“Id-dritt li jara t-tfal jużah biex jaħqar lill-mara”

  • Ott 19, 2019 12:05
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Il-Monsinjur Charles Cordina, Vigarju għall-Ħidma Soċjali għall-Knisja, qal li għad irridu niskopru ħafna dwar il-vjolenza domestika f’pajjiżna. “Jien nemmen li min jipproponi, hemm bżonn li jaraw u jifhmu f’liema sitwazzjoni ssib ruħha l-mara u anke t-tfal fejn hemm problemi ta’ vjolenza domestika. Minn hemm irridu nibdew. Hemm bżonn naraw kemm ikunu qegħdin ibatu dawn il-vittmi. Dawk li jagħmlu l-liġijiet u anke fil-qorti, qabel jaraw u jisimgħu dawn l-esperjenzi, ma jistgħux jifhmu minn x’hiex dawn ikunu qegħdin jgħaddu. Il-ħażin jipprova jimmanipulak. Jipprova juri faċċata u tifhimha li dak li jkun meta se jitkellem quddiem qorti, quddiem ġustizzja u quddiem pulizija, se juri faċċata oħra. Imma inti ma tafx il-persuna l-oħra kemm qiegħda tbati,” sostna dan il-qassis.

    Fr Cordina ssuġġerixxa li min ifassal il-liġi u l-policies, irid ikun fehem is-sitwazzjoni ta’ min qiegħed ibati ħalli mbagħad ikun jista’ jadattahom għal dawn is-sitwazzjonijiet għax inkella dawk li jkunu qegħdin ibatu jkunu fi żvantaġġ b’konsegwenza li jibqgħu jbatu. 

    “Meta tmur fix-xelters tal-vjolenza domestika tara ħafna minn dawn in-nisa u vera titħassarhom. Il-ħin kollu jagħmlu wiċċhom man-nies, jiġru ‘l hemm u ‘l hawn u jqabbdu l-avukati. Issa din il-miskina la tista’ taħdem, għax ikollha tarbija u fl-istess ħin ikollha tħallas flejjes kbar. Mhux ċajta. Jiġifieri dawn vera titħassarhom u nistaqsi, x’iridu jagħmlu dawn biex jiġu fuq saqajhom u jsibu lilhom infushom?” kompla l-qassis.

    Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-vjolenza domestika f’Malta, huwa qalilna li din hija realtà serja ħafna għax il-mara qiegħda tbati wisq. “Mhux ta’ b’xejn il-Malti jgħid li r-raġel bandiera bajda. Il-mara ħafna drabi, anke l-bagalja tagħha, mhux biss ta’ waħidha, imma jkollha t-tfal u biex tirkupra lilha nnifisha iebsa ħafna mentri r-raġel ma jkollux din il-problema,” qal Fr Cordina.

    Dan ir-reliġjuż qal li fil-ħidma soċjali tiegħu għall-Knisja jara ħafna sitwazzjonijiet iebsa fejn ir-raġel jibqa’ jippersegwita lill-mara u jibqa’ jagħmlilha ħajjitha diffiċli, jekk mhux infern. “Din mhix sitwazzjoni faċli. Il-liġi hija liġi u jekk dan għandu dritt, għandu dritt… imma fl-istess ħin dak id-dritt fuq it-tfal ikun qiegħed jużah biex jaħqarha,” qal b’dispjaċir. 

    Il-Vigarju kellu każ ta’ omm li r-raġel tagħha, biex iweġġgħaha, ivvinta li kellha sieħeb u xewwex lit-tifel kontra ommu . “Issa din l-omm tinsab verament imbikkma għax it-tifel qiegħed jgħajjarha b’dak li mlieh missieru. Din miskina qiegħda f’xelter. Niskanta għax hemm drabi fejn avolja t-tfal jaraw lil ommhom imsawta u maħqura, xorta jagħżlu li jmorru ma’ missierhom u dan kollu għax jikkuntentahom f’kollox. Issa, fil-każ tas-subien dawn suppost ikunu aktar marbuta ma’ ommhom imma sorpretendement… minkejja dan kollu, jagħżlu lill-missier għax jilgħab bihom bl-affarijiet materjali, mentri l-omm iżommilhom id-dixxiplina. Ir-raġel jagħmel dan sempliċiment biex jinki lill-mara,” sostna Fr Cordina. 

    Huwa qal li din hija problema li qiegħda taffettwa ħażin ħafna lit-tfal għax qegħdin jispiċċaw fin-nofs f’etajiet vulnerabbli. “Din hija wkoll turija tal-individwaliżmu fejn bniedem mhux kapaċi lanqas iħoss għall-mara li ġabitek fid-dinja meta taraha tbati hekk u ma tagħmilx dik il-qabża. Dan kollu biex jieħu dak li jrid mingħand il-missier,” qal imħasseb dan il-qassis. 

    Min-naħa l-oħra Fr Cordina semma’ li hemm ukoll ħafna missirijiet li jaħdmu ħafna għall-familja, iżda wissa li qiegħda tinħoloq problema oħra, fejn qal li, “meta l-irġiel jagħmlu sigħat sħaħ ix-xogħol, ma jindunawx li fl-aħħar mill-aħħar uliedhom għandhom bżonn lilhom u l-imħabba tagħhom aktar milli l-flus li jaqilgħu”. 

    Fr Charles Cordina spjega li r-raġel fil-kunċett tiegħu hu li juri l-imħabba tiegħu billi jipprovdi lit-tfal dak kollu li għandhom bżonn materjalment, imma mhux lilu nnifsu fil-kwalità tal-ħin tiegħu u l-imħabba tiegħu, mentri l-mara bil-maqlub. Huwa qal li, “l-omm tagħti ħafna mill-imħabba tagħha u minnha nnifisha, aktar milli tagħtihom l-affarijiet biex tikkuntentahom. Li l-ġenitur jagħti l-affarijiet lit-tfal mhix ħażina, iżda hemm min jabbuża minnha u juża din l-arma fil-ħażin”.

    Huwa temm jgħid li fl-Amerika hemm is-sistema tajba tal-Pro Bono u jemmen li jkun ta’ ġid kbir jekk il-professjonisti lokali, fosthom counsellors, tobba u avukati, jagħtu ftit mill-ħin tagħhom biex jagħtu servizz soċjali proprju lil dawk li huma batuti, b’mod speċjali ommijiet bi tfal żgħar vittmi ta’ vjolenza domestika. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0