“L-industrija tat-tonn tista’ tikber biss b’mod sostenibbli” - Il-Kap Eżekuttiv tal-FMAP Charlon Gouder

  • Ott 18, 2019 12:42
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    L-industrija tat-tonn hija waħda importanti ħafna f’Malta tant li l-indikazzjonijiet juru li din is-sena tista’ teċċedi l-€200 miljun bħala valur. 90% tal-produzzjoni tat-tonn imorru għall-esportazzjoni fejn 65% tagħhom imorru lejn il-Ġappun. Fil-fatt Malta hija ikkunsidrata waħda mill-ikbar industriji li timporta t-tonn lejn il-Ġappun fejn fis-sena 2017 Malta esportat lejn dan il-pajjiz b’kemm jiswew madwar €85miljun f’ħut, li fil-parti l-kbira tiegħu kien tonn.

    Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura (FMAP), Charlon Gouder qal li din hija industrija importanti ħafna għall-pajjiż u sostna li din tista’ tikber biss b’mod sostenibbli. Ir-riżultati pożittivi jikkonfermaw kemm il-Federazzjoni taħdem bl-akbar serjetà biex mhux biss inkunu mexxejja f’Malta iżda saħansitra b’mod internazzjonali. Huwa qal li dawn huma indikazzjonijiet ċari li meta wieħed ipoġġi flimkien, jistgħu tassew jinkisbu r-riżultati.

    Gouder qal li dawn huma riżultati tajbin ħafna u l-indikazzjonijiet juri li din l-industrija tista’ tkompli tikber. Huwa spjega li dan jista’ jsir billi wieħed iħares l-ambjent, ikompli l-investiment fil-ħaddiema u li wieħed ikompli jinvesti, tant li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbar investiment meqjus bħala “game changer”.

    L-istaġun tal-qabda tal-ħut huwa bejn 26 ta’ Mejju u 1 ta’ Lulju u l-għalf jingħata minn 10 jew 15 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Settembru. 

    “l-ammont ta’ żejt miġbur imur lil hinn minn dak li titlob l-ERA”

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-settur tal-akwakultura jkompli jinvesti fit-teknoloġija u ġew installati ukoll lqugħ ġodda biex iwaqqaf iż-żejt li joħroġ mill-għajf tal-ħut milli jmur barra mill-gaġġa. Dan ifisser li bħala Federazzjoni tieħu bħala prijorità ukoll l-aspett ambjentali li kien jidher ukoll bil-pass importanti li l-operaturi jpoġġu “booms” madwar il-fish farms biex jiġi kkontrollat l-inkonvenjent u l-effett li l-irziezet tat-tonn ikollhom fuq l-ambjent.

    Fil-fatt Gouder qal li l-ammont ta’ żejt miġbur kien imur lil hinn minn dak li titlob l-ERA fejn madwar 100,000 litru ta’ żejt ġie ppurifikat. Gouder spjega li s-“self regulatory agreement” ħalla l-frott mixtieq għax wara s-sena li għaddiet daħħlu miżuri ta’ natura regolatorja u proċess fejn il-Federazzjoni kienet qiegħda ssegwi kollox kull ġurnata. Gouder qal ukoll li l-Federazzjoni taħdem ukoll qrib il-Cleansing Department u li dak li jinġabar ma jillimitax ruħu ma’ żejt iżda jinkludu affarijiet oħra bħal plastik u karkassi.

    It-tonn huwa mitmugħ ħut żgħir, ġeneralment bħal aringa, kavalli, inċova, sardin eċċ. L-għalf huwa ordnat minn numru ta’ fornituri. Kuljum numru ta’ kontenituri jinħattu u l-ħut iffriżat jiġi ttrasferit mill-imballaġġ tat-trasport tagħhom u mqiegħed f'boroż kbar magħmulin apposta. Il-basktijiet imbagħad jitqiegħdu fiċ-ċestuni u l-ħut jitħalla jinħall matul il-lejl. Dak kollu li jinħall jinġabar b’mod xieraq. Madwar id-dgħajjes ikun hemm boom fejn tilqa’ kwalunkwe żejt li joħroġ. 

    Kull żejt residwu li rnexxielu jaħrab jinġabar minn dgħajjes li jgħassu ż-żoni fil-viċinanza tal-irziezet tat-tonn u lil hinn minnha. Kull razzett ikollu mill-inqas żewġ dgħajjes ddedikati għall-ġbir taż-żejt. Kull waħda minn dawn id-dgħajjes hija mmexxija minn mill-inqas tliet operaturi u mgħammra b'għadd ta' IBCs li jintużaw għall-ġbir taż-żejt, skimmers, fost oħrajn. Ovvjament ladarba jidħol rapport dwar xi roqgħa, tittieħed azzjoni malajr biex ma tkomplix tinfirex.

    “Il-foam abjad mhux marbut mal-għalf tat-tonn”

    Il-Professur Joe Borg, li huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Bijoloġija, spjega li dak li ħafna jaħsbu li jkun ‘slime’, fil-fatt huwa foam abjad li mhux marbut mal-għalf tat-tonn u li ssibu madwar id-dinja kollha. Huwa qal li dan il-foam huwa fenomenu naturali magħmul minn taħlita ta’ affarijiet naturali bħal ħaxix tal-baħar. Il-Professur qal li dan m’għandux x’jaqsam mas-sea slime, anzi hemm differenza kbira u sostna li dan il-foam ma jistax jiġi evitat.

    Gouder qal li kull ilment li tressaq kollha ġew investigati. Fil-fatt l-ERA regolarment tagħmel spezzjonijiet madwar tliet darbiet fil-ġimgħa. Ir-riżultati juru li din l-operazzjoni hija waħda sana u sostenibbli. Gouder qal li huwa importanti ukoll li jinżamm kuntatt regolari mal-Kunsilli.

    Preżenti għall-konferenza kien hemm is-Sindku u Viċi Sindku ta’ Wied il-Għajn. Is-Sindku Mario Calleja qal li jilqa’ b’mod pożittiv dawn ir-riżultati. Huwa qal li filwaqt li l-ekonomija tkompli tissaħħaħ, bħala Kunsill jinteressahom min-nies. Calleja qal li kienu f’kuntatt regolari ma’ Dr Gouder u spjega li kull ilment li tressaq minn naħa tar-residenti, il-Kunsill ressaqhom lill-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura. 

    Is-Sindku ta’ Wied il-Għajn qal li huwa pożittiv li dak li jgħidu mhux jaqa’ fuq widnejn torox u li se jkomplu jaħdmu biex jitnaqqsu l-ilmenti. Huwa kkonferma li kull darba li raw traċċa fil-baħar, mill-ewwel ittiehdet azzjoni. Dr Gouder qal li l-aktar ilmenti li saru kien proprju wara Settembru li jikkonċidi mat-tibdil tal-klima.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0