Iddikjarat qaddis minkejja allegazzjonijiet li kien omosesswali

  • Ott 19, 2019 08:12
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Ħafna persuni qegħdin jiddubitaw jekk id-deċiżjoni li l-Kardinal John Henry Newman isir qaddis kinitx waħda f’postha minħabba li hemm allegazzjonijiet b’saħħithom li Newman kien qassis omosesswali tant li fuq talba tiegħu stess kien indifen fl-istess qabar mal-“ħabib” tiegħu Ambrose St John. Newman u Ambrose kienu jgħixu flimkien għal aktar minn 30 sena bħala koppja u jingħad li ż-żewġ qassisin kellhom imħabba kbira lejn xulxin.

    Fit-13 ta’ Ottubru l-Kardinal Newman, flimkien ma’ erba’ nisa oħra, ġie ddikjarat qaddis mill-Knisja Kattolika f’quddiesa speċjali fi Pjazza San Pietru, fil-Vatikan, ikkonċelebrata mill-Papa Franġisku nnifsu u għaliha attenda anke l-Prinċep Karlu mill-familja rjali tar-Renju Unit. 

    Eluf ta’ nies attendew għal din iċ-ċerimonja fil-miftuħ li saret fil-belt kapitali Taljana ta’ Ruma. Newman, li huwa l-aktar reliġjuż Kattoliku famuż fir-Renju Unit miet f’Birmingham fl-1890 u kien l-ewwel persuna Ingliża ddikjarata qaddisa f’dawn l-aħħar 50 sena.

    Carol Parkinson, segretarja tal-‘Friends of Newman’ minn Birmingham stess, qalet li ċ-ċerimonja li fiha sar dan il-Kardinal kienet waħda speċjali u ġurnata verament emozzjonanti. “L-integrità, il-ħbiberija tiegħu, flimkien mal-lealtà u l-ħidma kontinwa li kien għamel huma eżemplari għal kulħadd,” qalet Parkinson. 

    Il-Vatikan irrikonoxxa żewġ mirakli minn Newman - dak li fih fejjaq raġel li kellu marda serja f’dahru u ieħor fejn fejjaq mara li kellha titlef ħafna dmijja. Il-Papa Franġisku fiċ-ċerimonja qal li dan il-qaddis Ingliż għandu jkun ta’ mudell għall-Kristjani moderni. 

    Ħabi mill-Vatikan dwar l-imħabba bejn Newman u St John…

    F’nofs il-kontroversja fi stqarrija tkellem l-attivist għad-drittijiet tal-bniedem Peter Tatchell fejn qal li, “il-Vatikan huwa ħati ta’ reviżjoni fl-istorja għax qered dokumenti uffiċjali li juru l-imħabba li kellu l-Kardinal Newman lejn Ambrose St John u x-xewqa tiegħu li jindifnu ħdejn xulxin”.

    L-attivist qal li Newman u St John kellhom imħabba platonika u spiritwali fejn anke kellhom relazzjoni intima twila bejniethom. “Kienu inseparabbli u għexu flimkien għal aktar minn 30 sena bħal kull koppja miżżewġa,” sostna Tatchell.

    Il-mistoqsija dwar is-sesswalità ta’ Newman kienet diskussa fl-imgħoddi fejn jingħad li Newman kien jikkonsidra lil St John bħala “d-dawl tiegħu f’din id-dinja” fejn qal li, “kien iħobbni b’intensità qawwija ħafna”. Meta St John miet, Newman imnikket għall-aħħar kiteb, “qatt ma kont naħseb li hemm telfa akbar minn dik li tinħass meta raġel jitlef lil martu jew viċi versa, iżda qiegħed inħossha diffiċli nemmen li hemm uġigħ u dwejjaq akbar minn dak li qiegħed inħoss jien”.

    Fl-2008 il-Vatikan ipprova jaqla’ l-fdalijiet tal-Kardinal Newman minn fejn kienu oriġinarjament midfuna mal-“ħabib” tiegħu bil-għan li jkunu f’post ieħor qabel ma jibda l-proċess tas-santità tiegħu.

    Il-pjan li jitneħħa mill-qabar oriġinali tal-Vatikan ma rnexxiex minħabba li ma nstabu ebda fdalijiet. It-tebut tal-injam li kien fih il-ġisem bla ħajja ta’ Newman kien dekompost kompletament u għalhekk ma nstab xejn bħala fdalijiet.

    Tatchell qal li din il-mossa mill-Vatikan biex jisseparaw liż-żewġt irġiel kienet “att ta’ sagrileġġ, tradiment, nuqqas ta’ rispett u omofobija”. Huwa żied jgħid li din l-azzjoni omofobika li jiftħu l-qabar ta’ Newman biex imexxuh, kienet għal darb’oħra ċaħda tal-omosesswalità ta’ Newman li hija konsistenti mal-ħabi li sar fuq tul ta’ snin mill-Vatikan dwar qassisin, isqfijiet, kardinali u anke papiet li kienu u għad hemm minnhom, omosesswali.

    Bħala kontra argument Fr Ian Ker, kiteb fil-ġurnal Kattoliku ‘True Society’, li l-imħabba bejn St John  l-Kardinal Newman kienet waħda fraterna. Huwa qal li r-relazzjoni bejn iż-żewġ qassisin ma kinitx omosesswali minħabba li t-tnejn li huma kienu jipprattikaw iċ-ċelebat u barra minnhekk kienet ħaġa komuni li persuni jitolbu li jindifnu flimkien. “F’dawn iż-żminijiet fejn kważi kull kunċett ta’ ħbiberija affettiva kull darba jiġi ttimbrat bħala attrazzjoni sesswali, spekulazzjoni bħal din hija ovvjament inevitabbli,” sostna Ker.

    Rapport fin-‘New Ways Ministry’ qal li għal Ker jidher li “omosesswali” tfisser “sesswalment attiv” iżda din hija idea żbaljata. Jingħad li żewġt irġiel jistgħu jkunu omosesswali u jkunu jħobbu lil xulxin mingħajr ma jkunu attivi sesswalment bħalma jagħmlu ħafna rġiel omosesswali li huma qassisin u jgħixu ħajja reliġjuża biċ-ċelebat. L-istess rapport qal li ħafna lajċi omosesswali wkoll jgħixu ħajja mingħajr ma jkunu attivi sesswalment ma’ xi ħadd, imma dan ma jfissirx li mhumiex omosesswali. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0