiduċja li wera fija l-Prim Ministru”

    Rigward il-ħatra fuq il-kumitat parlamentari għall-ħatriet pubbliċi, Robert Abela qal li din mhix kariga faċli iżda ħa pjaċir bil-fiduċja li reġa’ wera fih il-Prim Ministru Joseph Muscat. 

    Abela qal li jaħdem ħafna viċin tiegħu u sostna li fadallu ħafna x’jitgħallem minnu. Stqarr li jemmen ħafna fil-Prim Ministru u fil-kwalitajiet tiegħu, l-iktar dik li ssibu hemm fil-mument tal-bżonn. Abela qal li meta tara dik il-ġenwinità tkun lest taqbeż għalih fin-nar. Il-fatt li l-Prim Ministru seta’ ħatru ċermen ta’ diversi kumitati, iżda ħatru proprju fuq dan fissret ħafna għalih għax hu kumitat li l-prinċipju warajh hi l-governanza tajba.  

    Abela qal li l-Gvern ma kienx obbligat li jagħmel dan il-kumitat, iżda ħass li kellu jiskrutinja diversi karigi li joħorġu mill-Public Administration Act, fosthom ambaxxaturi, ċerpersins ta’ entitajiet u karigi oħra. Spjega li hemm skeda li tistabbilixxi liema karigi jiġu skrutinati, għalkemm qal li jixtieq li titwessa’. Hu qal li din kienet inizjattiva tajba u l-fatt li l-Gvern għamilha u jista’ jagħmel ċerta domandi antipatki anke dwar il-ħajja personali ta’ individwu jgħinu biex ma jkunx hemm kunflitti fil-kariga pubblika. Spjega li l-kumitat jista’ anke ma japprovax persuna. 

    Abela qal li jekk persuna jkollha kwistjoni biex tidħol f’kariga, aħjar tinqala’ quddiem il-kumitat u tiġi indirizzata hemm, milli mbagħad ikun hemm xeba’ imbarazzament jekk tinħatar. Abela qal li anke l-Oppożizzjoni wriet koperazzjoni dwar dan il-kumitat li fih isir ħafna xogħol siewi.  

    Abela qal li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ kwistjoni ta’ governanza u tmexxija tajba, kontabilità u trasparenza. Għalhekk jemmen li għall-futur irridu nisħqu fuq dawn il-prinċipji b’mod ġenerali fil-pajjiż u mhux biss f’dan il-kumitat. Għalhekk qal li rridu nżewġu t-tkabbir ekonomiku li mingħajru kollox iċedi, flimkien ma’ tmexxija fuq il-valuri l-antiki li jibqgħu l-bażi tal-Partit Laburista. Semma fost l-oħrajn il-mobbiltà soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u l-għaqda nazzjonali, li sejħilhom il-boxxla tal-Partit Laburista li jingħaqdu mal-onestà, l-integrità u l-indafa fil-politika. Qal li hu jaħseb li jekk il-Gvern jimxi b’dan il-mod, il-Partit Laburista u dan il-moviment għandhom ħafna u ħafna snin oħra fil-Gvern jagħmlu l-ġid. 

    Fuq kollox, il-membru parlamentari Laburista qal li hu jrid joħroġ mill-Parlament u kif iħares lura jgħid li bil-ħidma tiegħu u ta’ sħabu l-pajjiż tela’ ħames tarġiet ‘il fuq. Qal li l-Partit Laburista sab pajjiż li ma kienx mhux ħażin u tellajnieh f’livell ta’ eċċellenza. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0